Min Hu Ġesù Kristu?
IMMAĠINA x’eċċitament kellu wieħed żagħżugħ Lhudi li kien jismu Indrì l-ewwel darba li semaʼ l-kliem taʼ Ġesù taʼ Nazaret! Il-Bibbja tgħid li Indrì mar jiġri għand ħuh u qal: “Sibna ’l-Messija [jew, Kristu].” (Ġwanni 1:41) Kemm bil-lingwa Ebrajka u kemm bil-Grieg, il-kliem li jiġi tradott bħala “Messija” u “Kristu” jfisser “Midluk.” Ġesù kien il-Midluk, jew il-Magħżul t’Alla—il-Mexxej imwiegħed. (Isaija 55:4) Fl-Iskrittura kien hemm profeziji dwaru, u l-Lhud taʼ dak iż-żmien kienu qed jistennewh.—Luqa 3:15.
Kif nafu li Ġesù kien verament il-Magħżul t’Alla? Ikkunsidra x’ġara fis-sena 29 E.K. meta Ġesù kellu 30 sena. Hu mar għand Ġwanni l-Għammied sabiex jitgħammed minnu fl-ilma tax-Xmara Ġordan. Il-Bibbja tgħid: “Wara li tgħammed, Ġesù minnufih telaʼ mill-ilma; u, ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuqu. U ara! Instemaʼ wkoll leħen mis-smewwiet jgħid: ‘Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.’” (Mattew 3:16, 17) Wara li semaʼ dan il-kliem t’approvazzjoni, setaʼ Ġwanni jkollu xi dubju jekk Ġesù kienx il-Magħżul t’Alla jew le? Billi sawwab l-ispirtu qaddis Tiegħu fuq Ġesù, Alla Ġeħova dilku, jew ħatru, bħala s-Sultan tas-Saltna Tiegħu li ġejja. Għalhekk, Ġesù sar Ġesù Kristu, jew Ġesù l-Midluk. Madankollu Ġesù għala jissejjaħ l-Iben t’Alla? Minfejn ġie?
Il-Bidu Tiegħu Kien “mill-Qedem”
Il-ħajja taʼ Ġesù tistaʼ tinqasam fi tliet fażijiet. L-ewwel waħda bdiet ħafna qabel ma twieled bħala bniedem. Mikea 5:1 (5:2, NW) jgħid li l-bidu tiegħu kien “mill-qedem, sa minn dejjem taʼ dejjem.” Ġesù nnifsu qal: “Jien mill-oqsma taʼ fuq”—jiġifieri, mis-sema. (Ġwanni 8:23) Hu kien fis-sema bħala spirtu setgħan.
Ladarba dak kollu li nħoloq kellu bidu, kien hemm żmien meta Alla kien waħdu. Madankollu, żmien twil ilu Alla beda joħloq. Lil min ħalaq l-ewwel? L-aħħar ktieb tal-Bibbja jgħid li Ġesù kien “il-bidu tal-ħolqien li għamel Alla.” (Rivelazzjoni 3:14) Ġesù huwa “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu.” Dan hu hekk “għax permezz tiegħu nħolqu l-affarijiet l-oħrajn kollha fis-smewwiet u fuq l-art, dawk viżibbli u dawk inviżibbli.” (Kolossin 1:15, 16) Iva, Ġesù kien l-uniku wieħed li ġie maħluq direttament minn Alla nnifsu. Għalhekk, hu jissejjaħ “l-Iben uniġenitu” t’Alla. (Ġwanni 3:16) Dan l-Iben li hu l-ewwel imwieled għandu t-titlu taʼ “l-Kelma.” (Ġwanni 1:14) Għala? Għax qabel ma twieled bħala bniedem, hu kien jaqdi fis-sema bħala l-kelliemi t’Alla.
“Il-Kelma” kien maʼ Alla Ġeħova “fil-bidu,” meta kienu qed jinħolqu “s-sema u l-art.” Hu kien il-wieħed li lilu Alla qal: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.” (Ġwanni 1:1; Ġenesi 1:1, 26) L-ewwel Iben taʼ Ġeħova kien hemm maġenb Missieru, billi kien bieżel jaħdem miegħu. Fi Proverbji 8:22-31 (NW) hu deskritt bħala li qed jgħid: “Kont [ħdejn il-Ħallieq] bħala ħaddiem tas-sengħa, u kont dak li bih kien jitgħaxxaq b’mod speċjali jum wara ieħor, hieni quddiemu l-ħin kollu.”
