Minn Art Bħal Omm għal Allat Nisa tal-Fertilità
“INDUNAJT min hi l-alla mara fuq il-faċċata taʼ barra taʼ din ir-rivista? Hija Isis, alla mara omm tal-qedem tal-Eġittu. Jekk żort xi mużew jew qallibt f’xi ktieb tal-istorja tal-qedem, int wisq probabbli diġà rajt idoli li jixbhu lil din. Ikkunsidra dan iżda: Kieku int tmil quddiemha u tqimha lill-alla mara Isis?
Jekk int tappartjeni lil waħda mir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu, dik tistaʼ tidher mistoqsija stramba. Int x’aktarx se tinsisti li int tqim lill-Ħallieq, il-Wieħed li hu indirizzat, “Missierna li int fis-sema.” (Mattew 6:9, King James Version) L-idea taʼ li tmil quddiem alla mara omm tistaʼ tidher stramba, saħansitra moqżieża. Minkejja dan, qima bħal din ilha mifruxa matul l-istorja, u int forsi tinħasad meta tkun taf eżatt min iqim l-alla mara omm il-lum.
Madankollu, qabel ma niddiskutu dan, ejjew naraw x’inhu l-isfond billi nikkunsidraw kemm kienet kbira l-qima tal-alla mara omm fi żmien il-qedem. Din ix-xorta taʼ qima tidher li kienet forma bikrija ħafna taʼ reliġjon falza. Statwetti u immaġnijiet taʼ allat nisa għarwenin meqjusin bħala omm ġew skoperti minn arkeoloġi f’inħawi antiki madwar l-Ewropa kollha u mill-artijiet tal-Mediterran sal-Indja.
L-Art bħal Omm kienet meqjusa bħala s-sors kontinwu tal-forom kollha taʼ ħajja, billi tagħti l-ħajja u mbagħad terġaʼ teħodha lura għaliha nfisha malli jmutu. Bħala talija, hi kienet meqjuma imma fl-istess ħin kienu jibżgħu minnha. L-ewwel ħaġa, skond ma kienu jemmnu, il-poteri riproduttivi tagħha ma kinux sesswali. Imbagħad skond il-mitoloġija, hi welldet lill-Missier tas-Sema maskili u saret martu. Din il-koppja welldet allat oħra bla għadd irġiel u nisa.
Il-Prototip Babilonjan
Fil-panteon Babilonjan, Ixtar kienet l-alla mara prinċipali, identika mal-alla mara tal-fertilità Sumerjana In-nanna. F’sura paradossali, hi kienet kemm alla mara tal-gwerra kif ukoll alla mara tal-imħabba u l-pjaċiri senswali. Fil-ktieb tiegħu Les Religions de Babylonie et d’Assyrie (Ir-Reliġjonijiet taʼ Babilonja u tal-Assirja), l-istudjuż Franċiż Édouard Dhorme qal dwar Ixtar: “Hi kienet l-alla mara, is-sinjura, l-omm ħanina li tismaʼ t-talb u tinterċedi quddiem allat irrabjati u tikkalmahom.... Hi ġiet eżaltata fuq kollha, saret l-alla mara fuq l-allat nisa kollha, is-sultana tal-allat kollha, is-sovrana tal-allat tas-sema u l-art.”
L-adoraturi taʼ Ixtar indirizzawha bħala “il-Verġni,” “Il-Verġni Mqaddsa,” u “Verġni u Omm.” L-antika “Talba taʼ Lamentazzjoni lil Ixtar” Sumero-Arkadjana tistqarr: “Nitlob lilek, Ja sinjura fuq is-sinjuri kollha, alla mara fuq l-allat nisa kollha. O Ixtar, sultana tal-popli kollha.... O int li tippossjedi l-poter divin kollu, li mlibbsa l-kuruna tad-dominju.... Kappelli, postijiet qaddisa, inħawi sagri, u niċeċ jimpurtahom minnek.... Fejn hu Min jixbhek u li għadu ma nħalaqx? . . . Arani o Sinjura tiegħi; aċċetta t-talb tiegħi.”a
Il-Qima tal-Alla Mara u Omm Tinfirex
L-orjentalista Édouard Dhorme jitkellem dwar l-“espansjoni tal-qima taʼ Ixtar.” Infirxet mal-Mesopotamja kollha, u jew Ixtar infisha jew allat nisa b’ismijiet differenti imma b’attributi simili kienu meqjumin fl-Eġittu, fil-Feniċja, u f’Kangħan, kif ukoll f’Anatolja (l-Asja Minuri), fil-Greċja, u fl-Italja.
L-alla mara omm prinċipali meqjuma fl-Eġittu kienet Isis. Il-kittieb tal-istorja H. G. Wells kiteb: “Isis ġibdet lejha ħafna devoti, li ħalfu ħajjithom lilha. L-immaġnijiet tagħha kienu fit-tempju, inkurunata bħala s-Sultana tas-Sema u f’dirgħajha kellha t-tarbija Ħorus. Ix-xemgħat jixegħlu u jdubu quddiemha, u l-fdal tax-xemgħa baqaʼ mwaħħal man-niċċa.” (The Outline of History) Il-qima taʼ Isis kienet estremament popolari fl-Eġittu. Infirxet ukoll madwar il-Mediterran, speċjalment lejn il-Greċja u Ruma, u saħansitra waslet sal-Ewropa tal-Punent u tat-Tramuntana.
Fil-Feniċja u f’Kangħan, il-qima tal-alla mara omm iffokat fuq Axtoret, jew Astarte, li jintqal li kienet il-mara taʼ Baal. Bħal dak il-pariġġ Babilonjan tagħha, Ixtar, hi kienet kemm alla mara tal-fertilità kif ukoll tal-gwerra. Fl-Eġittu iskrizzjonijiet antiki nstabu li fihom Astarte hija msejħa s-sinjura tas-sema u sultana tas-smewwiet. L-Iżraeliti kellhom jissieltu l-ħin kollu kontra l-influwenza degradanti tal-qima taʼ din l-alla mara tal-fertilità.
Lejn il-Majjistral f’Anatolja, l-ekwivalenti taʼ Ixtar kienet Sibel, magħrufa bħala l-Omm il-Kbira tal-allat. Kienet ukoll imsejħa bħala li Toħloq Kollox, li Tmantni Kollox, l-Omm tal-Imberkin kollha. Minn Anatolja l-kult taʼ Sibel infirex l-ewwel lejn il-Greċja u mbagħad lejn Ruma, fejn baqaʼ jeżisti sewwa fl-Era Komuni. Il-qima taʼ din l-alla mara tal-fertilità inkludiet żfin sfrenat, qassisin iferu lilhom infushom, kandidati li jsewwu lilhom infushom biex isiru qassisin, u purċissjonijiet fejn l-istatwa tal-alla mara kienet tinġarr b’tant splendur.b
Il-Griegi primittivi qiemu l-alla mara Art bħal Omm imsejħa Gaea. Imma l-panteon tagħhom beda jinkludi allat nisa t-tip taʼ Ixtar, bħalma hi Afrodite, l-alla mara tal-fertilità u mħabba; Atena, l-alla mara tal-gwerra; u Demeter, l-alla mara tal-agrikoltura.
F’Ruma, Venere kienet l-alla mara tal-imħabba u, bħala talija, ikkorrispondiet għal Afrodite tal-Griegi u Ixtar tal-Babilonjani. Ir-Rumani, madankollu, qiemu wkoll l-allat nisa Isis, Sibel, u Minerva (bil-Grieg Atena), li kollha kemm huma jirriflettu b’mod jew ieħor it-tip il-kbir Babilonjan Ixtar.
Biċ-ċar, għal eluf taʼ snin, il-qima taʼ allat nisa ommijiet kienet rivali potenti għall-qima pura tal-kbir Ħallieq, Jehovah. Il-qima tal-kbira alla mara omm għosfrot? Jew għadha magħna sal-ġurnata tal-lum? Jekk jogħgbok kompli aqra.
[Noti taʼ taħt]
a Ancient Near Eastern Texts, edittjat minn James B. Pritchard, Princeton University Press, paġni 383-4.
b Alla mara tal-fertilita oħra meqjuma fl-Asja Minuri kienet Artemis l-Efesina, li se tiġi kkunsidrata fl-artiklu li jmiss.
[Stampa f’paġna 3]
IXTAR tal-Babilonja ippersonifikata bħala stilla
[Sors]
Bil-kortesija tal British Museum
[Stampa f’paġna 4]
ISIS tal-Eġittu mal-alla tarbija Ħorus
[Sors]
Musée du Louvre, Pariġi