Neżerċitaw Fidi għall-Ħajja taʼ Dejjem
“Għandna fidi li żżomm lir-ruħ ħajja.”—EBREJ 10:39.
1. Enċiklopedija Kattolika x’tirrikonoxxi dwar l-użu mill-Bibbja tal-kelma “ruħ”?
IL-BIBBJA mkien ma tgħid li l-bnedmin għandhom ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-mewt tal-ġisem u tibqaʼ tgħix għal dejjem fil-qasam tal-ispirti. Saħansitra n-New Catholic Encyclopedia tirrikonoxxi: “L-ideja li r-ruħ tibqaʼ ħajja wara l-mewt ma tagħrafhiex faċilment fil-Bibbja. . . . Ir-ruħ fit-T[estment il-]Q[adim] ma tfissirx parti mill-bniedem, imma l-bniedem kollu kemm hu—il-bniedem bħala ħlejqa ħajja. B’mod simili, fit-T[estment il-]Ġ[did] tissinjifika l-ħajja umana: il-ħajja taʼ individwu.” Mela l-bnedmin m’għandhomx erwieħ, huma erwieħ.
2. (a) Fejn oriġina t-twemmin tar-ruħ immortali? (b) X’inhi l-verità dwar il-kundizzjoni tal-bniedem wara l-mewt?
2 Kif wera l-artiklu taʼ qabel, it-twemmin fir-ruħ immortali hu kunċett pagan li jistaʼ jiġi segwit lura lejn żminijiet storiċi bikrin. L-awtur tiegħu hu dak il-wieħed li kkontradixxa d-dikjarazzjoni ċara t’Alla li l-bniedem kien ‘żgur li jmut’ minħabba d-diżubbidjenza. (Ġenesi 2:17) Kien l-opponent, Satana x-Xitan, li qal: “Intom żgur li ma tmutux.” (Ġenesi 3:4) U dik kienet gidba. (Ġwann 8:44) Iktar tard, Satana avanza d-duttrina tal-immortalità tar-ruħ umana. Imma l-verità dwar il-kundizzjoni tal-bniedem wara l-mewt hi bħalma tinnota l-Kelma mnebbħa t’Alla f’Ekkleżjasti 9:5: “Il-mejtin . . . m’huma konxji taʼ xejn affattu.”−Ara wkoll Rumani 5:12.
It-Tama taʼ Ħajja Eterna
3. Rigward liema tama l-Bibbja għandha ħafna xi tgħid?
3 Fil-waqt li l-Bibbja turi b’mod ċar li ma hemmx ruħ immortali, hi għandha ħafna xi tgħid dwar ħajja eterna. It-tama taʼ ħajja bla tmiem kienet tagħlim fundamentali taʼ Ġesù. Hu qal: “Dan ifisser il-ħajja taʼdejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” (Ġwann 17:3) Rigward dawk li jeżerċitaw fidi f’Alla u fi Kristu, Ġesù stqarr: “Jien nagħtihom il-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 10:28) B’fiduċja assoluta, hu qal: “Dak li jemmen għandu l-ħajja taʼ dejjem. . . . Se jgħix għal dejjem.” (Ġwann 6:47, 51) U ddikjara wkoll: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”−Ġwann 3:16.
4. Ġesù x’qal dwar it-tama għall-futur?
4 Ladarba m’hemmx ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara l-mewt, kif se titwettaq il-wegħda tal-Bibbja taʼ ħajja eterna? Ġesù ta iżjed informazzjoni dwar dan meta hu żar lil Marta u Marija wara li ħuhom Lażżru kien miet. Hu qal lil Marta: “Jien hu l-irxoxt u l-ħajja. Min jeżerċita fidi fija, saħansitra għalkemm imut, se jieħu l-ħajja.” Hu staqsa lil Marta: “Temmnu dan?” Hi wieġbet: “Iva, Mulej; jien emmint li inti l-Kristu l-Iben t’Alla.”−Ġwann 11:25-27.
5, 6. X’wera l-qawmien taʼ Lażżru lura għall-ħajja minn Ġesù?
5 Biex juri li hu, bħala l-Iben t’Alla, kien ġie mogħti l-qawwa biex iqajjem lill-mejtin lura għall-ħajja, Ġesù mar fejn il-qabar taʼ Lażżru. Lażżru kien ilu mejjet erbat ijiem, u ġismu kien beda jitħassar. Minkejja dan “[Ġesù] għajjat b’leħen qawwi: ‘Lażżru, oħroġ!’ Ir-raġel li kien mejjet ħareġ b’saqajh u jdejh marbutin bil-faxex, u wiċċu kien marbut b’ċarruta. Qalilhom Ġesù: ‘Ħolluh u ħalluh imur.’” (Ġwann 11:43, 44) Il-mejjet Lażżru kien inġab lura għall-ħajja!
