Kapitlu 17
Jgħallem lil Nikodemu
WAQT li qed jattendi l-Qbiż tas-sena 30 E.K., Ġesù jwettaq sinjali tal-għaġeb, jew mirakli. Bħala riżultat, ħafna nies ipoġġu l-fidi tagħhom fih. Nikodemu, membru tas-Sinedriju, il-qorti superjuri tal-Lhud, jimpressjona ruħu u jrid jitgħallem iktar. Mela hu jżur lil Ġesù fis-satra tal-lejl, probabbilment għax kien jibżaʼ li r-reputazzjoni tiegħu fost il-mexxejja Lhud kienet se titħassar jekk jarawh.
“Rabbi,” jgħid hu, “aħna nafu li inti bħala għalliem ġejt mingħand Alla; għax ħadd ma jistaʼ jwettaq dawn is-sinjali li twettaq int jekk Alla ma jkunx miegħu.” Bi tweġiba, Ġesù jgħid lil Nikodemu li sabiex jidħol fis-Saltna t’Alla, wieħed irid ‘jitwieled mill-ġdid.’
Iżda, kif jistaʼ wieħed jitwieled mill-ġdid? “Ma jistax jidħol ġol-ġuf t’ommu t-tieni darba u jitwieled, hux tassew?” jistaqsi Nikodemu.
Le, li tkun imwieled mill-ġdid ma jfissirx hekk. “Jekk xi ħadd ma jitwelidx mill-ilma u mill-ispirtu,” jispjega Ġesù, “ma jistax jidħol ġos-saltna t’Alla.” Meta Ġesù tgħammed u niżel fuqu l-ispirtu qaddis, hu b’hekk twieled “mill-ilma u mill-ispirtu.” Bid-dikjarazzjoni li ġiet dak il-ħin mis-sema, ‘Dan hu ibni li lilu jien approvajt,’ Alla ħabbar li hu kien welled iben spiritwali bil-prospett taʼ li jidħol fis-Saltna tas-sema. Iktar tard, f’Pentekoste tas-sena 33 E.K, uħud oħrajn li jitgħammdu se jirċievu l-ispirtu qaddis u b’hekk ukoll se jitwieldu mill-ġdid bħala wlied spiritwali t’Alla.
Imma r-rwol tal-Iben uman speċjali t’Alla huwa vitali. “Sewwa sew bħalma Mosè għolla s-serpent fix-xagħri,” igħid Ġesù lil Nikodemu, “hekk irid jiġi mgħolli Bin il-bniedem, biex kulmin qed jemmen fih jistaʼ jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Iva, bħalma dawk l-Iżraeliti migdumin mis-sriep velenużi kellhom iħarsu lejn is-serpent tar-ram biex jiġu salvati, hekk il-bnedmin kollha jinħtieġu li jeżerċitaw fidi fl-Iben t’Alla biex jiġu salvati mill-qagħda moribonda tagħhom.
Biex jenfasizza r-rwol taʼ mħabba taʼ Jehovah f’dan, Ġesù mbagħad igħid lil Nikodemu: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” B’hekk, hawn f’Ġerusalemm sitt xhur biss wara li beda l-ministeru tiegħu, Ġesù jagħmilha ċara li hu l-mezz taʼ Alla Jehovah biex isalva lill-umanità.
Ġesù jissokta jispjega iktar lil Nikodemu: “Għax Alla bagħat lil Ibnu ’l quddiem fid-dinja, mhux biex hu jiġġudika lid-dinja,” jiġifieri, mhux biex jagħtiha ġudizzju taʼ kontra, jew jikkundannaha, billi jissentenzja lir-razza umana għall-qerda. Minflok, bħalma jgħid Ġesù, hu ġie mibgħut “biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħu.”
Nikodemu ġie għand Ġesù bil-biżaʼ fis-satra tal-lejl. Mela huwa interessanti li Ġesù jagħlaq il-konversazzjoni tiegħu miegħu billi jgħid: “Issa dan hu l-bażi għall-ġudizzju, li d-dawl [li Ġesù ppersonifika fil-ħajja u t-tagħlim tiegħu] ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam minflok id-dawl, għax xogħlijiethom kienu mill-agħar. Għax dak li jipprattika affarijiet vili jobgħod id-dawl u ma jiġix għad-dawl, sabiex ix-xogħlijiet tiegħu jistgħu ma jiġux imċanfrin. Imma dak li jagħmel dak li hu veru jiġi għad-dawl, sabiex ix-xogħlijiet tiegħu jistgħu jintgħamlu jidhru bħala li ġew maħduma fi qbil maʼ Alla.” Ġwann 2:23–3:21; Mattew 3:16, 17; Atti 2:1-4; Numri 21:9.
▪ X’iqanqal iż-żjara taʼ Nikodemu, u għala jiġi bil-lejl?
▪ Xi jfisser li tkun ‘imwieled mill-ġdid’?
▪ Ġesù kif jagħti stampa tar-rwol tiegħu fis-salvazzjoni tagħna?
▪ X’ifisser li Ġesù ma ġiex biex jiġġudika lid-dinja?