LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ti pp. 16-19
  • Huwa Alla Dejjem Superjuri għal Ġesù?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Huwa Alla Dejjem Superjuri għal Ġesù?
  • Għandek Int Temmen fit-Trinità?
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġesù Distint Minn Alla
  • Il-​Qaddej Sottomess t’Alla
  • Alla Superjuri Dejjem
  • Ġesù Kellu Għarfien Limitat
  • Ġesù Jkompli Sottomess
  • Ġesù Qatt ma Sostna li Hu Alla
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ġesù Huwa Alla li Jistaʼ Kollox?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Ġesù Kristu—Mibgħut Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
Għandek Int Temmen fit-Trinità?
ti pp. 16-19

Huwa Alla Dejjem Superjuri għal Ġesù?

ĠESÙ qatt ma sostna li hu Alla. Kulma qal dwaru nnifsu jindika li hu ma kienx iqis lilu nnifsu ugwali m’Alla b’xi mod​—la fil-​qawwa, la fil-​għarfien, u lanqas fl-​età.

F’kull perijodu tal-​eżistenza tiegħu, kemm fis-​sema u kemm fuq l-​art, id-​diskors u l-​kondotta tiegħu jirriflettu sottomissjoni lejn Alla. Alla huwa dejjem il-​wieħed superjuri, Ġesù l-​wieħed inqas li kien maħluq minn Alla.

Ġesù Distint Minn Alla

DARBA wara l-​oħra, Ġesù wera li hu kien ħlejqa separata minn Alla u li hu, Ġesù, kellu Alla fuqu, Alla li lilu hu kien iqim, Alla li lilu hu kien isejjaħlu “Missier.” F’talba lil Alla, jiġifieri, il-​Missier, Ġesù qal, “Jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku veru Alla.” (Ġwann 17:3) Fi Ġwann 20:17 hu qal lil Marija Maddalena: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierek, għand Alla tiegħi u Alla tiegħek.” (RS, edizzjoni Kattolika) Fit-​2 Korintin 1:3 l-​appostlu Pawlu jikkonferma din ir-​relazzjoni: “Ikun imbierek dak Alla u Missier il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.” Ladarba Ġesù kellu Alla, Missieru, hu ma setax fl-​istess waqt ikun dak Alla.

L-appostlu Pawlu ma kellu ebda riserva dwar li jitkellem dwar Ġesù u Alla bħala wħud separati b’mod distint: “Għalina hemm Alla wieħed, il-​Missier, . . . u hemm Mulej wieħed, Ġesù Kristu.” (1 Korintin 8:​6, JB) L-​appostlu juri d-​distinzjoni meta jsemmi “l-​preżenza t’Alla u taʼ Kristu Ġesù u tal-​anġli magħżulin.” (1 Timotew 5:​21, RS Common Bible) Sewwa sew bħalma Pawlu jitkellem dwar Ġesù u l-​anġli bħala li huma distinti minn xulxin fis-​sema, hekk ukoll huma Ġesù u Alla.

Il-kliem taʼ Ġesù fi Ġwann 8:​17, 18 ukoll huwa sinjifikanti. Hu jistqarr: “Fil-​Liġi tiegħek stess hemm miktub, ‘Ix-​xiehda taʼ żewġ bnedmin hija vera.’ Jiena wieħed li nagħti xiehda dwari nnifsi, u l-​Missier li bagħatni jagħti xiehda dwari.” Hawn Ġesù juri li hu u l-​Missier, jiġifieri, Alla li Jistaʼ Kollox, bil-​fors li huma żewġ entitajiet distinti, għax kif iktar setaʼ verament ikun hemm żewġ xiehda?

Ġesù wera wkoll li kien esseri separat minn Alla billi qal: “Għala ssejjaħli tajjeb? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla.” (Mark 10:​18, JB) Mela Ġesù kien qed igħid li ħadd ma hu tajjeb bħalma hu Alla, lanqas saħansitra Ġesù nnifsu. Alla huwa tajjeb b’tali mod li jisseparah minn Ġesù.

