Kif Tilqaʼ l-Isfida Morali taʼ li Tkun Fqir
“IN-NIES huma foqra għaliex huma għażżenin,” sostna ċertu tabib Afrikan. “Il-belt hija mimlija b’nies għażżenin. Li kieku verament iridu x-xogħol, jistgħu jsibuh. M’hemm l-ebda ħtieġa li xi ħadd ikun fil-faqar illum.”
M’hemm l-ebda dubju li xi nies huma għażżenin u li l-għażż jistaʼ jwassal għall-faqar. Il-Bibbja tgħid: “Ftit irqad, ftit ngħas, ftit irbit tal-idejn biex timtedd, u bħal ħalliel fit-triq il-faqar tiegħek ċertament li se jiġi u l-istat taʼ bżonn tiegħek bħal raġel armat.” (Proverbji 24:33, 34) Madankollu, ħafna nies fqar huma ’l bogħod milli jkunu għażżenin. Per eżempju, ikkunsidra r-raġel li kiteb: “Sa din is-siegħa stess inkomplu bil-ġuħ u wkoll bil-għatx u li nkunu lebsin ħafif u mħabbtin ’il hawn u ’l hemm u mingħajr dar.” (1 Korintin 4:11) Bniedem għażżien li taqtaʼ qalbek minnu? Dażgur li le. Dawk il-kelmiet kienu miktubin mill-appostlu Pawlu. Hu għażel li jgħix ħajja taʼ mezzi ekonomiċi limitati sabiex ikun jistaʼ jsegwi aħjar il-ministeru Kristjan. Xi wħud miċ-ċaħdiet tiegħu kienu wkoll minħabba ċirkustanzi li ma kellux kontroll fuqhom, bħalma hi l-persekuzzjoni reliġjuża.
Illum, ħafna mill-foqra tad-dinja huma vittmi taʼ ċirkustanzi li m’għandhomx kontroll fuqhom—forsi nuqqas taʼ skola, falliment fl-ekonomija lokali, jew irvell politiku. Ħafna jaħdmu minn fil-għodu kmieni sa tard bil-lejl u bil-kemm jaqilgħu l-għixien. L-opportunitajiet biex jaqilgħu finanzjarjament permezz taʼ mezzi diżonesti b’hekk jistgħu jidhru sbieħ, saħansitra bżonnjużi. Saħansitra, xi wħud jistgħu jirraġunaw li l-Bibbja tiġġustifika waqgħa morali taʼ kultant. Wara kollox, tgħid: “In-nies ma jistmerrux lil wieħed ħalliel sempliċement għaliex ikkommetta s-serq biex jimla ruħu meta hu bil-ġuħ.” U raġel għaref darba talab: ‘Jalla ma niġix fil-faqar u attwalment nisraq.’—Proverbji 6:30; 30:8, 9.
L-Onestà—Il-Pożizzjoni tal-Bibbja
Dawn it-testi Bibliċi verament jimplikaw li d-diżonestà hija approvata? Sewwa, ejja neżaminawhom fil-kuntest tagħhom. Wara li tgħid li n-nies ma jistmerrux ħalliel li jisraq biex jimla stonku vojt, Proverbji 6:31 ikompli: “Imma, meta jinstab, hu se jagħmel tajjeb b’sebaʼ darbiet iktar; l-affarijiet kollha li jiswew taʼ daru hu se jagħti.” Fi kliem ieħor, meta l-ħalliel jinqabad, hu jiffaċċja l-kastig sħiħ tal-liġi. Hu jħallas għad-delitt tiegħu! Minflok ma jinkuraġġixxu s-serq, għalhekk, dawn il-kelmiet iwissu lil nies foqra li s-serq jistaʼ jirriżulta f’iktar telf ekonomiku, diżunur għalihom infushom u għall-familji tagħhom, u telf taʼ rispett tagħhom infushom.
Imma xi ngħidu għat-talba taʼ dak ir-raġel għaref? Hu talab biex ma jiġix fil-faqar u ‘attwalment jisraq u jkasbar l-isem taʼ Alla tiegħu.’ (Proverbji 30:9) Iva, id-diżonestà min-naħa taʼ persuna li tgħid li qed taqdi lil Jehovah tistaʼ ġġib tmaqdir fuq l-isem t’Alla, u fuq il-kongregazzjoni tal-poplu Tiegħu. L-appostlu Pawlu kiteb: “Int, dak li tippriedka, ‘Tisraqx,’ tisraq int?” Jekk xi wħud li jgħidu li huma Kristjani jisirqu, dan jistaʼ jikkaġuna li ‘l-isem t’Alla jiġi mkasbar fost il-ġnus.’—Rumani 2:21, 24.
