Ogħġob lil Jehovah Billi Tkun Qalbek Tajba
“X’qed jitlob lura minnek Jehovah ħlief li teżerċita l-ġustizzja u li tħobb il-qalb tajba u li tkun modest f’li timxi m’Alla tiegħek?”−MIKEA 6:8.
1. Għala m’għandux jissorprendina li Jehovah jistenna li n-nies tiegħu jkunu qalbhom tajba?
JEHOVAH jistenna li n-nies tiegħu jkunu qalbhom tajba. Dan m’għandux jissorprendina. Alla nnifsu huwa qalbu tajba maʼ kulħadd, saħansitra maʼ nies mill-agħar li ma jiżżuhx ħajr. F’dan ir-rigward Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “Komplu ħobbu lill-egħdewwa tagħkom u agħmlu l-ġid u isilfu bla interessi, bla ma tittamaw xi ħaġa lura; u l-premju tagħkom se jkun kbir, u se tkunu wlied taʼ l-Iktar Għoli, għaliex hu qalbu tajba maʼ dawk li ma jroddux ħajr u maʼ dawk mill-agħar. Komplu siru mimlijin ħniena, bħalma Missierkom hu mimli ħniena.”—Luqa 6:35, 36.
2. X’mistoqsijiet rigward il-qalb tajba jixraq li nikkunsidraw?
2 Kif jiddikjara Mikea 6:8, dawk kollha li qed jimxu maʼ Alla jridu attwalment ‘iħobbu l-qalb tajba.’ Ovvjament, Jehovah jieħu pjaċir meta l-qaddejja tieġħu jħobbu l-qalb tajba u juruħa b’qalbhom kollha. Imma x’inhi l-qalb tajba? X’benefiċċji jirriżultaw milli nuruħa? U din il-kwalità kif tistaʼ tintwera?
X’Inhi l-Qalb Tajba
3. Kieku int kif tiddefinixxi l-qalb tajba?
3 Il-qalb tajba hija l-kwalità taʼ li tieħu interess attiv f’oħrajn. Hija murija b’atti taʼ għajnuna u kliem taʼ konsiderazzjoni. Li jkollok qalb tajba jfisser li tagħmel it-tajjeb minflok ma tagħmel kwalunkwe ħaga taʼ ħsara. Bniedem taʼ qalb tajba huwa dħuli, ġentili, jissimpatizza, u grazzjuż. Hu għandu attitudni ġeneruża u taʼ konsiderazzjoni lejn oħrajn. U l-qalb tajba hija parti mill-insiġ tal-libsa figurattiva tal-veru Kristjan, għax Pawlu ħeġġeġ: “Tlibbsu bl-affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-moħħ, ħlewwa, u sabar fit-tul.”−Kolossin 3:12.
4. Jehovah kif ħa r-rigni f’idejh f’li juri qalb tajba mal-umanità?
4 Jehovah jieħu r-rigni f’idejh f’li juri qalb tajba. Kif qal l-appostlu Pawlu, kien “meta l-qalb tajba u l-imħabba lejn il-bniedem min-naħa tas-Salvatur tagħna, Alla, kienet murija” li “skond il-ħniena tiegħu hu salvana permezz tal-banju li ġabna għall-ħajja u permezz taʼ li għamilna ġodda bl-ispirtu qaddis.” (Titus 3:4, 5) Alla jnaddaf, jew ‘jagħti banju,’ lill-Kristjani midlukin fid-demm taʼ Kristu billi japplika l-mertu tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu għan-nom tagħhom. Huma wkoll jiġġeddu permezz tal-ispirtu qaddis, billi jsiru “ħolqien ġdid” bħala wlied subien t’Alla mnisslin mill-ispirtu. ( 2 Korintin 5:17) M’għandniex xi ngħidu, il-qalb tajba u l-imħabba t’Alla għall-bniedem jestendu wkoll għall-“folla kbira” internazzjonali, li “ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.” (Rivelazzjoni 7:9, 14; 1 (Ġwann 2:1, 2) Barra minn hekk, uħud midlukin u l-folla kbira, b’tama tal-art, huma kollha taħt il-madmad “ħanin” taʼ Ġesù.—Mattew 11:30.