Il-​Qaddej Sottomess t’Alla

DARBA wara l-​oħra, Ġesù għamel stqarrijiet bħal dawn: “L-​Iben ma jistaʼ jagħmel xejn għall-​gost tiegħu, hu jistaʼ jagħmel biss dak li jara lil Missieru jagħmel.” (Ġwann 5:​19, The Holy Bible, minn Monsinjur R. A. Knox) “Jiena nżilt mis-​sema biex nagħmel, mhux ir-​rieda tiegħi, imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.” (Ġwann 6:38) “Dak li ngħallem mhux tiegħi, imma jappartjeni lil dak li bagħatni.” (Ġwann 7:16) M’huwiex dak li jibgħat superjuri għal dak li jintbagħat?

Din ir-​relazzjoni hija evidenti fit-​tixbieha taʼ Ġesù dwar il-​għalqa tad-​dwieli. Hu xebbah lil Alla, Missieru, maʼ sid il-​għalqa tad-​dwieli, li siefer u ħallieha f’idejn xi kultivaturi, li kienu jirrappreżentaw lill-​kleru Lhudi. Meta s-​sid iktar tard bagħat irsir biex iġib ftit mill-​frott tal-​għalqa tad-​dwieli, il-​kultivaturi sawtu lill-​irsir u bagħtuh ’il hemm idejh vojta. Imbagħad is-​sid bagħat lit-​tieni rsir, u iktar tard lit-​tielet wieħed, li t-​tnejn li huma ġew ittrattati bl-​istess mod. Fl-​aħħarnett, is-​sid qal: “Se nibgħat lil ibni [Ġesù] l-​maħbub. X’aktarx li lil dan se jirrispettawh.” Imma l-​kultivaturi korrotti qalu: “‘Dan hu l-​werriet; ejjew noqtluh, biex il-​wirt forsi jsir tagħna.’ Minnufih huma tefgħuh barra l-​għalqa tad-​dwieli u qatluh.” (Luqa 20:​9-16) B’hekk Ġesù wera l-​pożizzjoni tiegħu stess bħala wieħed li ġie mibgħut minn Alla biex jagħmel ir-​rieda t’Alla, sewwa sew bħalma missier jibgħat lil iben sottomess.

Is-segwaċi taʼ Ġesù dejjem ħarsu lejh bħala qaddej sottomess t’Alla, mhux bħala wieħed ugwali m’Alla. Huma talbu lil Alla dwar “il-​qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li lilu int dlikt, . . . u sinjali u egħġubijiet huma mwettqin permezz tal-​isem tal-​qaddej qaddis tiegħek Ġesù.”​—Atti 4:​23, 27, 30, RS, edizzjoni Kattolika.

Alla Superjuri Dejjem

FIL-​BIDUNETT tal-​ministeru taʼ Ġesù, meta hu telaʼ mill-​ilma tal-​magħmudija, il-​leħen t’Alla mis-​sema qal: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:​16, 17) Kien Alla qed igħid li hu kien ibnu stess, li hu approva lilu nnifsu, li hu bagħat lilu nnifsu? Le, Alla l-​Ħallieq kien qed igħid li hu, bħala l-​wieħed superjuri, kien qed japprova lil wieħed inqas, Ibnu Ġesù, għax-​xogħol li kellu quddiemu.

Ġesù indika s-​superjorità taʼ Missieru meta qal: “L-​ispirtu taʼ Jehovah qiegħed fuqi, għaliex hu dilikni biex niddikjara aħbar tajba lill-​foqra.” (Luqa 4:18) Id-​dlik huwa l-​għoti taʼ awtorità jew kariga minn wieħed superjuri lil xi ħadd li m’għandux diġà awtorità. Hawn Alla huwa biċ-​ċar il-​wieħed superjuri, għax hu dilek lil Ġesù, billi tah awtorità li hu ma kellux qabel.

Ġesù għamilha ċara s-​superjorità taʼ Missieru meta l-​omm taʼ żewġ dixxipli talbet li uliedha joqogħdu bil-​qiegħda wieħed fuq il-​lemin u wieħed fuq ix-​xellug taʼ Ġesù meta hu jkun ġie ġewwa s-​Saltna tiegħu. Ġesù wieġeb: “Inkwantu għal siġġijiet fuq il-​leminija tiegħi u fuq ix-​xellugija tiegħi, dawn m’humiex tiegħi biex nagħtihom; jappartjenu lil dawk li lilhom ġew mogħtijin minn Missieri,” jiġifieri, Alla. (Mattew 20:​23, JB) Kieku Ġesù kien Alla li Jistaʼ Kollox, dawk il-​pożizzjonijiet kienu jkunu tiegħu biex jagħtihom. Imma Ġesù ma setax jagħtihom, għax kienu t’Alla biex jagħtihom, u Ġesù ma kienx Alla.

