LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kl kap. 15 pp. 140-149
  • Nibnu Familja li Tonora lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nibnu Familja li Tonora lil Alla
  • Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦODDA GĦALL-​BINI TAʼ ŻWIEĠ HIENI
  • INRABBU LIT-​TFAL SKOND L-​GĦARFIEN DWAR ALLA
  • NAKKWISTAW “DIREZZJONI TAS-​SENGĦA”
  • Nagħmlu Suċċess Mill-Ħajja Tal-Familja
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Agħmel iż-Żwieġ Tiegħek Unjoni Dejjiema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
kl kap. 15 pp. 140-149

Kapitlu 15

Nibnu Familja li Tonora lil Alla

1-3. Xi wħud għala m’humiex kapaċi jsolvu l-​problemi komuni fiż-​żwieġ u fl-​irwol taʼ ġenitur, imma l-​Bibbja għala tistaʼ tgħin?

NISSOPONU li tippjana biex tibni d-​dar tiegħek stess. L-​ewwel tixtri l-​art. B’antiċipazzjoni ħerqana, diġà qiegħed tara d-​dar il-​ġdida tiegħek f’moħħok. Imma xi ngħidu jekk m’għandekx għodda u lanqas abbiltajiet biex tibni? Kemm se jkunu frustranti l-​isforzi tiegħek!

2 Ħafna koppji jidħlu fiż-​żwieġ billi jimmaġinaw familja hienja, u madankollu la jippossiedu l-​għodda u lanqas l-​abbiltajiet meħtiġin biex jibnu waħda. Ftit wara l-​jum tat-​tieġ, drawwiet negattivi jiżviluppaw. Il-​ġlied u t-​tilwim isiru rutina taʼ kuljum. Meta jitwieldu t-​tfal, il-​missier u l-​omm ġodda jsibu li huma nfushom m’humiex kapaċi bħala ġenituri daqskemm m’humiex kapaċi fiż-​żwieġ.

3 B’ferħ, madankollu, il-​Bibbja tistaʼ tgħin. Il-​prinċipji tagħha huma bħal għodda li tgħinek tibni familja hienja. (Proverbji 24:3) Ejjew naraw kif.

GĦODDA GĦALL-​BINI TAʼ ŻWIEĠ HIENI

4. Għala huwa mistenni li jinqalgħu xi problemi fiż-​żwieġ, u liema livelli huma pprovduti fil-​Bibbja?

4 Jidhru kemm jidhru mlaqqgħin tajjeb koppja miżżewġa, dawn huma differenti mil-​lat emozzjonali, fl-​esperjenzi tat-​tfulija, u fl-​isfond familjari. Għalhekk, huwa mistenni li jinqalgħu xi problemi wara ż-​żwieġ. Kif se jiġu ttrattati? Sewwa, meta bennejja jibnu xi dar, huma jikkonsultaw il-​pjanti. Dawn huma linji taʼ gwida li jridu jiġu segwiti. Il-​Bibbja tipprovdi l-​livelli t’Alla għall-​bini taʼ familja hienja. Ejjew issa neżaminaw xi ftit minn dawn.

5. Il-​Bibbja kif tenfasizza l-​importanza tal-​lealtà fiż-​żwieġ?

5 Lealtà. Ġesù qal: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-​bniedem.”a (Mattew 19:6) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ħalli jkun iż-​żwieġ tagħkom miżmum fil-​ġieh minn kulħadd u s-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-​żienja u mill-​adulteri.” (Lhud 13:4) Persuni miżżewġin għandhom għalhekk iħossu obbligu lejn Jehovah biex jibqgħu leali lejn l-​imseħbin tagħhom.—Ġenesi 39:7-9.