5. Għala għandna nistennew li dawk immexxijin mill-ispirtu t’Alla juru qalb tajba lil oħrajn?
5 Il-qalb tajba hija wkoll parti mill-frott tal-ispirtu qaddis, jew forza attiva, t’Alla. Qal Pawlu: “Il-frott tal-ispirtu hu imħabba, ferħ, paċi, sabar fit-tul, qalb tajba, tjubija, fidi, ħlewwa, rażna. Kontra dawn l-affarijiet ma hemmx liġi.” (Galatin 5:22, 23) Mela, x’għandna nistennew minn dawk li huma mmexxijin mill-ispirtu t’Alla? Żgur, li jkunu qed juru qalb tajba maʼ oħrajn.
6. Il-qalb tajba għandha ġġiegħel lill-anzjani u lil Kristjani oħrajn jaġixxu b’liema mod?
6 Il-qalb tajba tistaʼ tintwera f’ħafna modi. Nuru qalb tajba meta nuru ħniena. Per eżempju, l-anzjani Kristjani huma qalbhom tajba meta jestendu ħniena lejn midneb li nidem u jippruvaw igħinuh spiritwalment. Il-qalb tajba, li hi kwalità mogħtija minn Alla, iġġiegħel lill-indokraturi juru paċenzja, konsiderazzjoni, mogħdrija, u ġentilezza. Tqanqalhom biex “jittrattaw lill-merħla bil-ħlewwa.” (Atti 20:28, 29) Fil-fatt, il-frotta tal-ispirtu tal-qalb tajba għandha ġġiegħel lill-Kristjani kollha juru ħniena, paċenzja, konsiderazzjoni, mogħdrija, ħbiberija, u ospitalità.
Evita l-Qalb Tajba Żballjata
7. Int kieku għala tgħid li qalb tajba żballjata hija djufija?
7 Xi nies iqisu l-qalb tajba bħala djufija. Huma jħossu li bniedem irid ikun żorr, saħansitra pastaż, xi kultant, sabiex l-oħrajn jibqgħu mpressjonati bis-saħħa tiegħu. Imma ntqal sewwa li “li tkun pastaż hija l-imitazzjoni tas-saħħa taʼ raġel dgħajjef.” Attwalment, trid tkun verament b’saħħtek biex tkun verament qalbek tajba u tevita qalb tajba żballjata. Il-qalb tajba li hija frott tal-ispirtu t’Alla m’hijiex attitudni dgħajfa u kompromettenti lejn kondotta ħażina. Minflok, qalb tajba żballjata hija djufija li tikkaġuna lil dak li jkun biex il-ħażin iħallih igħaddi.
8. (a) Rigward uliedu s-subien, Eli kif wera li kien laxk? (b) L-anzjani għala jridu jgħassu kontra li jċedu għall-qalb tajba żballjata?
8 Il-qassis il-kbir Eli taʼ Iżrael kien laxk f’li jiddixxiplina lis-subien tiegħu, Ħofni u Fineħas, li kellhom l-inkarigu taʼ qassisin fit-tabernaklu. Billi ma kinux kuntenti bis-sehem tas-sagrifiċċju li kien assenjat lilhom mil-Liġi t’Alla, huma ġagħlu lill-qaddej jitlob il-laħam nej taʼ offerta qabel ma x-xaħam tal-offerta ġie maħruq fuq l-artal. Is-subien taʼ Eli saħansitra kellhom x’jaqsmu b’mod immorali man-nisa li kienu jaqdu fid-daħla tat-tabernaklu. Minflok ma keċċa lil Ħofni u lil Fineħas ’il barra mill-inkarigu tagħhom, madankollu, Eli sempliċement ċanfarhom daqsxejn, u b’hekk ta unur lil uliedu iktar milli ’l Alla. (1 Samwel 2:12-29) Mhux taʼ b’xejn li “kelma mingħand Jehovah kienet saret rari f’dawk il-jiem”! (1 Samwel 3:1) Mela anzjani Kristjani ma jridux iċedu għal raġunar falz jew juru qalb tajba żballjata li tistaʼ tipperikola l-ispiritwalità tal-kongregazzjoni. Il-vera qalb tajba ma tagħlaqx għajnejha għal kliem u azzjonijiet ħżiena li jiksru l-livelli t’Alla.