It-talbiet taʼ Ġesù stess huma eżempju qawwi tal-​pożizzjoni inferjuri tiegħu. Meta Ġesù kien wasal biex imut, hu wera min kien is-​superjur tiegħu billi talab: “Missier, jekk tixtieq, neħħi dan il-​kies minni. Madankollu, ħa sseħħ, mhux ir-​rieda tiegħi, imma tiegħek.” (Luqa 22:42) Lil min kien qed jitlob? Lil parti minnu nnifsu? Le, kien qed jitlob lil xi ħadd għalkollox separat, Missieru, Alla, li r-​rieda tiegħu kienet superjuri u setgħet tkun differenti minn tiegħu stess, l-​uniku Wieħed li għandu l-​ħila ‘jneħħi dan il-​kies.’

Imbagħad, hekk kif qorob lejn il-​mewt, Ġesù għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” (Mark 15:​34, JB) Ġesù lil min kien qed igħajjat? Lilu nnifsu jew lil parti minnu nnifsu? Ċertament, dik il-​għajta, “Alla tiegħi,” ma kinetx mingħand xi ħadd li kien iqis lilu nnifsu li hu Alla. U jekk Ġesù kien Alla, allura minn min kien abbandunat? Minnu nnifsu? Dak ma jagħmilx sens. Ġesù qal ukoll: “Missier, f’idejk nafda l-​ispirtu tiegħi.” (Luqa 23:46) Jekk Ġesù kien Alla, għal liema raġuni għandu jafda l-​ispirtu tiegħu lill-​Missier?

Wara li Ġesù miet, hu kien fil-​qabar għal partijiet minn tlett ijiem. Kieku kien Alla, allura Ħabakkuk 1:12 huwa żbaljat meta jgħid: “O Alla tiegħi, il-​Wieħed Qaddis tiegħi, int ma tmutx.” Imma l-​Bibbja tgħid li Ġesù fil-​fatt miet u kien mitluf minn sensih fil-​qabar. U min irxoxta lil Ġesù mill-​imwiet? Jekk kien verament mejjet, hu ma setax irxoxta lilu nnifsu. Mill-​banda l-​oħra, kieku ma kienx verament mejjet, it-​taparsi mewt tiegħu ma kinetx tħallas il-​prezz tar-​rahan għad-​dnub taʼ Adam. Imma hu fil-​fatt ħallas dak il-​prezz bis-​sħiħ bil-​mewt ġenwina tiegħu. Mela kien “Alla [li] rxoxta [lil Ġesù] billi ħall il-​weġgħat tal-​mewt.” (Atti 2:24) Il-​wieħed superjuri, Alla li Jistaʼ Kollox, qajjem lill-​wieħed inqas, il-​qaddej tiegħu Ġesù, mill-​imwiet.

L-abbiltà taʼ Ġesù li jagħmel il-​mirakli, bħal per eżempju li jirxoxta lin-​nies, tindika li hu kien Alla? Sewwa, l-​appostli u l-​profeti Elija u Eliżew kellhom dik il-​qawwa wkoll, imma dak m’għamilhomx iktar minn bnedmin. Alla ta l-​qawwa biex jagħmlu l-​mirakli lill-​profeti, lil Ġesù, u lill-​appostli biex juri li Hu kien qed jappoġġjahom. Imma l-​qawwa m’għamlitx lil xi ħadd minnhom parti minn sustanza plurali t’Alla.

Ġesù Kellu Għarfien Limitat

META Ġesù ta l-​profezija tiegħu dwar it-​tmiem taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet, hu stqarr: “Imma dwar dak il-​jum jew dik is-​siegħa ħadd ma jaf, lanqas saħansitra l-​anġli fis-​sema, lanqas l-​Iben, imma biss il-​Missier.” (Mark 13:​32, RS, edizzjoni Kattolika) Kieku Ġesù kien l-​Iben ugwali parti minn sustanza t’Alla, hu kieku kien ikun jaf dak li jaf Missieru. Imma Ġesù ma kienx jaf, għax hu ma kienx ugwali m’Alla.

