Jirrikjedih Alla s-Sawm?
IL-LIĠI t’Alla mogħtija permezz taʼ Mosè kienet tirrikjedi s-sawm biss f’okkażjoni waħda—fil-Jum annwali taʼ Tpattija. Il-Liġi kkmandat li f’dak il-jum l-Israeliti kellhom ‘jgħakksu ruħhom,’ li hu mifhum li jfisser li kienu jsumu. (Levitiku 16:29-31; 23:27; Salm 35:13) Madankollu, din is-sawma ma kinitx sempliċement formaliżmu. L-osservanza taʼ Jum it-Tpattija qanqlet lill-poplu Israelit biex ikunu iktar konxji taʼ l-istat midneb tagħhom u l-bżonn għall-fidwa. Huma samu f’dak il-jum ukoll biex jesprimu sogħba għal dnubiethom u ndiema quddiem Alla.
Għalkemm din kienet l-unika sawma obbligatorja taħt il-Liġi Mosajka, l-Israeliti samu f’okkażjonijiet oħrajn. (Eżodu 34:28; 1 Samwel 7:6; 2 Kronaki 20:3; Esdra 8:21; Ester 4:3, 16) Inkluż fost dawn kien hemm sawm volontarju bħala mezz taʼ turija taʼ ndiema. Jehovah ħeġġeġ lill-poplu li żbalja taʼ Ġuda: “Erġgħu duru lejja b’qalbkom kollha, bis-sawm, bil-biki u bl-ilfiq.” Dan ma kellux ikun turija minn barra, għax Alla kompla jgħid: “Ċarrtu qlubkom, u mhux ilbieskom.”—Ġoel 2:12-15.
Maż-żmien, ħafna bdew isumu bħala formaliżmu minn barra. Jehovah stmerr sawm mhux sinċier bħal dan u għalhekk staqsa lill-Israeliti ipokriti: “Jaqaw jien jogħġobni sawm bħal dan, jum biex bniedem igħakkes lilu nnifsu? Biex ibaxxi rasu bħas-simar, u jimtedd fuq l-ixkora u l-irmied? Tgħidlu int dan sawm, jum jogħġob lill-Mulej?” (Isaija 58:5) Minflok ma jagħmlu turija li tagħti fil-għajn tas-sawm tagħhom, dan il-poplu stinat ġie mitlub biex jipproduċi xogħlijiet li jixirqu lill-indiema.
Xi sawm stabbilit mil-Lhud ġie diżapprovat minn Alla preċiż mill-bidu. Per eżempju, f’okkażjoni minnhom il-poplu taʼ Ġuda kellu erbaʼ sawmiet annwali biex jikkommemoraw l-avvenimenti taʼ gwaj assoċjati maʼ l-assedju u l-ħerba taʼ Ġerusalemm fis-sebaʼ seklu Q.E.K. (2 Slaten 25:1-4, 8, 9, 22-26; Żakkarija 8:19) Wara li l-Lhud ġew meħlusin mill-jasar ġewwa Babilonja, Jehovah qal permezz tal-profeta Żakkarija: “Meta matul dawn is-sebgħin sena somtu . . . , is-sawm minħabba fija somtuh?” Alla m’approvax dan is-sawm għaliex il-Lhud kienu qegħdin isumu u jitniehdu minħabba l-ġudizzji li kienu ġew mingħand Jehovah innifsu. Kienu qegħdin isumu minħabba l-gwaj li ġie fuqhom, u mhux minħabba l-aġir żbaljat tagħhom li wassal għalih. Wara li ġew irrestawrati lejn art twelidhom, kien wasal iż-żmien għalihom biex jithennew minflok ma jitnikktu minħabba l-passat.—Żakkarija 7:5.
Huwa S-Sawm Għall-Kristjani?