Min jaf kemm kienu jafu lil xulxin mill-qrib Alla Ġeħova u l-Iben uniġenitu tiegħu hekk kif ħadmu flimkien! Din is-sħubija fil-qrib maʼ Ġeħova għal annati taʼ snin żgur li effettwat lill-Iben t’Alla bil-kbir. Dan l-Iben ubbidjenti sar eżatt bħal Missieru, Ġeħova. Fil-fatt, Kolossin 1:15 isejjaħ lil Ġesù “x-xbieha t’Alla li ma jidhirx.” Din hija waħda mir-raġunijiet għala huwa vitali li nitgħallmu dwar Ġesù sabiex inkunu nistgħu nissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħna u x-xewqa naturali li għandna biex insiru nafu lil Alla. Dak kollu li Ġesù għamel waqt li kien fuq l-art kien eżattament dak li Ġeħova stenna minnu li jagħmel. Għalhekk, meta nsiru nafu lil Ġesù nkunu qed inżidu l-għarfien tagħna dwar Ġeħova. (Ġwanni 8:28; 14:8-10) Imma Ġesù kif ġie fuq l-art?
Il-Ħajja Tiegħu Bħala Bniedem
It-tieni fażi tal-ħajja taʼ Ġesù bdiet meta Alla bagħat lil Ibnu fuq l-art. Ġeħova għamel dan billi mirakolożament ittrasferixxa l-ħajja taʼ Ġesù mis-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni leali Lhudija li kien jisimha Marija. Ġesù ma wiret l-ebda imperfezzjoni għax hu ma kellux missier uman. L-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, jew il-forza attiva tiegħu, niżel fuq Marija, u l-qawwa tiegħu ‘għattietha,’ u tqalet b’mod mirakoluż. (Luqa 1:34, 35) Għalhekk, Marija wildet iben perfett. Peress li kien l-iben adottiv taʼ mastrudaxxa li kien jismu Ġużeppi, hu trabba f’dar li ma kinitx sinjura u wara li twieled Ġesù, Marija u Ġużeppi kellhom iktar tfal.—Isaija 7:14; Mattew 1:22, 23; Marku 6:3.
Dwar it-tfulija taʼ Ġesù ftit li xejn nafu, imma ġrajja minnhom hi taʼ min jinnotaha. Meta Ġesù kellu 12-il sena, il-ġenituri tiegħu ħaduh għaż-żjara li kienu jagħmlu kull sena lejn Ġerusalemm għall-Qbiż. Sakemm kienu qegħdin hemm, hu qattaʼ ftit ħin mhux ħażin fit-tempju, “bil-qiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” Iktar minn hekk, “dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.” Iva, iż-żagħżugħ Ġesù mhux biss setaʼ jistaqsi mistoqsijiet li jqanqlu l-ħsieb u li kienu fuq affarijiet spiritwali imma wkoll setaʼ jagħti tweġibiet intelliġenti li ħallew lil oħrajn b’ħalqhom miftuħ. (Luqa 2:41-50) Hekk kif trabba fil-belt taʼ Nazaret, hu tgħallem is-sengħa taʼ mastrudaxxa, m’għandniex xi ngħidu mingħand Ġużeppi, missieru adottiv.—Mattew 13:55.
Ġesù għex f’Nazaret sakemm kellu 30 sena. Imbagħad mar għand Ġwanni biex jitgħammed. Wara l-magħmudija, Ġesù beda l-ministeru mimli ħeġġa tiegħu. Għal tliet snin u nofs hu vvjaġġa tul art twelidu jħabbar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Hu ta evidenza li hu kien intbagħat minn Alla. Kif? Billi wettaq ħafna mirakli—għemejjel setgħana li l-ebda bniedem ma setaʼ jagħmel.—Mattew 4:17; Luqa 19:37, 38.
Ġesù kien bniedem li kien juri tenerezza kbira u sentimenti profondi. It-tenerezza tiegħu kienet tidher b’mod speċjali fil-mod kif hu kien iqis u jittratta lin-nies. Minħabba li Ġesù kien bniedem faċli biex tavviċinah u qalbu tajba, in-nies kienu jinġibdu lejh. Anki t-tfal ħassewhom komdi fil-preżenza tiegħu. (Marku 10:13-16) Ġesù ttratta lin-nisa b’rispett, avolja fi żmienu xi wħud kienu jqisuhom bħala li kienu inferjuri. (Ġwanni 4:9, 27) Hu għen lill-foqra u lil dawk li kienu magħkusin biex ‘isibu serħan għal ruħhom.’ (Mattew 11:28-30) Il-mod kif kien jgħallem kien ċar, sempliċi, u prattiku. U dak li għallem irrifletta x-xewqa sinċiera tiegħu li jgħarraf lis-semmiegħa tiegħu dwar Alla l-veru, Ġeħova.—Ġwanni 17:6-8.