Bl-istess mod, naqraw f’Ebrej 5:8 li Ġesù “tgħallem l-​ubbidjenza mill-​affarijiet li sofra.” Nistgħu aħna nimmaġinaw li Alla kellu jitgħallem xi ħaġa? Le, imma Ġesù kellu, għax hu ma kienx jaf dak kollu li Alla kien jaf. U hu kellu jitgħallem xi ħaġa li Alla qatt m’għandu bżonn jitgħallem​—l-​ubbidjenza. Alla qatt ma jrid jobdi lil xi ħadd.

Id-differenza bejn dak li jaf Alla u dak li jaf Kristu wkoll eżistiet meta Ġesù ġie rxoxtat lejn is-​sema biex ikun m’Alla. Innota l-​ewwel kliem tal-​aħħar ktieb tal-​Bibbja: “Ir-​rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu, li Alla tah.” (Rivelazzjoni 1:​1, RS, edizzjoni Kattolika) Kieku Ġesù nnifsu kien parti minn sustanza t’Alla, kellu hu jiġi mogħti rivelazzjoni minn parti oħra mis-​sustanza t’Alla​—Alla? Ċertament kien ikun jaf kollox dwarha, għax Alla kien jaf. Imma Ġesù ma kienx jaf, għax hu ma kienx Alla.

Ġesù Jkompli Sottomess

FL-​EŻISTENZA tiegħu qabel ma sar bniedem, u wkoll meta kien fuq l-​art, Ġesù kien sottomess lejn Alla. Wara l-​irxoxt tiegħu, hu jkompli jkun f’pożizzjoni sottomessa, sekondarja.

Billi tkellmu dwar l-​irxoxt taʼ Ġesù, Pietru u dawk li kienu miegħu qalu lis-​Sinedriju Lhudi: “Alla eżalta lil dan il-​wieħed [Ġesù] . . . lejn il-​leminija tiegħu.” (Atti 5:31) Pawlu qal: “Alla eżaltah lejn pożizzjoni superjuri.” (Filippin 2:9) Jekk Ġesù kien Alla, kif setaʼ Ġesù ġie eżaltat, jiġifieri, imgħolli għal pożizzjoni ogħla milli kien gawda qabel? Kieku kien ikun diġà parti eżaltata mit-​Trinità. Jekk, qabel l-​eżaltazzjoni tiegħu, Ġesù kien ugwali m’Alla, li jiġi eżaltat iktar minn hekk kien ikun ifisser li hu jsir superjuri għal Alla.

Pawlu qal ukoll li Kristu daħal fis-​“sema nnifsu, sabiex setaʼ jidher fil-​preżenza attwali t’Alla għan-​nom tagħna.” (Ebrej 9:​24, JB) Jekk inti tidher fil-​preżenza taʼ xi ħadd ieħor, kif tistaʼ int tkun dik il-​persuna? Ma tistax. Bil-​fors li inti differenti u separat.

Bl-istess mod, sewwa sew qabel ma ġie mħaġġar għall-​mewt, il-​martri Stiefnu “ħares fiss lejn is-​sema u ra b’għajnejh il-​glorja t’Alla u lil Ġesù bil-​wieqfa fuq il-​leminija t’Alla.” (Atti 7:55) Biċ-​ċar, hu ra żewġ individwi separati​—imma ebda spirtu qaddis, ebda Trinità tas-​sustanza t’Alla.

Fir-rakkont f’Rivelazzjoni 4:8 sa 5:​7, Alla huwa muri bil-​qiegħda fuq it-​tron tiegħu tas-​sema, imma Ġesù mhux. Hu jrid jersaq lejn Alla biex jieħu romblu minn id il-​leminija t’Alla. Dan juri li fis-​sema Ġesù mhux Alla imma huwa separat minnu.

Fi qbil maʼ dak li għidna, il-​Bulletin of the John Rylands Library f’Manchester, l-​Ingilterra, jistqarr: “Fil-​ħajja tiegħu fis-​sema wara l-​irxoxt, Ġesù huwa mpinġi bħala li qed iżomm individwalità persunali li hi għalkollox distinta u separata mill-​persuna t’Alla bħalma kienet tiegħu fil-​ħajja tiegħu fuq l-​art bħala Ġesù tal-​art. Maʼ ġenb Alla u mqabbel m’Alla, hu jidher, tabilħaqq, bħala jerġaʼ esseri ieħor tas-​sema fil-​qorti tas-​sema t’Alla, sewwa sew bħalma kienu l-​anġli​—għalkemm bħala l-​Iben t’Alla, hu qiegħed f’kategorija differenti, u f’pożizzjoni ferm ’il fuq minnhom.”​—Qabbel Filippin 2:11.