Bir-raġun, mela, il-Bibbja tgħid: “Aħjar wieħed taʼ ftit mezzi li miexi fl-integrità tiegħu minn wieħed imgħawweġ f’mogħdijietu, għalkemm huwa sinjur.” (Proverbji 28:6) Għalkemm huwa nnifsu xi drabi ma tantx kellu provisti, l-appostlu Pawlu qatt ma ħallieha tgħaddi jew waqaʼ fid-diżonestà. Minflok, hu kiteb: “Ħalli l-ħalliel ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jagħmel xogħol iebes, billi jagħmel b’idejh dak li hu xogħol tajjeb, biex jistaʼ jkollu xi ħaġa xi jqassam lil xi ħadd fil-bżonn.”—Efesin 4:28.
Is-Soluzzjoni: Li Tafda f’Alla
X’ingħidu għal dawk li qed jaħdmu iebes imma ma jistgħux jaqilgħu biżżejjed biex jieħdu ħsieb tal-familji tagħhom stess? Huma d-diżonestà jew is-serq iġġustifikati fil-każ tagħhom, speċjalment fil-każ li xi mard jolqot lil xi membru tal-familja jew tiġri xi emerġenza oħra? Xi nies hekk jaħsbu. Qal ċertu resident f’art Afrikana: “Fil-pajjiż tagħna, jekk tkun onest, mhux se tgħix. Jekk trid tibqaʼ ħaj bil-fors trid tixxellef xi naqra f’ħajtek.”
Iżda, mal-Afrika kollha wieħed spiss jara l-kelmiet “Afda f’Alla” miktubin fuq trakkijiet, impenġijin fuq kartelluni mwaħħlin mal-ħajt, u stampati fuq ‘transfers’ u ‘stickers’ fuq il-karozzi. Il-Bibbja nfisha tgħid: “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha.” (Proverbji 3:5) Id-diżonestà qatt ma tistaʼ taqbel maʼ dik it-twissija tal-Bibbja. Imma li tafda f’Alla huwa verament it-tweġiba prattika għall-isfida morali taʼ li tkun fqir?
Bħala ministru t’Alla, l-appostlu Pawlu għadda minn żminijiet iebsa bħalma hu ‘ġuħ u għatx, astinenza mill-ikel, kesħa, u nuqqas taʼ ħwejjeġ.’ (2 Korintin 11:27) Żgur li Pawlu bil-fors tħasseb dwar kif kien se jibqaʼ ħaj! Imma wara xi 25 sena taʼ esperjenza Kristjana, hu setaʼ jikteb: “Jien naf tabilħaqq kif inkun baxx fi proviżjonijiet, naf tabilħaqq kif ikolli abbundanza. F’kollox u fiċ-ċirkustanzi kollha jien tgħallimt is-sigriet kemm taʼ kif inkun mimli u kemm taʼ kif inkun bil-ġuħ, kemm kif ikolli abbundanza u kemm kif inbati l-bżonn. Għall-affarijiet kollha għandi s-saħħa bis-saħħa taʼ dak li jagħtini l-qawwa.” (Filippin 4:12, 13) Iva, Pawlu fada f’Alla.
Pawlu rrealizza li prinċipji Skritturali m’humiex kelmiet vojta, idealistiċi. Huma struzzjonijiet minn Alla ħaj li ħerqan biex igħin u jappoġġja lil dawk li qed ifittxu li japplikawhom. Profeta tal-qedem qal: “Inkwantu għal Jehovah, għajnejh qed iżebbġu mal-art kollha biex juri saħħtu f’isem dawk li qalbhom hija sħiħa lejh.”−2 Kronaki 16:9.