6 Lażżru ma nġabx lura mis-sema jew minn xi mkien ieħor fil-qasam tal-ispirti. Ma kienx mar fil-qasam tal-ispirti meta miet imma kien bla ħajja fil-qabar, fejn jinsabu l-mejtin kollha. (Salm 146:4; Ġwann 3:13; Atti 2:34) Ma jagħmilx sens li taħseb li r-ruħ immortali taʼ Lażżru kienet qed tgawdi hena tas-sema u mbagħad dik ir-ruħ inħatfet mis-sema biex tiġi magħquda mill-ġdid mal-ġisem imperfett tiegħu fuq l-art biex igħix għal darb’oħra f’dinja mimlija bi tbatija, mard, u mewt. Imma ladarba ma kienx fis-sema, ir-restawrazzjoni tiegħu għall-ħajja kienet milqugħa, għax kienet tfisser iżjed snin taʼ eżistenza għalih u li jingħaqad mill-ġdid mal-maħbubin tiegħu. Iktar tard, kien se jmut għal darb’oħra.
7, 8. (a) F’liema okkażjonijiet oħra Ġesù qajjem lill-mejtin? (b) Ġesù għala wettaq dawk il-mirakli taʼ restawrar taʼ persuni għall-ħajja?
7 Meta Ġesù qajjem tifla żgħira li kienet mejta, il-ġenituri tagħha “ntilfu f’estasi kbir.” (Mark 5:42) Madankollu, dik it-tifla wkoll eventwalment reġgħet mietet. Meta Ġesù qajjem l-iben mejjet tal-armla taʼ Najin, “il-biżaʼ ħakimhom ilkoll, u huma bdew jigglorifikaw lil Alla.” (Luqa 7:16) Imma dak ir-raġel ukoll miet eventwalment. Rigward dawn il-mirakli, The New International Dictionary of New Testament Theology jafferma: “Dawk li ġew imqajmin minn Kristu fil-ministeru tiegħu fuq l-art kellhom imutu, għax dawn il-qawmiet ma tawx l-immortalità.”
8 Ġesù għala qajjem lil dawn l-uħud mill-mewt? Mhux biex jagħtihom ħajja taʼ dejjem f’dak iż-żmien, imma biex juri li kien il-Messija u biex juri x’qawwa kien tah Alla biex jagħmel. Dan bena fidi fit-tama tal-irxoxt u taʼ ħajja eterna taħt it-tmexxija futura tas-Saltna tas-sema t’Alla f’idejn Kristu.—Mattew 6:9, 10; Ġwann 11:41, 42.
9. Marta u Pawlu kif fehmu b’mod korrett it-tagħlim taʼ Ġesù dwar it-tama tal-irxoxt?
9 Marta kienet taf dwar dik it-tama mis-sħubija tagħha maʼ Ġesù, għax hi qabel kienet qaltlu rigward Lażżru: “Naf li se jqum fl-irxoxt fl-aħħar jum.” (Ġwann 11:24) Hi kienet taf li l-irxoxt kellu jsir, mhux fl-aħħar jum tiegħu (taʼ Lażżru), imma fil-futur, f’“l-aħhar jum”−Jum il-Ġudizzju, meta l-mejtin se jiġu mqajmin taħt it-tmexxija tas-Saltna t’Alla. L-appostlu Pawlu dan kien jafu wkoll, għax hu qal: “[Alla] waqqaf jum li fih bi ħsiebu jiġġudika lill-art abitata fit-tjieba.” (Atti 17:31) Pawlu qal ukoll: “Se jkun hemm irxoxt kemm tat-twajbin u kemm taʼ dawk li m’humiex twajbin.” (Atti 24:15) Hu ma qalx li l-irxoxt kien diġà qed iseħħ imma li “se jkun hemm” fil-futur—taħt tmexxija tas-Saltna.
10. X’kumment jagħmel professur Franċiż fuq it-twemmin tal-Kristjaneżmu dwar l-irxoxt kif jiġi mqabbel mat-tagħlim ċar tal-Bibbja?
10 Fil-ktieb Immortality of the Soul or Resurrection of the Dead? il-professur Protestant Franċiż Oscar Cullmann jikteb: “Hemm differenza radikali bejn l-istennija Kristjana tal-irxoxt tal-mejtin u t-twemmin Grieg fl-immortalità tar-ruħ. . . . Għalkemm il-Kristjanità iktar tard stabbiliet rabta bejn dawn iż-żewġ twemmin, u llum il-Kristjan komuni jħawwadhom għalkollox, jien ma nara l-ebda raġuni biex naħbi dak li jien u l-maġġoranza tal-istudjużi nikkunsidraw li hi l-verità. . . . Il-ħajja u l-ħsieb tat-Testment il-Ġdid huma totalment iddominati minn fidi fl-irxoxt. . . . Il-bniedem sħiħ, li hu verament mejjet, jinġab lura għall-ħajja b’att kreattiv ġdid t’Alla.”
Irxoxt—Fejn?
11, 12. (a) X’inhu l-għan t’Alla għall-bnedmin u għal din l-art? (b) Ġesù kif wera li l-għan t’Alla għall-art ma tbiddilx?
11 Meta Alla ħalaq il-bnedmin, hu tahom l-art bħala d-dar eterna tagħhom u kellu l-iskop li jimla din il-pjaneta b’razza taʼ nies twajbin. (Ġenesi 1:26-28; Salm 115:16) Il-Bibbja titkellem dwar Jehovah bħala “Dak li sawwar l-art u Dak li għamilha, Hu Dak li waqqafha fis-sod, li ma ħalaqhiex sempliċement għal xejn, li sawwarha saħansitra biex tkun abitata.”−Isaija 45:18.
12 Minkejja eluf taʼ snin taʼ imperfezzjoni u mewt mill-irvell tal-bniedem ’il hawn, xorta waħda għadu l-iskop t’Alla li l-art tkun id-dar eterna tal-bniedem: “It-twajbin infushom se jkollhom l-art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.” (Salm 37:29) “Henjin huma l-kalmi, ladarba se jirtu l-art.” (Mattew 5:5) B’hekk, meta Ġesù ġab lura wħud mejtin lejn il-ħajja, hu qajjimhom hawn stess fuq l-art, u mill-ewwel intgħarfu minn oħrajn bħala l-individwi li kienu mietu. Dan ikkonferma li taħt tmexxija tas-Saltna l-mejtin se jinġiebu lura għall-ħajja fuq l-art biex ikollhom l-opportunità biex igħixu fuqha għal dejjem. (Rivelazzjoni 20:12, 13) Dan se jwettaq il-għan t’Alla għall-bnedmin u għall-art.—Isaija 46:9-11; 55:11; Titus 1:1, 2.
13. Xi problema tiffaċċja lill-knejjes tal-Kristjaneżmu, u kif jippruvaw isolvuha?
13 Madankollu, ladarba l-knejjes tal-Kristjaneżmu jemmnu fl-immortalità tar-ruħ, dan jippreżentalhom problema: Kif jistgħu jirrikonċiljaw l-irxoxt tal-“bniedem sħiħ,” kif intwera minn Ġesù, mat-twemmin tagħhom f’ruħ immortali li diġà teżisti fis-sema jew fl-infern? The Catholic Encyclopedia tinsisti: “Ir-Rabaʼ Konċilju Lateran igħallem li l-bnedmin kollha, kemm magħżulin jew ikkundannati, ‘se jqumu mill-ġdid bl-istess iġsma tagħhom li issa jġorru magħhom.’” Hija żżid: “Ladarba l-ġisem huwa l-imsieħeb tal-atti kriminali tar-ruħ, u l-ħabib tal-virtujiet tagħha, il-ġustizzja t’Alla donnha li titlob li l-ġisem jieħu sehem fil-kastig u fil-premju tar-ruħ.” Skond dan it-twemmin, il-ġisem se jingħaqad mill-ġdid mar-ruħ fis-sema jew fl-infern. Għal kemm żmien? “L-iġsma mqajmin kemm tal-qaddisin kif ukoll tal-midinbin se jitlibbsu bl-immortalità,” jistqarr dak is-sors.
14. Kittieb Ġiżwita kif jipprova jiċċara l-ħarsa tal-Kristjaneżmu dwar l-irxoxt tal-ġisem?
14 Fil-ktieb The Future Life, mill-Ġiżwita J. C. Sasia, naqraw: “Il-ħajja fis-sema għalhekk se tkun waħda taʼ pjaċiri wkoll permezz tas-sensi gglorifikati [tal-ġisem li jerġaʼ jingħaqad mar-ruħ].” Rigward iġsma li jerġgħu jingħaqdu mal-erwieħ tagħhom fl-infern, dak is-sors igħid: “Fl-infern, wara l-irxoxt [tal-ġisem], kull wieħed mis-sensi tal-ġisem uman se jkollu l-kastig partikulari tiegħu . . . Is-sens tal-mess se jiġi b’mod speċjali tturmentat, għaliex huwa b’mod partikulari bid-dnubiet tal-laħam li l-ikkundannati offendew lil Alla. . . . L-isħubija tagħhom mal-iġsma tagħhom se tkun għalihom kawża taʼ turmenti u miżerji miżjudin.”
15. Għala hija dawgħa li tgħallem li Alla jittortura lin-nies fl-infern għal dejjem?
15 B’hekk, li aċċetta l-kunċett pagan tal-immortalità tar-ruħ ħejja t-triq għall-Kristjaneżmu biex jaċċetta wkoll il-kunċett pagan tat-tortura taʼ moħqrija tal-erwieħ—u anki l-iġsma—fl-infern għal dejjem. Madankollu, rigward id-drawwa antika li jaħarqu t-tfal bħala sagrifiċċju lil allat foloz Jehovah stqarr: “Huma . . . jaħarqu lil uliedhom subien fin-nar bħala offerti maħruqin sħaħ lil Baal, xi ħaġa li jien ma kkmandajtx jew tkellimt dwarha, u li ma telgħetx f’qalbi.” (Ġeremija 19:5) Mela hija dawgħa li tgħallem li Alla jittortura lin-nies għall-eternita, meta l-Kelma tiegħu stess turi b’mod ċar li dawk li jagħmlu l-ħażen bla ma jindmu se jiġu meqrudin, ma jibqgħux jeżistu. “Kull ruħ li ma tismax minn dak il-Profeta [Ġesù] se tħun meqruda għalkollox.”−Atti 3:23; ara wkoll Mattew 10:28; Luqa 17:27. Ġwann 3:16; 2 Pietru 2:12; Ġuda 5.
Immortalità
16. X’tgħallem il-Bibbja dwar l-immortalità?
16 Madankollu, ma tgħallimx il-Bibbja li bnedmin se jittieħdu fis-sema biex igħixu ħajjiet immortali hemm? Iva, veru. Imma dan m’għandux x’jaqsam maʼ erwieħ umani immortali. L-immortalità tirriżulta milli persuna tiġi rxoxtata bħala ħolqien spirtu (bħalma kien Ġesù) u mhux għax wieħed għandu ruħ immortali li baqgħet tgħix wara l-mewt. Il-premju futur tal-immortalità ġie offrut lil xi bnedmin lejali, li huma bħal Kristu, u kellu jinkiseb biss meta Kristu jieħu l-qawwa tas-Saltna fis-sema, mhux immedjatament wara li Kristu telaʼ fis-sema fl-ewwel seklu.—Salm 110:1; 1 Korintin 15:53, 54.
17. Kemm hemm li se jiksbu l-immortalità, u x’parti għandhom fil-għan t’Alla għall-art?
17 Barra minn dan, dik it-tama ġiet offruta lil relattivament ftit mill-familja umana. Ġesù sejjaħ lil dawn “merħla ċkejkna.” (Luqa 12:32) Dan il-grupp, 144,000 fil-għadd, jiġi rxoxtat għal ħajja fis-sema bħala ħlejjaq spirti immortali biex imexxu għal fuq l-art maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema tiegħu. (2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 7:4; 14:1, 4; 20:4) L-art li se jaħkmu għal fuqha se tkun abitata, maż-żmien, minn bnedmin li jkunu ntgħamlu perfetti, bla dubju eluf taʼ miljuni minnhom. Ħafna minn dawk il-bnedmin se jkunu dawk li jiġu lura fuq l-art fl-“irxoxt kemm tat-twajbin u kemm taʼ dawk li m’humiex twajbin.” (Atti 24:15) Madankollu, se jkun hemm oħrajn li jaqilgħu l-ħajja fid-dinja l-ġdida minbarra dawk irxoxtati mill-mewt. Min huma dawn l-oħrajn?