Avolja Ġesù Kristu qatt ma kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex isumu, hu u s-segwaċi tiegħu samu f’Jum it-Tpattija għaliex kienu taħt il-Liġi Mosajka. Barra minn hekk, xi wħud mid-dixxipli tiegħu samu volontarjament f’okkażjonijiet oħrajn, ladarba Ġesù ma kkmandahomx biex jevitaw din il-prattika għal kollox. (Atti 13:2, 3; 14:23) Madankollu, qatt ma kellhom “ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin.” (Mattew 6:16) Turija esterna taʼ qdusija bħal din tistaʼ ġġib espressjonijiet t’approvazzjoni minn bnedmin oħrajn. Minkejja dan, Alla ma jiħux pjaċir b’iffanfrar bħal dan.—Mattew 6:17, 18.
Ġesù tkellem ukoll dwar is-sawm tas-segwaċi tiegħu fiż-żmien taʼ mewtu. B’hekk hu ma kienx qiegħed joħloq sawm ritwali. Minflok, kien qiegħed jindika reazzjoni għas-sogħba kbira li kellhom jesperjenzaw. Hekk kif ġie rxoxtat, kellu jkun magħhom għal darb’oħra, u ma kienx se jkun hemm raġuni għalihom bħal din biex isumu.—Luqa 5:34, 35.
Il-Liġi Mosajka spiċċat meta “Kristu, . . . offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet taʼ kulħadd.” (Lhud 9:24-28) U mat-tmiem tal-Liġi, il-kmand tas-sawm f’Jum it-Tpattija spiċċa. B’hekk, tneħħa l-uniku sawm obbligatorju msemmi fil-Bibbja.
Xi Ngħidu Għar-Randan?
X’inhi, allura, il-bażi għad-drawwa tas-sawm tal-Kristjaneżmu matul ir-Randan? Kemm il-knisja Kattolika u kemm dik Protestanta jemmnu bir-Randan, għalkemm il-manjiera taʼ kif josservawh hija differenti minn knisja għal oħra. Xi wħud jieklu biss ikla waħda fil-ġurnata matul l-40 ġurnata kollha taʼ qabel l-Għid. Oħrajn isumu totalment fl-Erbgħa taʼ l-Irmied u fil-Ġimgħa l-Kbira biss. Għal xi wħud, ir-Randan jirrikjedi li ma jitteħidx laħam, ħut, bajd, u prodotti tal-ħalib.
Ir-Randan suppost li huwa bbażat fuq l-40 ġurnata li fihom Ġesù sam wara l-magħmudija tiegħu. Kien qiegħed hu dak inhar jistabbilixxi ritwal biex jiġi segwit kull sena? Lanqas xejn. Dan huwa evidenti mill-fatt li l-Bibbja ma ssemmix xi prattika bħal din fost il-Kristjani bikrin. Ir-Randan l-ewwel li beda jiġi osservat kien fir-rabaʼ seklu wara Kristu. Bħal ħafna tagħlim ieħor tal-Kristjaneżmu, dan ġie adottat minn sorsi pagani.
Jekk ir-Randan huwa imitazzjoni tas-sawm taʼ Ġesù fix-xagħri wara l-magħmudija tiegħu, għala huwa osservat matul il-ġimgħat li jwasslu għall-Għid—li huwa suppost iż-żmien taʼ l-irxoxt tiegħu? Ġesù ma samx matul il-ġranet qabel mewtu. Ir-rakkonti tal-Vanġelu jindikaw li hu u d-dixxipli tiegħu żaru djar u kielu ikliet fil-Betanja ftit jiem biss qabel ma miet. U kiel l-ikla tal-Qbiż fil-lejl qabel mewtu.—Mattew 26:6, 7; Luqa 22:15; Ġwann 12:2.
Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mis-sawma taʼ Ġesù wara l-magħmudija tiegħu. Hu kien wasal biex jagħti bidu għal ministeru vitali. L-ivvindikar tas-sovranità taʼ Jehovah u l-futur tar-razza umana kollha kemm hi kienu involuti. Dan kien żmien għal meditazzjoni profonda u biex wieħed idur lejn Jehovah permezz tat-talb għall-għajnuna u l-gwida. Matul dan iż-żmien Ġesù sam b’mod xieraq. Dan jindika li s-sawm jistaʼ jkun taʼ benefiċċju meta magħmul b’motiv tajjeb u f’okkażjoni xierqa.—Qabbel Kolossin 2:20-23.