Il-Bulletin igħid ukoll: “Madankollu, dak li jingħad dwar il-​ħajja u l-​funzjonijiet tiegħu bħala l-​Kristu ċelestjali la jfisser u lanqas jimplika li fl-​istat divin hu qiegħed fl-​istess livell maʼ Alla nnifsu u huwa għalkollox Alla. Għall-​kuntrarju, fl-​istampa tat-​Testment il-​Ġdid tal-​persuna u l-​ministeru tiegħu fis-​sema aħna nilmħu figura kemm separata minn u kemm sottomessa lejn Alla.”

Fil-futur taʼ dejjem fis-​sema, Ġesù se jkompli jkun qaddej separat u subordinat t’Alla. Il-​Bibbja dan tesprimih b’dan il-​mod: “Wara dak se jiġi t-​tmiem, meta hu [Ġesù fis-​sema] se jgħaddi s-​saltna f’idejn Alla l-​Missier . . . Imbagħad l-​Iben innifsu se jkun issuġġettat lejn il-​Wieħed li ssuġġetta kollox lejh, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.”​—1 Korintin 15:​24, 28, NJB.

Ġesù Qatt ma Sostna li Hu Alla

IL-​POŻIZZJONI tal-​Bibbja hija ċara. Jehovah, Alla li Jistaʼ Kollox, mhux biss huwa personalità separata minn Ġesù imma Huwa dejjem superjuri għalih. Ġesù huwa dejjem ippreżentat bħala separat u inqas, qaddej umli t’Alla. Għalhekk il-​Bibbja tgħid b’mod ċar li “r-​ras tal-​Kristu hu Alla” bl-​istess mod li “r-​ras taʼ kull raġel hu l-​Kristu.” (1 Korintin 11:3) U kien għalhekk li Ġesù nnifsu qal: “Il-​Missier hu akbar minni.”​—Ġwann 14:​28, RS, edizzjoni Kattolika.

Il-fatt hu li Ġesù mhux Alla u qatt ma sostna li hu. Dan qed jiġi rrikonoxxut minn numru li dejjem jiżdied taʼ studjużi. Bħalma jistqarr il-​Bulletin taʼ Rylands: “Irid jiġi ffaċċjat il-​fatt li riċerka tat-​Testment il-​Ġdid għal, ingħidu aħna, dawn l-​aħħar tletin jew erbgħin sena qed twassal lil numru li dejjem jiżdied taʼ studjużi taʼ fama tat-​Testment il-​Ġdid għall-​konklużjoni li Ġesù . . . ċertament qatt ma emmen li hu nnifsu kien Alla.”

Il-Bulletin igħid ukoll dwar Kristjani tal-​ewwel seklu: “Meta, għalhekk, huma taw lil [Ġesù] titli taʼ unur bħal Kristu, Bin il-​bniedem, Bin Alla u Mulej, dawn kienu modi kif igħidu mhux li hu kien Alla, imma li għamel ix-​xogħol t’Alla.”

B’hekk, saħansitra xi studjuzi reliġjużi jammettu li l-​ideja li Ġesù huwa Alla hija kontra t-​testimonjanza kollha tal-​Bibbja. Hemmhekk, Alla huwa dejjem il-​wieħed superjuri, u Ġesù huwa l-​qaddej subordinat.

[Kumment f’paġna 19]

‘Riċerka tat-​Testment il-​Ġdid qed twassal lil numru li dejjem jiżdied taʼ studjużi għall-​​konklużjoni li Ġesù ċertament qatt ma emmen li hu nnifsu kien Alla.’​—Bulletin of the John Rylands Library

[Stampa f’paġna 17]

Ġesù qal lil-​Lhud: “Jiena nżilt mis-​sema biex nagħmel, mhux ir-​rieda tiegħi, imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.”​—Ġwann 6:38

[Stampa f’paġna 18]

Meta Ġesù għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” żgur li ma kienx jemmen li hu nnifsu kien Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja