Kif l-Isem t’Alla Sar Magħruf
DAVID, is-salmista tal-Bibbja għanna: “Infaħħar l-isem taʼ Alla bl-għana.” David kien jaf l-isem t’Alla, u f’għanja waħda, hu ħeġġeġ: “Ikun imbierek Alla Ġeħova . . . Imbierek l-isem glorjuż tiegħu.” (Salm 69:31 [69:30, NW]; 72:18, 19, NW) L-iktar forma taʼ l-isem t’Alla li tintuża bl-Ingliż hija Jehovah, bil-Malti Ġeħova. Dawn huma tradotti mill-kelma bl-Ebrajk יהוה, li tidher kważi 7,000 darba fil-Bibbja.
Fis-sekli li għaddew l-isem t’Alla ġie użat f’ħafna postijiet, mhux biss fil-Bibbja. Per eżempju, il-kliem bil-Latin Benedictus Sit Iehova Deus, li jfisser “Ikun Imfaħħar Alla Ġeħova,” jinsab fuq il-muniti tad-deheb li għal ħafna snin kienu jsiru fl-Isvizzera [1]. Fil-fatt, matul il-mijiet u mijiet taʼ snin li għaddew, l-isem t’Alla bl-Ebrajk u bil-Latin deher f’iktar minn elf tip differenti taʼ muniti, għeliem, midalji u biċċiet tal-metall li kienu jservu bħala muniti.
X’wassal għall-użu daqshekk mifrux taʼ l-isem divin, li nistgħu naraw eżempji tiegħu f’din il-paġna u fil-paġna li jmiss?
Għala Użaw l-Isem t’Alla?
Sa mis-seklu 16, il-battalji reliġjużi bejn il-Kattoliċi Rumani u r-Riformisti Protestanti xterdu fl-Ewropa kollha tal-Punent. Diversi territorji tal-provinċja li jappartjenu lil Spanja nqatgħu minn mal-Knisja Kattolika Rumana, li kienet ir-reliġjon prinċipali, u minflok ippreferew lill-Knisja Riformista. Dan wassal għal gwerra ċivili reliġjuża. Il-muniti u x-xbihat taʼ fuqhom kienu jintużaw biex iwasslu l-messaġġ li Alla kien qed jappoġġa naħa jew oħra.
Kif Kien Jintuża l-Isem Divin
L-inċiżuri, nies li jnaqqxu disinji fuq il-muniti, kienu jirrappreżentaw l-isem t’Alla, Ġeħova, permezz taʼ l-erbaʼ ittri bl-Ebrajk magħrufin bħala t-Tetragrammaton. Dawn huma tradotti letteralment bl-Ingliż bħala JHVH jew YHWH. Normalment, la l-inċiżuri u lanqas in-nies in ġenerali ma kienu jaqraw bl-Ebrajk. Għalhekk, meta t-Tetragrammaton ġiet ikkopjata għal darba wara l-oħra, l-erbaʼ ittri bl-Ebrajk taʼ l-isem t’Alla bdew jinkitbu b’diversi modi.
L-Isvezja għamlet munita bl-isem t’Alla fuqha madwar is-sena 1568 [2], u anki l-Iskozja għamlet dan, bejn wieħed u ieħor, fl-1591. Madwar is-sena 1600, ir-Re Karlu IX taʼ l-Isvezja poġġa l-isem t’Alla—spellut b’diversi modi fosthom Ihehova, Iehova, u Iehovah—fuq il-flus [3]. Hu kellu tip wieħed taʼ munita tad-deheb—oġġett meraviljuż li ngħata l-valur taʼ erbaʼ xhur paga taʼ ħaddiem tas-sengħa!
Iktar minn 60 munita differenti hekk imsejħin muniti taʼ Ġeħova huma magħrufin minn żmien ir-re tad-Danimarka u tan-Norveġja, Kristjan IV, li kien jaħkem mill-1588 sa l-1648. Sa nofs is-seklu 17, “il-muniti taʼ Ġeħova” dehru wkoll fil-Polonja u fl-Isvizzera u sabu ruħhom fil-Ġermanja wkoll.
Matul il-Gwerra tat-Tletin Sena, li kienet miġġielda fl-Ewropa mill-1618 sa l-1648 u li bdiet bħala gwerra reliġjuża, dawn il-muniti żdiedu. Wara l-Battalja rebbieħa taʼ Breitenfeld fl-1631, ir-re Svediż Gustav II Adolph għamel muniti bit-Tetragrammaton fuqhom [4]. Dawn kienu magħmulin fi bliet bħal Erfurt, Fürth, Mainz, u Würzburg. Madwar l-istess żmien, il-prinċipalitajiet alleati taʼ l-Isvezja wkoll bdew jipproduċu muniti bl-isem t’Alla fuqhom.
Matul bejn wieħed u ieħor 150 sena, wara t-tmiem tal-Gwerra tat-Tletin Sena tal-biżaʼ, l-isem t’Alla baqaʼ jidher fuq muniti, midalji, u għeliem. Muniti bħal dawn kienu magħmulin fl-Awstrija, Franza, il-Messiku, u r-Russja, kif ukoll f’pajjiżi oħrajn. Madankollu, sal-bidu tas-seklu 18, l-isem t’Alla kien jintuża b’dan il-mod inqas u inqas spiss. Maż-żmien, kważi għab kompletament minn fuq l-għodod taʼ l-istampar.
Jagħmlu l-Isem t’Alla Magħruf
Għalkemm l-isem t’Alla għandu mnejn ma jinstabx fuq il-flus li jintużaw illum, dan qed jiġi proklamat bħal qatt qabel. Żmien ilu, Alla għażel nies biex jaqduh u qalilhom: “Intom ix-xhieda tiegħi, . . . Jiena Alla.” (Isaija 43:12) Ebda munita ma tistaʼ twettaq dan l-irwol vitali. Fil-fatt, dawk li użaw l-isem t’Alla fuq il-muniti tagħhom taw xiehda falza dwaru, minħabba li huma talbu għall-appoġġ tiegħu fil-gwerer brutali tagħhom. Però, illum xi bnedmin qed jagħmlu l-isem t’Alla magħruf bil-mod li japprova hu.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jinkuraġġuk titgħallem iktar dwar l-Alla l-veru, Ġeħova, u dwar xi jfisser ismu. Dwaru, salmista tal-Bibbja kiteb: “Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:19 [83:18, NW]) Għarfien dwar Ġeħova huwa vitali, bħalma rrivela Ibnu l-għażiż meta talab: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.
[Stampa f’paġna 20, 21]
L-għodod taʼ inċiżur biex jagħmel il-muniti
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 20]
Munita 1 u għodod: Hans-Peter-Marquardt.net; munita 2: Mit freundlicher Genehmigung Sammlung Julius Hagander
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 21]
Muniti 3 u 4: Mit freundlicher Genehmigung Sammlung Julius Hagander