9. (a) Liema attitudni tistaʼ tgħinna nevitaw li nċedu għall-qalb tajba żballjata? (b) Ġesù kif wera saħħa f’li jittratta maʼ reliġjonisti apostati?
9 Jekk aħna rridu nevitaw qalb tajba żballjata, irridu nitolbu għall-għajnuna t’Alla biex ikollna saħħa bħal dik li kienet evidenti fil-kliem tas-salmista: “Itilqu lil hemm minni, intom nies ħżiena, biex inkun nistaʼ nosserva l-kmandamenti taʼ Alla tiegħi.” (Salm 119:115) Hemm bżonn li nsegwu wkoll l-eżempju taʼ Ġesù Kristu, li qatt ma kien ħati taʼ li juri qalb tajba żballjata. Fil-fatt Ġesù kien l-eżempju tipiku tal-qalb tajba vera. Per eżempju, hu ‘ħass affezzjoni tenera għan-nies għaliex kienu mqaxxrin u mitfugħin ’il hawn u ’l hemm bħal ngħaġ mingħajr ragħaj.’ Għalhekk, nies taʼ qalb onesta ħassewhom komdi f’li jġibu lil uliedhom ċkejknin għandu. U immaġina ftit il-qalb tajba u l-mogħdrija li hu wera hekk kif “ħa t-tfal f’dirgħajh u beda jberikhom”! (Mattew 9:36; Mark 10:13-16) Għalkemm Ġesù kien qalbu tajba, hu kien fl-istess ħin sod għal dak li kien tajjeb f’għajnejn Missieru tas-sema. Ġesù qatt ma ħallieh għaddej il-ħażen; hu kellu s-saħħa mogħtija lilu minn Alla biex jikxef lill-mexxejja reliġjużi ipokriti. F’Mattew 23:13-26, hu rrepeta għal bosta drabi l-pronunzja: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti!” Kull darba, Ġesù ta raġuni għal ġudizzju divin.
Qalb Tajba Marbuta mal-Imħabba
10. Id-dixxipli taʼ Ġesu kif juru qalb tajba u mħabba lejn sħabhom fit-twemmin?
10 Dwar is-segwaċi tiegħu, Ġesù qal: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:36) U x’inhu aspett wieħed tal-imħabba li tidentifika lid-dixxipli veri taʼ Ġesù? Pawlu qal: “L-imħabba tistabar fit-tul u turi qalb tajba.” (1 Korintin 13:4) Li jkollna sabar fit-tul u qalb tajba jfisser li nissaportu l-imperfezzjonijiet u n-nuqqasijiet taʼ oħrajn, saħansitra kif Jehovah b’tant qalb tajba jagħmel. (Salm 103:10-14; Rumani 2:4; 2 Pietru 3:9, 16) L-imħabba u l-qalb tajba Kristjana juru lilhom infushom ukoll meta jiġu żminijiet ibsin fuq sħabna fil-fidi f’xi parti tal-art. Billi jwieġbu b’iktar minn “qalb tajba umana,” Kristjani fi bnadi oħra juru mħabba tal-aħwa billi jagħmlu donazzjonijiet taʼ affarijiet materjali biex igħinu adoraturi bħal dawn taʼ Jehovah.—Atti 28:2.
11. X’inhi l-qalb tajba bl-imħabba skond l-Iskrittura?
11 Il-qalb tajba għandha x’taqsam mal-imħabba fil-frażi “qalb tajba bl-imħabba,” taʼ spiss użata fl-Iskrittura. Din hi qalb tajba li tiġi minn imħabba leali. In-nom Ebrajk mogħti “qalb tajba bl-imħabba” (cheʹsedh) jinkludi iktar milli tagħti kas b’mod teneru. Hija qalb tajba li teħel b’mod taʼ mħabba maʼ xi oġġett sakemm twettaq il-għan tagħha f’konnessjoni miegħu. Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah, jew imħabba leali, hija murija b’diversi modi. Per eżempju, hija murija fl-atti taʼ ħelsien u protezzjoni.—Salm 6:4; 40:11; 143:12.
12. Meta l-qaddejja taʼ Jehovah jitolbu għall-għajnuna u għall-ħelsien, dwar liema ħaġa huma ċerti?
12 Mhux taʼ b’xejn li l-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah tiġbed lin-nies lejh! (Ġeremija 31:3) Meta l-qaddejja leali taʼ Jehovah jinħtieġu ħelsien jew għajnuna, huma jafu li l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hija tabilħaqq imħabba leali, li mhix se tonqoshom. B’hekk, jistgħu jitolbu bil-fidi, hekk kif għamel is-salmista li qal: “Inkwantu għalija, fil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek jien fdajt; ħalli qalbi tifraħ fis-salvazzjoni tiegħek.” (Salm 13:5) Ladarba l-imħabba t’Alla hi leali, l-qaddejja tiegħu ma jafdawx għal xejn fil-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. Meta jitolbu għal għajnuna jew ħelsien, huma għandhom din l-assigurazzjoni: “Jehovah mhux se jabbanduna lill-poplu tiegħu, lanqas ma se jitlaq il-wirt tiegħu stess.”—Salm 94:14.
Premji tal-Qalb Tajba
13, 14. Bniedem taʼ qalb tajba għala għandu ħbieb leali?
13 B’imitazzjoni taʼ Jehovah, il-qaddejja tiegħu ‘jissoktaw maʼ xulxin b’qalb tajba bl-imħabba u ħniniet.’ (Żakkarija 7:9; Efesin 5:1) “Il-ħaġa mixtieqa fil-bniedem tal-art hija l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu,” u bniedem li juri din il-kwalità jaħsad premji għonja. (Proverbji 19:22) X’inhuma xi wħud minn dawn?
14 Il-qalb tajba tagħmilna tattikużi u b’hekk tgħinna nżommu relazzjoni tajba maʼ oħrajn. Bniedem tattikuż igħid u jagħmel affarijiet jew jiffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli b’modi inoffensivi u taʼ konsiderazzjoni. Fil-waqt li “persuna kiefra” tiġi mkeċċija, “bniedem taʼ qalb tajba bl-imħabba qed jaġixxi b’mod premjanti maʼ ruħu stess.” (Proverbji 11:17) In-nies jevitaw bniedem kiefer imma jinġibdu lejn xi ħadd li jurihom qalb tajba bl-imħabba. B’hekk, individwu li huwa qalbu tajba għandu ħbieb leali.—Proverbji 18:24.
15. X’effett jistaʼ jkollha l-qalb tajba f’dar maqsuma reliġjożament?
15 Mara miżżewġa Kristjana li għandha żewgha ma jemminx tistaʼ tiġbdu lejn il-uerità t’Alla bi kwalità bħalma hi dik tal-qalb tajba. Qabel ma tgħallmet il-verità u libset “[i]l-personalita ġdida li kienet maħluqa skond ir-rieda t’Alla fit-tjieba vera u l-lealtà,” hi setgħet ma kinetx qalbha tajba, saħansitra ġellieda. (Efesin 4:24) Li kieku żewġha kien jaf b’ċerti proverbji, forsi kien jaqbel sew li “l-ġlied taʼ mara miżżewġa huwa bħal saqaf iqattar li jsuq ’il barra lil dak li jkun” u “huwa aħjar li tgħammar f’art fix-xagħri milli maʼ mara miżżewġa ġellieda flimkien mat-taħwid.” (Proverbji 19:13; 21:19) Imma issa l-kondotta kasta tal-mara miżżewġa Kristjana u r-rispett profond, flimkien maʼ kwalitajiet bħalma hi l-qalb tajba, jistgħu jgħinuha biex tirbaħ lis-sieħeb tagħha lejn il-fidi vera. (1 Pietru 3:1, 2) Iva, dan jistaʼ jkun premju wieħed għall-qalb tajba tagħha.
16. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-qalb tajba murija lilna?
16 Il-qalb tajba murija lilna tistaʼ tkun taʼ benefiċċju billi ġġagħalna nuru iktar mogħdrija u maħfra. Per eżempju, jekk aħna kellna bżonn għajnuna spiritwali u konna trattati b’qalb tajba u manjiera kalma, kieku dak ma kienx iktar jagħmilna inklinati biex nittrattaw maʼ oħrajn b’mod simili? Sewwa, li jittrattaw b’qalb tajba u kalma jistaʼ jkun mistenni minn irġiel kwalifikati spiritwalment, għax Pawlu kiteb: “L-aħwa, saħansitra jekk raġel jieħu xi pass ħażin qabel ma jinduna bih, intom li għandkom kwalifiki spiritwali pprovaw irranġaw lil raġel bħal dan fi spirtu taʼ ħlewwa, fil-waqt li kull wieħed minnkom iżomm għajn fuqu nnifsu, minħabba l-biżaʼ li inti wkoll tistaʼ tiġi ttantat.” (Galatin 6:1) Anzjani maħturin jitkellmu b’mod kalm u ħanin meta huma jippruvaw igħinu lil sħabhom fit-twemmin li żballjaw. Kemm jekk aħna personalment irċevejna għajnuna b’qalb tajba bħal din u kemm jekk le, madankollu, Alla x’jistenna minn dawk kollha li qed jaqduh? Il-Kristjani kollha għandhom juru qalb tajba maʼ oħrajn u għandhom jagħtu kas il-parir taʼ Pawlu: “Siru qalbkom tajba maʼ xulxin, billi tagħdru b’tenerezza, billi taħfru lil xulxin b’xejn sewwa sew bħalma Alla wkoll bi Kristu ħafrilkom b’xejn.” (Efesin 4:32) M’għandniex xi ngħidu, jekk aħna ġejna maħfurin minn xi ħadd jew ġejna mgħejjunin f’xi diffikultà spiritwali b’qalb tajba, dan għandu jkabbrilna l-kapaċità tagħna stess biex naħfru, nagħdru, u nuru qalb tajba.
Apprezza l-Qalb Tajba Mhix Mistħoqqa t’Alla
17. Ladarba aħna midinbin mit-twelid, għal liema qalb tajba għandna b’mod speċjali nkunu grati?
17 Ladarba lkoll kemm aħna twelidna midinbin ikkundannati għall-mewt, hemm qalb tajba li għaliha għandna nkunu grati b’mod speċjali. Hija l-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Alla Jehovah. Li l-midinbin jiġu maħlulin mill-kundanna tal-mewt u jiġu ddikjarati twajbin hija qalb tajba li hija totalment mhix mistħoqqa. Pawlu, li semma l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla 90 darba fl-14-il ittra tiegħu ispirati minn Alla, qal lill-Kristjani f’Ruma tal-qedem: “Kollha dinbu u ma jilħqux il-glorja t’Alla, u huwa bħal għotja b’xejn li qed jiġu ddikjarati twajbin bil-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu permezz tal-ħelsien bil-fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù.” (Rumani 3:23, 24) Kemm għandna għalfejn napprezzaw il-qalb tajba mhix mistħoqqa murija minn Alla Jehovah!
18, 19. Kif nistgħu nevitaw li nitilfu l-għan tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?
18 Jekk ma nkunux qed nuru apprezzament, aħna nistgħu nitilfu l-għan tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. F’dan ir-rigward, Pawlu qal: “Aħna għalhekk ambaxxaturi li nissostitwixxu lil Kristu, bħal li kieku Alla kien qed jagħmel supplika permezz tagħna. Bħala sostituti għal Kristu aħna nittallbu: ‘Tħabbeb mill-ġdid m’Alla.’ Lil dak il-wieħed li ma kienx jaf id-dnub hu għamlu biex ikun dnub għalina, biex aħna nistgħu nsiru t-tjieba t’Alla permezz tiegħu. Billi naħdmu flimkien miegħu, aħna wkoll nagħmlu supplika lilkom biex ma taċċettawx il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla u titilfu l-għan tagħha. Għax hu jgħid [f’Isaija 49:8, Settwaġinta]: ‘Fi żmien aċċettabbli smajtek, u f’jum taʼ salvazijoni għentek.’ Ħares! Issa hu ż-żmien speċjalment aċċettabbli. Ħares! Issa hu jum is-salvazzjoni. Bl-ebda mod ma qegħdin aħna nagħtu raġuni għal għoti taʼ gambetta, biex il-ministeru tagħna ma jinstabx żball fih; imma b’kull mod nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla.” (2 Korintin 5:20–6:4) Pawlu x’kellu f’moħħu?
19 Kristjani midlukin huma ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu, u l-folla l-kbira huma l-mibgħutin tagħhom. Flimkien huma jħeġġu lin-nies biex isiru rikonċiljati maʼ Alla sabiex jaqilgħu s-salvazzjoni. Pawlu ma riedx li xi ħadd jirċievi l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu u jitlef il-għan tagħha. Dan jistaʼ jiġri lilna jekk nonqsu li nagħmlu x-xogħol li għalih dik il-qalb tajba mhix mistħoqqa għamlitna kapaċi. Billi nkunu fi stat taʼ ħbiberija m’Alla bħala wħud rikonċiljati lejh, aħna mhux se nirċievu l-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu għal xejn jekk aħna nwettqu “l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni, jiġifieri, li Alla kien qiegħed permezz taʼ Kristu jħabbeb mill-ġdid dinja miegħu.” (2 Korintin 5:18, 19) Aħna nkunu wkoll qed inkunu qalbna tajba bil-kbir maʼ oħrajn billi ngħinuhom isiru rikonċiljati m’Alla.
20. X’se neżaminaw darb’oħra?
20 Il-qaddejja taʼ Jehovah jużaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom f’atti taʼ qalb tajba meta jfittxu biex igħinu lin-nies spiritwalment permezz tal-ministeru Kristjan. Imma x’nistgħu nitgħallmu minn eżempji Skritturali taʼ qalb tajba fl-azzjoni? Ejjew issa neżaminaw lil xi wħud minn dawn u nikkunsidraw modi oħrajn kif nogħġbu lil Jehovah billi nuru qalb tajba.
Kieku Int Kif Twieġeb?
◻ X’inhi l-qalb tajba?
◻ Kif nistgħu nevitaw li nċedu għall-qalb tajba żballjata?
◻ In-nies taʼ Jehovah għala jistgħu jafdaw fil-qalb tajba bl-imħabba tiegħu?
◻ X’inhuma xi ftit mill-premji tal-qalb tajba?
◻ Billi nagħmlu liema ħaġa m’aħniex se nitilfu l-għan tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?
[Stampa f’paġna 8]
Il-qalb tajba ġġiegħel lill-anzjani Kristjani juru paċenzja, konsiderazzjoni, u mogħdrija