Għajnuna u Protezzjoni għall-Adoloxxenti
HUWA taʼ qsim il-qalb meta tfajla—li għadha tifla hi nfisha—toħroġ tqila barra miż-żwieġ. Madankollu, it-tqala fost l-adoloxxenti hija mifruxa, u qed tolqot lil kulħadd b’xi mod. It-traġedja tat-tqala fost l-adoloxxenti hija biss prova waħda taʼ kemm hu għaqli l-kmand t’Alla: “Aħarbu miż-żína.”—1 Korintin 6:18.
Minkejja dan, minn żmien għal żmien, tfajla li tkun ġiet mgħallma l-modi t’Alla tagħżel li tinjora jew tiċħad dak li taf. Hi tinvolvi ruħha f’immoralità sesswali u toħroġ tqila. Kristjani veri kif għandhom jirreaġixxu? Meta żagħżugħa li dinbet turi li hi niedma, il-ġenituri tagħha u membri oħra tal-kongregazzjoni Kristjana għandhom jagħtu għajnuna u appoġġ bl-imħabba.
Erġaʼ ikkunsidra lil Nicole. Il-ġenituri tagħha kienu qed irabbuha bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalhekk, kien iktar inkwetanti meta ħarġet tqila barra miż-żwieġ. Madankollu, Nicole tiftakar, “Kristjani sħabi kienu jiġu d-dar tiegħi u jipprovaw jinkuraġġuni biex nistudja l-Bibbja u nibqaʼ qrib taʼ Ġeħova.”
Le, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma japprovawx kondotta sesswali mhix xierqa. Imma huma jafu li billi japplikaw prinċipji Bibliċi, dawk li jkunu għamlu l-ħażen jistgħu ‘jinbidlu.’ (Rumani 12:2) Għandhom fidi soda li Alla jaħfer lil dawk li jindmu. (Efesin 1:7) Jagħrfu wkoll li anki jekk titnissel tarbija barra miż-żwieġ, it-tarbija m’għamlet xejn ħażin. Għalhekk, minflok ma jwarrbuha, membri tal-kongregazzjoni Kristjana għandhom juruha l-istess affezzjoni tenera, ħniena, u qalb tajba li juru lil kwalunkwe tifel jew tifla fosthom.—Kolossin 3:12.
Waħda omm li qed trabbi lil uliedha waħedha bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi malajr wieġbet għall-messaġġ tal-Bibbja u għamlet bidliet kbar f’ħajjitha. Hi qalet dwar ix-Xhieda: “Huma kollha wrew interess ġenwin fija u fit-tfal tiegħi. Tawni ikel u ħwejjeġ meta kont fil-bżonn kif ukoll għajnuna finanzjarja. Meta kkwalifikajt biex noħroġ fil-ministeru taʼ l-għalqa max-Xhieda taʼ Ġeħova, huma ġieli ħaduli ħsieb it-tfal biex inkun nistaʼ noħroġ. Huma għamlu kulma setgħu biex jgħinuni niżviluppa mħabba vera għal Ġeħova.”
Prevenzjoni
Minkejja dan, huwa ħafna aħjar jekk ngħinu lill-adoloxxenti jevitaw dawn il-problemi minn qabel. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova b’hekk jipprovaw jipprovdu ambjent sabiħ u kollu mħabba għal uliedhom. Minflok ma jużaw tattiċi biex ibeżżgħuhom—mill-AIDS jew anki mit-tqala—ix-Xhieda jipprovaw inaqqxu fiż-żgħażagħ tagħhom imħabba vera għal Alla Ġeħova u għal-liġijiet tiegħu. (Salm 119:97) Huma jemmnu li t-tfal għandhom bżonn informazzjoni eżatta dwar is-sess. Iżjed minn hekk, jemmnu li t-tfal għandhom bżonn jiġu mgħallmin il-prinċipji morali li hemm fil-Bibbja miċ-ċokon. (2 Timotju 3:15) Fis-Swali tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Ġeħova tingħata istruzzjoni formali. Madankollu, ġenituri li huma Xhieda huma inkuraġġiti wkoll biex jistudjaw il-Bibbja mat-tfal tagħhom fuq bażi persunali. Letteratura, bħall-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, ġiet pubblikata biex tgħin lill-ġenituri jagħtu lil uliedhom gwida morali.a
Li timxi mal-livelli morali stretti tal-Bibbja jmur kontra l-immoralità li hija mifruxa fid-dinja. Imma huwa l-mod taʼ ħajja li jistaʼ jevita t-traġedja tat-tqala fost l-adoloxxenti lil miljuni taʼ tfajliet.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 12]
Kristjani veri jittrattaw lill-ommijiet mhux miżżewġin b’qalb tajba u juruhom konsiderazzjoni