6. Il-​lealtà kif se tgħin biex tippreserva ż-​żwieġ?

6 Il-​lealtà tagħti liż-​żwieġ dinjità u sigurtà. L-​imseħbin leali jafu li, jiġri x’jiġri, huma se jappoġġjaw lil xulxin. (Koħelet 4:9-12) X’differenza minn dawk li jabbandunaw iż-​żwieġ tagħhom maʼ l-​ewwel ħjiel taʼ inkwiet! Individwi bħal dawn malajr jikkonkludu li huma ‘għażlu l-​persuna żbaljata,’ li huma ‘m’għadhomx jinħabbu,’ li sieħeb (sieħba) ġdid huwa r-​rimedju. Imma dan ma jagħti opportunità lil ebda wieħed mill-​imseħbin biex jimmatura. Minflok, uħud żleali bħal dawn jistgħu jittrasferixxu l-​istess problemi għal fuq imseħbin ġodda. Meta persuna għandha dar mill-​aqwa imma ssib li s-​saqaf qiegħed iqattar, żgur li tipprova ssewwih. Ma taqbadx sempliċement iġġorr għal dar oħra. Bl-​istess mod, li tibdel lis-​sieħeb (sieħba) m’huwiex il-​mod biex issolvi l-​kwistjonijiet li hemm wara l-​inkwiet taż-​żwieġ. Meta jinqalgħu xi problemi, tipprovax toħroġ miż-​żwieġ, imma aħdem iebes ħafna biex tippreservah. Lealtà bħal din tittratta l-​unjoni bħala xi ħaġa li jixirqilha tiġi protetta, sostnuta, u miżmuma b’għożża.

7. Il-​komunikazzjoni għala hija taʼ spiss diffiċli għal nies miżżewġin, imma li wieħed jilbes “il-​bniedem il-​ġdid” kif jgħin?

7 Komunikazzjoni. “Il-​ħsibijiet ifallu fejn mhemmx ftehim,” jgħid proverbju Bibliku. (Proverbji 15:22, KŻ) Madankollu, l-​ikkomunikar huwa diffiċli għal xi koppji miżżewġin. Dak għala jiġri? Għaliex in-​nies għandhom stili differenti taʼ komunikazzjoni. Dan huwa fatt li taʼ spiss iwassal għal nuqqas taʼ ftehim u frustrazzjoni konsiderevoli. It-​trobbija jistaʼ jkollha x’taqsam maʼ dan. Per eżempju, xi wħud jistgħu jkunu ġew imrobbijin f’atmosfera taʼ tilwim bejn il-​ġenituri. Issa bħala adulti miżżewġin, jistgħu ma jkunux jafu kif ikellmu lill-​parti l-​oħra b’mod taʼ qalb tajba u mħabba. Minkejja dan, id-​dar tiegħek m’għandhiex għalfejn tiddeterjora f’“dar mimlija . . . ġlied.” (Proverbji 17:1) Il-​Bibbja tenfasizza li wieħed jilbes “[i]l-bniedem il-​ġdid,” u din ma tippermettix imrar malizzjuż, twerżiq, u diskors t’abbuż.—Efesin 4:22-24, 31.

8. X’jistaʼ jkun t’għajnuna meta ma taqbilx mas-​sieħeb (sieħba) tiegħek?

8 X’tistaʼ tagħmel int meta jkun hemm nuqqas taʼ ftehim? Jekk tibda tielaʼ t-​tempra, jistaʼ jkun tajjeb li ssegwi l-​parir taʼ Proverbji 17:14: “Warrab qabel tibda xi ġlieda.” Iva, tistaʼ tissospendi d-​diskussjoni għal iktar tard, meta kemm int u kemm il-​parti l-​oħra tkunu bridtu. (Koħelet 3:1, 7) Hu x’inhu l-​każ, ħabrek biex tkun ‘ħafif biex tismaʼ; tqil biex titkellem; tqil biex tinkorla.’ (Ġakbu 1:19) Il-​mira tiegħek għandha tkun biex tirrimedja s-​sitwazzjoni, mhux biex tirbaħ l-​argument. (Ġenesi 13:8, 9) Agħżel kliem u mod kif titkellem li se jikkalmaw lilek u lill-​parti l-​oħra. (Proverbji 12:18; 15:1, 4; 29:11) Fuq kollox, tibqgħux fi stat ipprovokat, imma fittxu l-​għajnuna billi tikkomunikaw m’Alla permezz taʼ talb umli flimkien.—Efesin 4:26, 27; 6:18.

9. Għala jistaʼ jingħad li l-​komunikazzjoni tibda fil-​qalb?

9 Proverbju Bibliku jgħid: “Qalb il-​għaref tgħallem lil fommu, u żżid it-​tagħlim fuq xofftejh.” (Proverbji 16:23, KŻ) Tassew, allura, il-​qofol għal komunikazzjoni taʼ suċċess huwa fil-​qalb, mhux fil-​fomm. X’inhi l-​attitudni tiegħek lejn il-​parti l-​oħra? Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex ‘iħossu għal xulxin.’ (1 Pietru 3:8) Tistaʼ int tagħmel dan meta sieħbek (seħbitek) fiż-​żwieġ iġarrab anzjetà taʼ dwejjaq? Jekk inhu hekk, dan se jgħinek tkun taf kif twieġeb.—Isaija 50:4.

10, 11. Raġel miżżewweġ kif jistaʼ japplika l-​parir taʼ 1 Pietru 3:7?

10 Unur u Rispett. Lill-​irġiel Kristjani jintqalilhom biex jgħammru man-​nisa tagħhom ‘skond l-​għarfien, billi jagħtuhom unur bħal li kieku lil reċipjent iktar dgħajjef, il-​wieħed femminili.’ (1 Pietru 3:7, NW) Li wieħed jonora lil martu jinvolvi li jirrikonoxxi l-​valur tagħha. Raġel li jgħammar maʼ martu “skond l-​għarfien” għandu stima kbira lejn is-​sentimenti, l-​attributi sodi, l-​intelliġenza, u d-​dinjità tagħha. Għandu jkun irid isir jaf kif Jehovah iqis lin-​nisa u kif iridhom jiġu ttrattati.

11 Fid-​dar tiegħek, ejjew ngħidu li għandek reċipjent utli ħafna li huwa delikat b’mod speċjali. Ma kontx int tużah b’attenzjoni kbira? Sewwa, Pietru uża t-​terminu “reċipjent iktar dgħajjef” f’linja taʼ ħsieb simili, u dan għandu jqanqal lil raġel Kristjan biex juri konsiderazzjoni tenera lejn il-​maħbuba martu.

12. Mara kif tistaʼ turi li tirrispetta profondament lil żewġha?

12 Imma l-​Bibbja liema parir tagħti lil mara miżżewġa? Pawlu kiteb: “[I]l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha.” (Efesin 5:33) Sewwa sew bħalma mara miżżewġa għandha bżonn tħoss li hi onorata u maħbuba b’għożża mis-​sieħeb tagħha, raġel għandu bżonn iħoss li hu rrispettat minn martu. Mara li turi rispett ma xxandarx b’nuqqas taʼ ħsieb in-​nuqqasijiet taʼ żewġha, kemm jekk hu Kristjan u kemm jekk m’huwiex. Ma ċċaħħdux mid-​dinjità tiegħu billi tikkritikah u ċċekknu la fil-​privat u lanqas fil-​pubbliku.—1 Timotju 3:11; 5:13.

13. Punti di vista kif jistgħu jiġu espressi b’manjiera paċifika?

13 Dan ma jfissirx li mara miżżewġa ma tistax tesprimi l-​opinjonijiet tagħha. Jekk xi ħaġa qiegħda tinkwetaha, hi tistaʼ bir-​rispett kollu titkellem dwarha. (Ġenesi 21:9-12) Li tittrasmetti idea lir-​raġel tagħha jistaʼ jiġi mxebbah maʼ li titfagħlu ballun. Tistaʼ titfgħu bil-​ġentilezza kollha sabiex ikun jistaʼ jaqbdu faċilment, jew tistaʼ titfgħu tant bil-​goff li dan ikorrih. Kemm ikun ferm aħjar meta ż-​żewġ imseħbin jevitaw li jagħmlu akkużi imma, minflok, jitkellmu b’manjiera taʼ qalb tajba u ġentili!—Mattew 7:12; Kolossin 4:6; 1 Pietru 3:3, 4.