“Ma Se Jmutu Qatt Assolutament”
18. Minbarra t-tama tal-irxoxt għal nies mejta liema ħaġa tal-għaġeb bassar Ġesù?
18 Fil-waqt li t-tama żgura għal bnedmin mejta hija l-irxoxt, hemm tama meraviljuża oħra fi żmienna. Għandha x’taqsam maʼ dak li Ġesù issokta jgħid lil Marta. Wara li qal: “Min jeżerċita fidi fija, saħansitra għalkemm imut, se jieħu l-ħajja [fl-irxoxt],” Ġesù żied, “u kulmin qiegħed igħix u jeżerċita fidi fija ma se jmut qatt assolutament.” (Ġwann 11:25, 26) F’din l-istqarrija taʼ l-aħħar, Ġesù ħabbar ħaġa tal-għaġeb: Kellu jiġi żmien meta nies li jkunu qed igħixu mhux se jkollhom għalfejn imutu! Imma meta kellu jiġri dan?
19. (a) Matul liema perijodu taʼ żmien kellha titwettaq it-tama taʼ li ma tmut qatt? (b) Il-Bibbja kif tiddeskrivi lil dawk li għandhom it-tama li ma jmutu qatt?
19 Issa—fi żmienna—hu ż-żmien meta dik il-wegħda se titwettaq! L-evidenza kollha turi li aħna qegħdin qrib ħafna tat-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar. (Mattew 24:3-14; 2 Timotew 3:l-5, 13) B’hekk, nies li llum jeżerċitaw fidi f’Alla u f’Ibnu għandhom it-tama eċċitanti li jibqgħu ħajjin fit-tmiem taʼ din is-sistema u jibqgħu jgħixu għal ġod-dinja l-ġdida t’Alla—billi ma jmutu qatt! Dawn jissemmew f’Rivelazzjoni 7:9, 14 bħala “folla kbira, li l-ebda bniedem ma setaʼ jgħodd, mill-ġnus u t-tribujiet u l-popli u l-ilsna kollha . . . li joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira,” imħarsa minn Alla għaliex eżerċitaw fidi. Ġesù tkellem dwar il-qerda li ġejja taʼ din is-sistema preżenti mill-agħar bħala “tribulazzjoni kbira li bħalha ma ġratx sa mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas ma se terġaʼ tiġri.”−Mattew 24:21; ara wkoll Proverbji 2:21, 22; Salm 37:10, 11, 34.
20, 21. Miljuni llum kif qed jeżerċitaw fidi f’Alla u fi Kristu, u ħafna minnhom x’mhux se jkollhom bżonn?
20 Mad-dinja kollha, miljuni mill-folla kbira li jridu jgħixu għal dejjem fuq l-art diġà qed jeżerċitaw fidi fil-wegħdiet t’Alla u f’dak il-wieħed li hu awtorizza biex ikun “l-irxoxt u l-ħajja,” Ġesù Kristu. U huma ddedikaw lilhom infushom lil Alla, billi ssimbolizzaw dan bil-magħmudija tal-ilma. (Mattew 28:19, 20) Huma jirrikonoxxu li jafu s-salvazzjoni tagħhom kompletament “lil Alla . . . , li qiegħed bil-qiegħda fuq it-tron, u lill-Ħaruf,” Ġesù Kristu.—Rivelazzjoni 7:10.
21 Dawk mill-folla kbira li jibqgħu ħajjin fit-tmiem taʼ din id-dinja ma jkollhomx bżonn taʼ rxoxt mill-imwiet għaliex “ma se jmutu qatt assolutament”! Qiegħed int tieħu passi biex tkun wieħed minn dan il-grupp? Jekk iva, xi privileġġ uniku u tal-għaġeb hu miftuħ għalik—dak li tibqaʼ ħaj fit-tmiem tas-sistema mill-agħar taʼ Satana u tiġi mdaħħal ġo era ġdida taʼ tjieba li se ġġiblek saħħa perfetta u ħajja taʼ dejjem f’art ġenna! (Luqa 23:43; Rivelazzjoni 21:4, 5) Billi titgħallem x’inhi r-rieda t’Alla u tippersevera f’li tagħmilha, int tistaʼ turi li ‘m’intix ix-xorta li tinxtorob lura għall-qerda.’ Int ukoll jistaʼ ‘jkollok fidi li żżomm lir-ruħ ħajja.’—Ebrej lO:39; 1 Ġwann 2:15-17; Rivelazzjoni 7:15.
Mistoqsijiet għal Reviżjoni
◻ X’inhi l-vera tama għall-mejtin?
◻ It-twemmin tal-Kristjaneżmu fl-irxoxt tal-ġisem għala hu insult għal Alla?
◻ X’tgħallem il-Bibbja dwar l-immortalità?
◻ Liema tama tal-għaġeb jistaʼ jkollhom in-nies illum?