Ġesù uża l-ispirtu qaddis t’Alla biex jagħmel il-mirakli, u hu fejjaq lill-morda u lill-imnikktin b’mogħdrija. (Mattew 15:30, 31) Per eżempju, wieħed lebbruż ġie għandu u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù x’għamel? Ħareġ idu u messu, u qal: “Irrid. Indaf.” U dan ir-raġel marid fieq!—Mattew 8:2-4.
Ikkunsidra wkoll l-okkażjoni meta folla nies ġiet għand Ġesù u qagħdet miegħu tlett ijiem mingħajr ma kielet. Hu tħassarhom lin-nies u b’mod mirakoluż hu temaʼ “erbat elef raġel, barra n-nisa u t-tfal żgħar.” (Mattew 15:32-38) F’okkażjoni oħra, Ġesù kkalma maltempata li poġġiet il-ħajja tal-ħbieb tiegħu fil-periklu. (Marku 4:37-39) Hu rxoxta, jew ġab lura għall-ħajja, lil dawk li kienu mietu.a (Luqa 7:22; Ġwanni 11:43, 44) Minn jeddu, Ġesù saħansitra ta l-ħajja perfetta tiegħu bħala bniedem sabiex l-umanità imperfetta jkun jistaʼ jkollha tama għall-futur. Xi mħabba profonda kellu Ġesù għan-nies!
Ġesù Fejn Qiegħed Illum?
Ġesù miet fuq zokk tat-tortura meta kellu 33 sena u nofs.b Imma l-mewt ma kinitx it-tmiem tal-ħajja tiegħu. It-tielet fażi taʼ ħajtu bdiet madwar tlett ijiem wara l-mewt tiegħu meta Alla Ġeħova rxoxta lil Ibnu bħala spirtu. Wara li ġie rxoxtat, Ġesù deher lil mijiet taʼ nies li kienu jgħixu fl-ewwel seklu E.K. (1 Korintin 15:3-8) Minn dakinhar ’il quddiem, hu “qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija t’Alla” u stenna sakemm irċieva l-qawwa bħala Sultan. (Ebrej 10:12, 13) Meta wasal dan iż-żmien, Ġesù beda jaħkem bħala Sultan. Allura kif għandna nimmaġinawh lil Ġesù llum? Għandna nqisuh bħala bniedem li bata u li ngħata l-mewt? Jew għandna nqisuh bħala xi ħadd li għandu jiġi meqjum? Illum il-ġurnata, Ġesù la huwa bniedem u lanqas hu Alla li Jistaʼ Kollox. Minflok, hu spirtu setgħan, Sultan renjanti. Dalwaqt, hu se juri l-ħakma li għandu fuq l-art tagħna mimlija inkwiet.
Filwaqt li juża lingwaġġ simboliku, Rivelazzjoni 19:11-16 jiddeskrivi lil Ġesù Kristu bħala li hu sultan bil-qiegħda fuq żiemel abjad ġej biex jagħmel ġudizzju u jiggwerra bil-ġustizzja. Hu għandu “sejf twil li jaqtaʼ, biex bih jidrob lill-ġnus.” Iva, Ġesù se juża l-qawwa kbira tiegħu biex jeqred lill-ħżiena. U xi ngħidu għal dawk li jissieltu biex isegwu l-eżempju li ħalla waqt li kien fuq l-art? (1 Pietru 2:21) Hu u Missieru se jħalluhom ħajjin fil-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” li ġejja dalwaqt—li spiss tissejjaħ Armageddon—sabiex ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem bħala s-sudditi fuq l-art tas-Saltna tas-sema t’Alla.—Rivelazzjoni 7:9, 14; 16:14, 16; 21:3, 4.