Imberkin talli Jafdaw f’Alla
Għala huwa iebes għall-biċċa l-kbira tan-nies biex jafdaw f’Alla? Bla dubju minħabba li r-reliġjon tagħhom naqset li tagħtihom raġuni suffiċjenti biex jagħmlu dan. Il-knejjes għamlu lil Alla jidher bla isem, astratt, impersunali, li ma jistaʼ jifhmu ebda bniedem. Imma permezz taʼ studju tal-Bibbja, ix-Xhieda taʼ Jehovah saru jafu lil Alla, mhux bħala forza astratta, imma bħala Persuna li għandu isem. (Salm 83:18; Ebrej 9:24) Huma tgħallmu li hu għandu kwalitajiet li juru li jixraqlu l-fiduċja tagħna. Per eżempju, skond Eżodu 34:6, Jehovah huwa “Alla kollu ħniena u twajjeb, idum biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba u l-verità.” Ix-Xhieda jafdaw f’Alla u jirrealizzaw li huwa ‘abbundanti fil-verità.’ B’hekk, huma għandhom fiduċja sħiħa fil-wegħda tiegħu biex idaħħal dinja ġdida ħielsa mill-faqar li qed igħakkes u jaħqar parti kbira mir-razza umana.—2 Pietru 3:13.
Miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah għalhekk taw prova li huwa prattiku li tafda f’Alla. Per eżempju, Rosaline, Xhud fi Sierra Leone, taħdem iebes mill-ħamsa taʼ fil-għodu sa tard bil-lejl biex tipprovdi l-ikel u l-ilbies għaliha nfisha u għas-sitt itfal tagħha. Hi tistqarr: “Ħafna nies igħidu li m’huwiex possibbli li tgħix ħajja onesta, imma jiena naf li dan m’huwiex veru. Xi drabi jien ikolli problemi u ma nkunx naf kif se jiġu solvuti. Imma naf li jekk ingħix ħajja onesta, kollox se jmur sewwa għalija. Għalhekk nagħmel l-aħjar tiegħi biex nogħġob lil Jehovah.”
Kittieb wieħed qal: “Raġel fqir b’żaqqu vojta jeħtieġ tama . . . iktar milli ħobż.” Iva, li ma jkollokx tama, li tkun iddisprat, u mdejjaq b’mod kroniku huma moħqrijiet li jistgħu jkunu iktar taʼ wġigħ mill-ġuħ. Imma wieħed li jsir jaf u jafda lil Alla ma jkollux bżonn jaqaʼ f’disprament. “Jien naħdem iebes issa,” iżżid Rosaline, “imma għandi l-ferħ minħabba li naf li ż-żmien ġej fejn mhux se jkolli nbati b’dan il-mod. Issa naħdem biex naqlaʼ x’niekol għalija u għall-familja tiegħi, imma fid-dinja ġdida t’Alla, se jkun hemm abbundanza taʼ ikel. Mela, issa jien għandi tama u ferħ li qatt ma kelli qabel ma kont naf lil Jehovah.”—Qabbel Isaija 25:6; Rivelazzjoni 21:3, 4.
Veru, dawk li jafdaw f’Alla xorta jistgħu jgħaddu minn pressjonijiet ekonomiċi, bħalma għamel l-appostlu Pawlu. Imma qatt ma se jkollhom bżonn jaslu biex jiksru l-liġijiet t’Alla sabiex jibqgħu ħajjin ekonomikament. Qal is-salmista David: “Raġel żagħżugħ jien kont, jien ukoll xjaħt, u madankollu ma rajt lil ħadd twajjeb mitluq għalkollox, lanqas in-nisel tiegħu jfittex il-ħobż.” (Salm 37:25) Iva Alla jieħu ħsieb u jbierek lil dawk li jpoġġu l-interessi tiegħu l-ewwel f’ħajjithom.—Mattew 6:25-33.
Mela jekk inti fqir, ‘taqtax qalbek f’li tagħmel is-sewwa.’ (2 Tessalonkin 3:13) Qatt m’għandek taqaʼ għall-kompromess morali. Ibni relazzjoni maʼ Alla u afda fih biex igħinek tlaħħaq mal-problemi u t-tbatijiet tal-ħajja. Dawk li jaqdu lil Jehovah u jafdaw fih b’għajnejhom magħluqa huma mħeġġin: “Umiljaw ruħkom . . . taħt l-id setgħana t’Alla, biex hu jistaʼ jgħollikom fiż-żmien xieraq; waqt li titfgħu l-anzjetà kollha tagħkom fuqu, għaliex hu jimportah minnkom.”—1 Pietru 5:6, 7.
[Kumment f’paġna 5]
“Raġel fqir b’żaqqu vojta jeħtieġ tama . . . iktar milli ħobż”
[Stampa f’paġna 6]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah igħinu lin-nies biex ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’Alla