14. X’għandek tagħmel int jekk il-​parti l-​oħra turi ftit interess f’li tapplika prinċipji Bibliċi fiż-​żwieġ?

14 Bħalma rajna, il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuk tibni żwieġ hieni. Imma xi ngħidu jekk il-​parti l-​oħra turi ftit li xejn interess f’dak li għandha x’tgħid il-​Bibbja? Ħafna jistaʼ xorta waħda jiġi mwettaq jekk int tapplika l-​għarfien dwar Alla fl-​irwol tiegħek. Pietru kiteb: “Intom in-​nisa oqogħdu għas-​setgħa taʼ żwieġkom biex, jekk ikunu minn dawk li għadhom ma semgħux mill-​kelma taʼ l-​Evanġelju, jintrebħu, mhux bil-​kliem, imma bl-​imġiba tan-​nisa tagħhom, xħin jarawkom iġġibu ruħkom kif jixraq magħhom u bir-​rispett.” (1 Pietru 3:1, 2) M’għandniex xi ngħidu, l-​istess japplika għal raġel li martu hija indifferenti lejn il-​Bibbja. Hu x’inhu li l-​parti l-​oħra tagħżel li tagħmel, ħalli prinċipji Bibliċi jagħmlu lilek sieħeb (sieħba) aħjar. L-​għarfien dwar Alla jistaʼ wkoll jagħmlek ġenitur aħjar.

INRABBU LIT-​TFAL SKOND L-​GĦARFIEN DWAR ALLA

15. Metodi difettużi kif jiġu xi drabi mgħoddijin lil ħaddieħor, imma dan iċ-​ċiklu kif jistaʼ jiġi miksur?

15 Li wieħed sempliċement jippossiedi serrieq jew martell ma jagħmlux mastrudaxxa tas-​sengħa. Bl-​istess mod, li wieħed sempliċement ikollu t-​tfal ma jagħmlux ġenitur tas-​sengħa. Kemm jekk jafu u kemm jekk ma jafux, il-​ġenituri taʼ spiss irabbu lit-​tfal tagħhom bil-​mod li bih huma nfushom ġew imrobbijin. B’hekk, metodi difettużi tat-​trobbija tat-​tfal xi drabi jiġu mgħoddijin minn ġenerazzjoni għall-​oħra. Proverbju Ebrajk antik jgħid: “[I]l-missirijiet kielu l-​għeneb qares u ddarrsu snien uliedhom.” Madankollu, l-​Iskrittura turi li persuna m’għandhiex bil-​fors issegwi l-​korsa stabbilita mill-​ġenituri tagħha. Tistaʼ tagħżel trejqa differenti, waħda influwenzata mill-​istatuti taʼ Jehovah.—Eżekjel 18:2, 14, 17.

16. Għala huwa importanti li tipprovdi għall-​familja tiegħek, u dan x’jinkludi?

16 Jehovah jistenna li ġenituri Kristjani jagħtu lil uliedhom gwida xierqa u indokrar xieraq. Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb niesu, l-​aktar dawk tal-​familja tiegħu, dan ċaħad il-​fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Xi kliem qawwi! Li twettaq l-​irwol tiegħek bħala l-​wieħed li jipprovdi għall-​familja, li jinkludi li tieħu ħsieb il-​ħtiġijiet fiżiċi, spiritwali, u emozzjonali tat-​tfal tiegħek, huwa l-​privileġġ u r-​responsabbiltà taʼ persuna devota. Il-​Bibbja tforni prinċipji li jistgħu jgħinu lill-​ġenituri jibnu ambjent hieni għat-​tfal tagħhom. Ikkunsidra xi wħud minn dawn.