Matul il-ħakma tiegħu taʼ paċi, min jaf x’mirakli se jagħmel Ġesù għall-umanità kollha! (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]; 11:1-10) Hu se jfejjaq lill-morda u se jtemm il-mewt. Alla se juża lil Ġesù biex jirxoxta lil biljuni taʼ nies, u jagħtihom l-opportunità biex jgħixu għal dejjem fuq l-art. (Ġwanni 5:28, 29) Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw kemm se tkun sabiħa ħajjitna taħt il-ħakma tas-Saltna. Għalhekk, huwa importanti li nkomplu nieħdu għarfien mill-Bibbja u nsiru nafu iktar lil Ġesù Kristu.
[Noti taʼ taħt]
a Il-mirakli li Ġesù wettaq kien jaf bihom kulħadd. Anki l-għedewwa tiegħu rrikonoxxew li hu ‘wettaq ħafna sinjali.’—Ġwanni 11:47, 48.
b Għal spjegazzjoni dwar jekk Kristu mietx fuq zokk tat-tortura jew salib, jekk jogħġbok ara l-ktieb Reasoning From the Scriptures f’paġna 89-90 jew It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Awissu, 1989, paġni 11-14.
[KAXXA F’PAĠNA 7]
HUWA ĠESÙ ALLA LI JISTAʼ KOLLOX?
Ħafna nies reliġjużi jgħidu li Ġesù huwa Alla. Xi wħud jgħidu li Alla huwa Trinità. Skond dan it-tagħlim, “il-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla, u l-Ispirtu Qaddis hu Alla, u madankollu m’hemmx tliet Allat imma Alla wieħed.” Jingħad li t-tlieta “huma ko-eterni u ko-ugwali.” (The Catholic Encyclopedia) Huma dawn l-opinjonijiet korretti?
Alla Ġeħova huwa l-Ħallieq. (Rivelazzjoni 4:11) Hu la għandu bidu u lanqas tmiem, u jistaʼ kollox. (Salm 90:2) Min-naħa l-oħra, Ġesù kellu bidu. (Kolossin 1:15, 16) Meta rrefera għal Missieru, Ġesù qal: “Il-Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28) Ġesù wkoll spjega li kien hemm xi affarijiet li la hu u lanqas l-anġli ma kienu jafuhom imma li Missieru biss jafhom.—Marku 13:32.
Iktar minn hekk, Ġesù talab lil Missieru: “Ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Luqa 22:42) Ġesù lil min kien qed jitlob jekk mhux lil xi Individwu superjuri għalih? Barra minn hekk, kien Alla li rxoxta lil Ġesù mill-mewt, u mhux Ġesù nnifsu. (Atti 2:32) Ovvjament, il-Missier u l-Iben ma kinux ugwali qabel ma Ġesù ġie fuq l-art jew matul il-ħajja tiegħu fuq l-art. Xi ngħidu wara li Ġesù ġie rxoxtat u telaʼ fis-sema? L-Ewwel Korintin 11:3 jgħid: “Il-kap tal-Kristu hu Alla.” Fil-fatt, l-Iben dejjem se jkun sottomess lejn Alla. (1 Korintin 15:28) Għalhekk, l-Iskrittura turi li Ġesù m’huwiex Alla li Jistaʼ Kollox. Minflok, hu l-Iben t’Alla.
L-hekk imsejjaħ tielet persuna tat-Trinità—l-ispirtu qaddis—m’huwiex persuna. Meta kien qed jitkellem m’Alla fit-talb, is-salmista qal: “Malli tibgħat in-nifs tiegħek [“l-ispirtu tiegħek,” NW], jinħolqu.” (Salm 104:30) Dan l-ispirtu m’huwiex Alla nnifsu; huwa l-forza attiva li jibgħat jew juża sabiex iwettaq dak kollu li jixtieq. Permezz tiegħu, Alla ħalaq is-smewwiet fiżiċi, l-art, u kull ħaġa ħajja. (Ġenesi 1:2; Salm 33:6) Alla uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jispira lil dawk l-irġiel li kitbu l-Bibbja. (2 Pietru 1:20, 21) Mela, it-Trinità m’hijiex tagħlim li ġej mill-Iskrittura.c Il-Bibbja tgħid: “Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu.”—Dewteronomju 6:4.
[Nota taʼ taħt]
c Għal iktar informazzjoni, ara l-browxer Għandek Int Temmen fit-Trinità? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 5]
Fil-magħmudija tiegħu, Ġesù sar il-Midluk t’Alla
[Stampa f’paġna 7]
Ġesù uża l-enerġija tiegħu biex jagħmel ix-xogħol li kien tah Alla
[Stampa f’paġna 7]
Illum, Ġesù huwa Sultan setgħan