Kapitlu 28
Mistoqsi Dwar is-Sawm
GĦADDIET kważi sena minn mindu Ġesù attenda l-Qbiż tas-sena 30 E.K. S’issa Ġwanni l-Battista ilu fil-ħabs għal bosta xhur. Għalkemm ried lid-dixxipli tiegħu jsiru segwaċi taʼ Kristu, mhux kollha għamlu hekk.
Issa xi wħud minn dawn id-dixxipli taʼ Ġwanni li jinsab il-ħabs jiġu għand Ġesù u jistaqsu: “Għala hu li aħna u l-Fariżej nipprattikaw is-sawm imma d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” Il-Fariżej jipprattikaw is-sawm darbtejn fil-ġimgħa bħala ritwali tar-reliġjon tagħhom. U d-dixxipli taʼ Ġwanni x’aktarx jimxu fuq drawwa simili. Jistaʼ jkun ukoll li huma qed isumu biex juru d-djieqa tagħhom għall-fatt li Ġwanni qiegħed il-ħabs u ma jistgħux jifhmu għala d-dixxipli taʼ Ġesù ma jingħaqdux magħhom f’din l-espressjoni taʼ niket.
Bi tweġiba Ġesù jispjega: “Il-ħbieb tal-għarus ma għandhom l-ebda raġuni li jagħlu sakemm il-għarus għadu magħhom, hux hekk? Imma l-jiem se jiġu meta l-għarus se jittieħed minn magħhom, u mbagħad se jsumu.”
Id-dixxipli taʼ Ġwanni għandhom jiftakru li Ġwanni nnifsu tkellem dwar Ġesù bħala l-Għarus. Mela waqt li Ġesù għadu preżenti, Ġwanni ma kienx se jħoss li hu xieraq li jsum, u lanqas id-dixxipli taʼ Ġesù. Iktar tard, meta Ġesù jmut, id-dixxipli tiegħu se jitnikktu u jsumu. Imma meta jirxoxta u jitlaʼ s-sema, ma jkollhomx raġuni iktar għal sawm taʼ niket.
Imbagħad, Ġesù jagħti dawn it-tixbihat: “Ħadd ma jħit roqgħa drapp mhux mixrub fuq libsa taʼ barra qadima; għax is-saħħa kollha tagħha kieku tiġbed mil-libsa taʼ barra u t-tiċrita kieku ssir agħar. In-nies lanqas ma jpoġġu nbid ġdid fi ġlud tal-inbid qodma; imma jekk jagħmlu hekk, imbagħad il-ġlud tal-inbid jinfaqgħu u l-inbid jinxtered barra u l-ġlud tal-inbid jiġu rrovinati. Imma n-nies ipoġġu nbid ġdid fi ġlud tal-inbid ġodda.” Dawn it-tixbihat x’għandhom x’jaqsmu mas-sawm?
Ġesù kien qed igħin lid-dixxipli taʼ Ġwanni l-Battista japprezzaw li ħadd ma għandu jistenna lis-segwaċi tiegħu jimxu mal-prattiċi qodma tal-Ġudajiżmu, bħas-sawm ritwali. Hu ma ġiex biex iraqqaʼ u jtawwal is-sistemi qodma u mmermrin taʼ qima li kienu lesti biex jitwarrbu. Il-Kristjanità ma kellhiex tkun taqbel mal-Ġudajiżmu taʼ dak iż-żmien bit-tradizzjonijiet tal-bnedmin tagħha. Le, ma kinetx se tkun bħal roqgħa ġdida fuq libsa qadima jew bħal inbid ġdid f’ġilda tal-inbid qadima. Mattew 9:14-17; Mark 2:18-22; Luqa 5:33-39; Ġwann 3:27-29.
▪ Min kien jipprattika s-sawm, u għal liema għan?
▪ Id-dixxipli taʼ Ġesù għala ma jsumux waqt li għadu magħhom, u iktar tard raġuni għal sawm kif għebet malajr?
▪ Liema tixbihat jirrakkonta Ġesù, u x’ifissru?