Meta S-Sawm Jistaʼ Jkun Taʼ Benefiċċju
Ejjew nikkunsidraw xi okkażjonijiet illum meta adoratur t’Alla jistaʼ jsum. Persuna li kkommettiet xi dnub għandha mnejn ma jkollhiex aptit tiekol għal perijodu taʼ żmien. Dan ma kienx se jkun biex timpressjona lil oħrajn jew b’rabja għad-dixxiplina li tirċievi. U, m’għandniex xi ngħidu, is-sawm fih innifsu ma kienx se jirranġa l-kwistjonijiet m’Alla. Madankollu, persuna li nidmet verament se tħoss sogħba profonda talli weġġgħet lil Jehovah u probabbilment lill-ħbieb u lill-familja. Niket u talb ferventi għal maħfra għandhom mnejn iwaqqfu x-xewqa għall-ikel.
David, is-Sultan taʼ Israel, kellu esperjenza simili. Meta kien iffaċċjat bil-prospett li jitlef lil ibnu minn Batxeba, hu kkonċentra l-isforzi kollha tiegħu fuq li jitlob lil Jehovah biex jikseb ħniena rigward it-tarbija. Hekk kif l-emozzjonijiet tiegħu u saħħtu kienu kkonċentrati fuq it-talb tiegħu, hu sam. Bl-istess mod, li tieħu ikel jistaʼ ma jidhirx xieraq taħt ċerti kundizzjonijiet taʼ stress illum.—2 Samwel 12:15-17.
Jistaʼ jkun hemm ukoll żminijiet meta persuna li tibżaʼ minn Alla tkun trid tiffoka fuq xi kwistjoni spiritwali profonda. Riċerka fil-Bibbja u f’pubblikazzjonijiet Kristjani jistgħu jkunu neċessarji. Jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ perijodu taʼ żmien għal meditazzjoni. Matul sessjoni taʼ studju intensiv bħal dan, individwu forsi jagħżel li ma jiġix distratt mill-ikel.—Qabbel Ġeremija 36:8-10.
Hemm eżempji Skritturali taʼ qaddejja t’Alla li samu meta kellhom jittieħdu xi deċiżjonijiet serji. Fi żmien Neħemija kellha ssir ħalfa lil Jehovah, u l-Lhud kellhom ikunu suxxettibbli għal saħta jekk jiksruha. Kellhom iwiegħdu li jitilqu lin-nisa barranin tagħhom u li jżommu separati mill-ġnus taʼ madwarhom. Qabel m’għamlu din il-ħalfa u matul l-istqarrija tal-ħtija tagħhom, il-kongregazzjoni kollha kemm hi samet. (Neħemija 9:1, 38; 10:29, 30) Meta jkun iffaċċjat minn deċiżjonijiet tqal, Kristjan għalhekk jistaʼ jgħaddi mingħajr ikel għal perijodu qasir taʼ żmien.
It-teħid taʼ deċiżjonijiet minn ġemgħat t’anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana bikrija kien xi kultant akkumpanjat mis-sawm. Illum, anzjani tal-kongregazzjoni ffaċċjati minn deċiżjonijiet diffiċli, forsi f’konnessjoni maʼ każ ġudizzjarju, għandhom mnejn jastjenu mill-ikel waqt li jkunu qegħdin jikkunsidraw il-kwistjoni.
Jekk wieħed isumx jew le f’ċerti ċirkostanzi hija deċiżjoni individwali. Persuna m’għandhiex tiġġudika persuna oħra fuq din il-kwistjoni. Ma rridux li ‘nidhru tassew ġusti quddiem il-bnedmin’; lanqas għandna nagħmlu l-ikel daqstant importanti li jtellifna milli nieħdu ħsieb obbligi serji. (Mattew 23:28; Luqa 12:22, 23) U l-Bibbja turi li Alla la jirrikjedi li nsumu u lanqas ma jżommna milli nsumu. (w96 11/15)
[Stampa f’paġna 7]
Taf għala Ġesù sam għal 40 ġurnata wara l-magħmudija tiegħu?