17. X’inhu neċessarju jekk trid li uliedek ikollhom il-​liġi t’Alla fi qlubhom?

17 Agħti eżempju mill-​aħjar. Il-​ġenituri Iżraeliti kienu kkmandati: “Tennihom [il-kelmiet t’Alla] lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.” Il-​ġenituri kellhom jgħallmu l-​livelli t’Alla lit-​tfal tagħhom. Imma din it-​twissija ġiet ippreċeduta mill-​istqarrija: “Żomm f’qalbek dan il-​kliem u dawn il-​kmandamenti li qiegħed nagħtik illum.” (Dewteronomju 6:6, 7) Iva, il-​ġenituri ma jistgħux jagħtu dak li m’għandhomx. Il-​liġijiet t’Alla jridu l-​ewwel jiġu mnaqqxin fi qlubkom stess jekk tridu li jiġu miktubin fil-​qlub tat-​tfal tagħkom.—Proverbji 20:7; qabbel Luqa 6:40.

18. F’li jesprimi mħabba, Jehovah kif stabbilixxa eżempju mill-​aqwa għall-​ġenituri?

18 Ipprovdi assiguranza taʼ l-​imħabba tiegħek. Fil-​magħmudija taʼ Ġesù, Jehovah iddikjara: “Inti Ibni l-​għażiż: fik sibt il-​għaxqa tiegħi.” (Luqa 3:22) Jehovah b’hekk irrikonoxxa lil Ibnu, billi minn jeddu esprima approvazzjoni dwaru u ta assiguranza taʼ l-​imħabba Tiegħu. Ġesù iktar tard qal lil Missieru: “Int ħabbejtni sa minn qabel il-​ħolqien tad-​dinja.” (Ġwann 17:24) Bħala ġenituri devoti, għalhekk, agħtu lit-​tfal tagħkom espressjonijiet verbali u fiżiċi taʼ l-​imħabba tagħkom għalihom—u agħmlu dan spiss. Dejjem ftakru li “l-​imħabba tibnina.”—1 Korintin 8:1.

19, 20. X’inhu involut fl-​iddixxiplinar xieraq tat-​tfal, u l-​ġenituri kif jistgħu jibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Jehovah?

19 Dixxiplina. Il-​Bibbja tenfasizza l-​importanza taʼ dixxiplina b’imħabba. (Proverbji 1:8) Ġenituri li jfarfru r-​responsabbiltà tagħhom li jiggwidaw lit-​tfal tagħhom illum se jiffaċċjaw kważi ċertament konsegwenzi taʼ qsim il-​qalb għada. Madankollu, il-​ġenituri huma mwissijin ukoll kontra li jmorru fl-​estrem l-​ieħor. “Intom, missirijiet,” kiteb Pawlu, “la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.” (Kolossin 3:21) Il-​ġenituri jridu jevitaw li jikkorreġu żżejjed lit-​tfal tagħhom jew li l-​ħin kollu jtambru fuq in-​nuqqasijiet tagħhom u jikktritikaw l-​isforzi tagħhom.

20 Alla Jehovah, Missierna tas-​sema, jagħti l-​eżempju f’li jipprovdi d-​dixxiplina. Il-​korrezzjoni Tiegħu qatt m’hija estrema. “Nikkastigak kemm jistħoqqlok,” qal Alla lill-​poplu tiegħu. (Ġeremija 46:28) Il-​ġenituri għandhom jimitaw lil Jehovah f’dan ir-​rigward. Id-​dixxiplina li taqbeż il-​limiti raġonevoli jew li tissupera l-​iskop intenzjonat taʼ korrezzjoni u tagħlim żgur li hija irritanti.

