Huwa s-Sawm Antikwat?
ILI nsum kull nhar taʼ Tnejn minn mindu kont adolexxenti,” tgħid Mrudulaben, mara Indjana sinjura taʼ 78 sena. Dan kien parti mill-qima tagħha, mod kif tiżgura li jkollha żwieġ tajjeb u tfal b’saħħithom, kif ukoll bħala protezzjoni għal żewġha. Issa li romlot, hi tkompli ssum kull nhar taʼ Tnejn għal saħħa tajba u għall-prosperità t’uliedha. Bħalha, il-maġġoranza tan-nisa Indu jagħmlu sawmiet regulari parti minn ħajjithom.
Prakash, negozjant taʼ mezz’età li jgħix f’subborg taʼ Mumbai (Bombay), l-Indja, jgħid li hu jsum kull sena, kull nhar taʼ Tnejn taʼ Sawan (Xravan). Dan huwa xahar taʼ sinjifikat reliġjuż speċjali fil-kalendarju Indu. Prakash jispjega: “Bdejt insum għal raġunijiet reliġjużi, imma issa qiegħed insib inċentiva miżjuda biex inkompli għal raġunijiet taʼ saħħa. Ladarba s-Sawan jiġi lejn l-aħħar tal-monsun, dan jagħti ċans lis-sistema tiegħi biex tnaddaf lilha nfisha minn mard li ġeneralment jaħkem fl-istaġun tax-xita.”
Xi wħud iħossu li s-sawm jgħin lil dak li jkun fiżikament, mentalment, u spiritwalment. Per eżempju, il-Grolier International Encyclopedia tistqarr: “Riċerka xjentifika riċenti tissuġġerixxi li s-sawm jistaʼ jagħti s-saħħa u, meta magħmul bl-attenzjoni, jistaʼ jwassal għal li l-moħħ jaħdem aħjar u għal iktar sensibilità.” Jingħad li l-filosfu Grieg Platone kien isum għal għaxart ijiem jew iżjed u li l-matematiku Pitagora kien iġiegħel lill-istudenti tiegħu jsumu qabel ma jgħallimhom.
Għal xi wħud, is-sawm ifisser astinenza totali minn ikel u ilma għal perijodu fiss taʼ żmien, fil-waqt li oħrajn jixorbu l-likwidi matul is-sawm tagħhom. Li taqbeż ċerti ikliet jew li ma tikolx xi tip partikulari taʼ ikel huwa kkunsidrat minn ħafna bħala sawm. Imma sawm mingħajr superviżjoni għal tul taʼ żmien jistaʼ jkun taʼ sogru. Il-ġurnalist Parul Sheth jgħid li wara li l-ġisem juża l-karboidrati li jkollu maħżunin, dan imbagħad ibiddel il-proteini tal-muskoli fi glukosju u mbagħad idur għax-xaħam tal-ġisem. It-tibdil taʼ xaħam fi glukosju jerħi prodotti tossiċi msejħin ketone bodies. Hekk kif dawn jakkumulaw, huma jimxu lejn il-moħħ, billi jagħmlu ħsara lis-sistema nervuża ċentrali. “Dan huwa meta s-sawm jistaʼ jsir perikoluż,” jgħid Sheth. “Tistaʼ ssir konfuż, diżorjentat, u agħar minn hekk. . . . [Dan jistaʼ jikkaġuna] koma u eventwalment il-mewt.”
Strument u Ritwal
Is-sawm ġie wżat bħala għodda potenti għal għanijiet politiċi jew soċjali. Wieħed prominenti li għaraf juża din l-arma kien Mohandas K. Gandhi ġewwa l-Indja. Stmat minn mijiet t’eluf taʼ nies, hu uża s-sawm biex jeżerċita influwenza qawwija fuq il-mases Indu taʼ l-Indja. Meta ddeskriva r-riżultat tas-sawma tiegħu biex jissetilja tilwima industrijali bejn dawk li jaħdmu fuq il-magni u s-sidien tagħhom, Gandhi qal: “Ir-riżultat aħħari taʼ dan kien li nħolqot atmosfera taʼ rieda tajba bejn kulħadd. Qlub is-sidien tal-magni ġew imqanqlin . . . L-istrajk ġie mwaqqaf wara li kont somt biss għal tlett ijiem.” Il-president taʼ l-Afrika t’Isfel, Nelson Mandela, ipparteċipa fi strajk tal-ġuħ taʼ ħamest ijiem matul is-snin li qattaʼ bħala priġunier politiku.
Il-maġġoranza taʼ dawk li ħaduha drawwa li jsumu, iżda, jagħmlu hekk għal raġunijiet reliġjużi. Is-sawm huwa ritwal prominenti fl-Induiżmu. F’ċerti ġranet, jistqarr il-ktieb Fast and Festivals of India, “huwa osservat sawm komplet . . . lanqas saħansitra qatra ilma ma tittieħed. Kemm l-irġiel u kemm in-nisa jagħmlu sawma stretta . . . biex jiżguraw l-hena, il-prosperità u l-maħfra tan-nuqqasijiet u tad-dnubiet.”
Is-sawm huwa pprattikat ħafna fir-reliġjon Ġajina. Is-Sunday Times of India Review tirrapporta: “Wieħed muni [bniedem għaref] Ġajin f’Bombay [Mumbai] xorob biss żewġ tazzi misħun jagħli kuljum—għal 201 ġranet. Naqas 33 kg.” Xi wħud saħansitra jsumu sal-punt li joqtlu lilhom infushom bil-ġuħ, konvinti li dan se jġib salvazzjoni.
Għall-adulti inġenerali li jipprattikaw l-Islam, is-sawm huwa obbligatorju matul ix-xahar taʼ Ramadan. L-ebda ikel jew ilma ma jistgħu jittieħdu minn x’ħin titlaʼ x-xemx sa ma tinżel ix-xahar kollu. Kulmin ikun marid jew qiegħed jivvjaġġa matul dan iż-żmien irid isum darb’oħra għall-istess numru taʼ ġranet. L-Avvent, l-40 jum qabel l-Għid, huwa żmien taʼ sawm għal xi wħud fil-Kristjaneżmu, u ħafna ordnijiet reliġjużi josservaw sawm fi ġranet speċifiċi oħrajn.
Is-sawm ċertament li ma spiċċax. U ladarba huwa parti minn daqstant reliġjonijiet, nistgħu nistaqsu, Huwa s-sawm rikjest minn Alla? Hemm okkażjonijiet meta l-Kristjani jistgħu jiddeċiedu li jsumu? Jistaʼ dan ikun taʼ benefiċċju? L-artiklu li jmiss se jiddiskuti dawn il-mistoqsijiet. (w96 11/15)
[Stampa f’paġna 3]
Ir-reliġjon Ġajin tqis is-sawm bħala mod kif wieħed jakkwista s-salvazzjoni tar-ruħ
[Stampa f’paġna 4]
Mohandas K. Gandhi uża s-sawm bħala għodda potenti għal għanijiet politiċi jew soċjali
[Stampa f’paġna 4]
Fl-Islam, is-sawm huwa obbligatorju matul ix-xahar taʼ Ramadan
[Sors]
Garo Nalbandian