21. Il-​ġenituri kif jistgħu jiddeterminaw jekk id-​dixxiplina tagħhom hijiex effettiva?

21 Il-​ġenituri kif jistgħu jiddeterminaw jekk id-​dixxiplina tagħhom hijiex effettiva? Jistgħu jistaqsu lilhom infushom, ‘Id-​dixxiplina tiegħi x’qiegħda twettaq?’ Din għandha tgħallem. Ibnek (bintek) għandu jifhem għala qiegħda tiġi amministrata d-​dixxiplina. Il-​ġenituri għandhom ukoll ikunu kkonċernati dwar l-​effetti li tħalli warajha l-​korrezzjoni tagħhom. Veru, kważi t-​tfal kollha għall-​ewwel se jinnervjaw minħabba d-​dixxiplina. (Lhud 12:11) Imma d-​dixxiplina m’għandha qatt iġġiegħel lil tifel (tifla) iħossu mbeżżaʼ jew abbandunat jew tħallih bl-​impressjoni li hu mill-​agħar di natura. Qabel ma kkorreġa lill-​poplu tiegħu, Jehovah qal: “La tibżax. . . . Għax miegħek jien.” (Ġeremija 46:28) Iva, il-​korrezzjoni għandha tiġi amministrata b’tali mod li ibnek (bintek) jinduna li intom taġixxu miegħu jew magħha bħala ġenituri li tħobbu u li tappoġġjaw.

NAKKWISTAW “DIREZZJONI TAS-​SENGĦA”

22, 23. Kif tistaʼ int takkwista d-​direzzjoni meħtieġa biex tibni familja hienja?

22 Nistgħu nkunu grati li Jehovah ipprovda l-​għodda li neħtieġu biex nibnu familja hienja. Imma li sempliċement nippossiedu l-​għodda m’huwiex biżżejjed. Irridu nipprattikaw kif nużawha sew. Per eżempju, bennej jistaʼ jiżviluppa drawwiet inadekwati fil-​mod li bih jimmaniġġa l-​għodda tiegħu. Jistaʼ jagħmel użu totalment ħażin minn xi ftit minnha. F’dawn iċ-​ċirkostanzi, il-​metodi tiegħu iktar iva milli le se jirriżultaw fi prodott inferjuri. Bl-​istess mod, int tistaʼ issa tinduna bi drawwiet mhux tajbin li daħlu bil-​qajla l-​qajla fil-​familja tiegħek. Ftit minnhom jistgħu jkunu daħlu fil-​fond u huma ebsin biex jinbidlu. Madankollu, segwi l-​parir tal-​Bibbja: “Jismaʼ wkoll il-​għaref, u jżid il-​għerf tiegħu, u min jifhem jitgħallem aktar [“jikseb direzzjoni tas-​sengħa,” NW].”—Proverbji 1:5.

23 Int tistaʼ takkwista direzzjoni tas-​sengħa billi tkompli tieħu l-​għarfien dwar Alla. Kun attent għall-​prinċipji tal-​Bibbja li japplikaw għall-​ħajja tal-​familja, u agħmel aġġustamenti fejn meħtieġ. Osserva lil Kristjani maturi li jagħtu eżempju mill-​aħjar bħala mseħbin fiż-​żwieġ u ġenituri. Tkellem magħhom. Fuq kollox, ħu l-​preokkupazzjonijiet tiegħek għand Jehovah fit-​talb. (Salm 55:23 [55:22, NW]; Filippin 4:6, 7) Hu jistaʼ jgħinek tgawdi ħajja tal-​familja hienja li tonorah.

[Nota taʼ taħt]

a L-unika bażi Skritturali għal divorzju li tagħti lok għal żwieġ mill-​ġdid hija ż-​“żena”—relazzjonijiet sesswali barra miż-​żwieġ.—Mattew 19:9, KŻ.

ITTESTJA L-​GĦARFIEN TIEGĦEK

Il-​lealtà, il-​komunikazzjoni, l-​unur, u r-​rispett kif jikkontribwixxu għal żwieġ hieni?

B’liema modi jistgħu l-​ġenituri jiżguraw lit-​tfal tagħhom dwar l-​imħabba tagħhom?

Liema fatturi huma involuti fid-​dixxiplina xierqa?

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 147]

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja