Nistinkaw Biex Nuru Qalb Tajba f’Dinja Ostili
“Dak li hu mixtieq fi bniedem hi t-tjieba [jew, il-qalb tajba bl-imħabba] tiegħu.”—PROVERBJI 19:22, KŻ.
1. Għala jistaʼ jkun diffiċli li turi qalb tajba?
TAĦSEB li int qalbek tajba? Jekk inhu hekk, jistaʼ jkun diffiċli li tgħix fid-dinja taʼ llum. Veru, fil-Bibbja, il-qalb tajba hi identifikata bħala waħda mill-“frott taʼ l-Ispirtu,” imma għala hu daqshekk diffiċli li turi qalb tajba, saħansitra fl-hekk imsejħa pajjiżi Kristjani? (Galatin 5:22, NW) Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, it-tweġiba nistgħu nsibuha, sa ċertu punt, f’dak li kiteb l-appostlu Ġwanni—id-dinja kollha hi kontrollata minn spirtu bla qalb, Satana x-Xitan. (1 Ġwanni 5:19) Ġesù Kristu identifika lil Satana bħala “l-Prinċep tad-dinja.” (Ġwanni 14:30) Għalhekk, din id-dinja għandha t-tendenza li tkun tixbah lill-ħakkiem ribelluż tagħha, li l-attitudni tiegħu hi karatterizzata minn imġiba kiefra.—Efesin 2:2.
2. Liema sfidi jistgħu jeffettwawna meta niġu biex nuru qalb tajba?
2 Meta ma niġux trattati b’qalb tajba, ħajjitna tiġi effettwata ħażin. Din l-imġiba bla qalb tistaʼ tintwera minn ġirien inkejjużi, stranġieri li ma jkunux dħulin, u saħansitra minn ħbieb u membri tal-familja li kultant jaġixxu b’nuqqas taʼ ħsieb. Taʼ spiss, il-pressjoni li tinħoloq meta jkollok tħabbat wiċċek maʼ nies maledukati li jgħajtu u joffendu wieħed lil ieħor iġġagħlek tħossok skuraġġit. Dan it-trattament bla qalb minn ħaddieħor jistaʼ jġagħalna nħossuna ostili, u nibdew naħsbuha jekk irroddux kattiverija b’kattiverija. Din l-attitudni tistaʼ anki twassal għal problemi spiritwali jew fiżiċi.—Rumani 12:17.
3. In-nies jiffaċċjaw liema problemi serji li jagħmluhielhom diffiċli biex juru qalb tajba?
3 Il-kundizzjonijiet tad-dinja, li tant joħolqu stress, ukoll jistgħu jagħmluhielna diffiċli biex nuru qalb tajba. Per eżempju, il-maġġuranza tal-bnedmin iħossuhom stressati minħabba t-theddid u l-attakki terroristiċi, kif ukoll minħabba l-possibbiltà li jintużaw armi bijoloġiċi jew nukleari minn diversi gruppi nazzjonali. Iżjed minn hekk, miljuni taʼ nies waqgħu fil-faqar u m’għandhomx biżżejjed ikel, ilbies, kura medika, u fejn joqogħdu. Meta s-sitwazzjoni tkun tidher bla tama, hija verament sfida li turi qalb tajba.—Koħèlet 7:7.
4. Liema konklużjoni ħażina jistgħu jaslu għaliha xi wħud meta jaħsbu dwar li juru qalb tajba m’oħrajn?
4 Wieħed malajr jistaʼ jikkonkludi li m’huwiex daqshekk importanti li juri qalb tajba, u li dan hu saħansitra sinjal taʼ dgħjufija. Jistaʼ jħossu trattat inġustament, speċjalment meta oħrajn jinjoraw is-sentimenti tiegħu. (Salm 73:2-9) Madankollu, il-Bibbja tagħtina d-direzzjoni t-tajba meta tgħid: “Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla, kelma iebsa tqajjem l-għadab.” (Proverbji 15:1) Il-ħlewwa u l-qalb tajba huma żewġ aspetti tal-frott taʼ l-ispirtu li jmorru id f’id u huma effettivi f’ċirkustanzi diffiċli.
5. Liema huma xi sitwazzjonijiet tal-ħajja fejn hi meħtieġa l-qalb tajba?
5 Ladarba għalina l-Kristjani hu importanti ferm li nuru l-frott taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla, nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw kif nistgħu nuru waħda minn dawn il-kwalitajiet—il-qalb tajba. Huwa possibbli li nibqgħu nuru qalb tajba f’dinja ostili? Jekk iva, liema huma xi sitwazzjonijiet fejn nistgħu nuru bil-provi li aħna ma nħallux l-influwenza taʼ Satana toħnoq il-qalb tajba tagħna, speċjalment f’ċirkustanzi stressanti? Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nibqgħu nuru qalb tajba fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, fil-ministeru tagħna, u fost sħabna fit-twemmin.
Qalb Tajba fil-Familja
6. Il-qalb tajba għala hi tant importanti fil-familja, u kif tistaʼ tintwera?
6 Il-frott taʼ l-ispirtu hu vitali jekk irridu nirċievu l-barka u d-direzzjoni taʼ Jehovah, u għalhekk għandna bżonn niżviluppawh bis-sħiħ. (Efesin 4:32) Ejja nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq il-bżonn li l-membri tal-familja juru qalb tajba maʼ xulxin. Kuljum, fir-relazzjoni taʼ bejniethom, ir-raġel u l-mara għandhom juru spirtu taʼ qalb tajba u konsiderazzjoni maʼ xulxin u maʼ wliedhom. (Efesin 5:28-33; 6:1, 2) Din il-qalb tajba għandha tkun evidenti fil-mod kif il-membri tal-familja jkellmu lil xulxin, billi t-tfal jonoraw u jirrispettaw lill-ġenituri tagħhom u l-ġenituri jittrattaw lil uliedhom b’mod xieraq. Kun ħafif biex tfaħħar, tqil biex tikkundanna.
7, 8. (a) X’tip taʼ mġiba għandna nevitaw jekk irridu nuru qalb tajba vera fil-familja? (b) Komunikazzjoni tajba kif tgħin biex issaħħaħ ir-rabta tal-familja? (ċ) Kif tistaʼ turi qalb tajba fil-familja tiegħek?
7 Il-fatt li nkunu qalbna tajba mal-membri tal-familja tagħna jinvolvi li nagħmlu dak li ħeġġeġ l-appostlu Pawlu: “Ħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, u l-kliem mhux xieraq warrbuh minn fommkom.” Kuljum, il-familji Kristjani għandhom jikkomunikaw bejniethom b’mod li juri rispett. Għala? Għax komunikazzjoni tajba hi l-ingredjent essenzjali għal familji sodi u b’saħħithom. Meta jinqalaʼ xi nuqqas taʼ qbil, jekk trid tberred il-qiegħa, ipprova solvi l-problema, mhux tirbaħ l-argument. Membri tal-familja henjin jistinkaw iżjed bil-ħerqa biex juru qalb tajba u konsiderazzjoni maʼ xulxin.—Kolossin 3:8, 12-14.
8 Il-qalb tajba hi kwalità pożittiva u ġġagħalna nkunu rridu nagħmlu l-ġid lill-oħrajn. Għaldaqstant nipprovaw li bil-ħlewwa nkunu utli u t’għajnuna u nuru konsiderazzjoni lejn il-membri l-oħra tal-familja. Hemm bżonn kemm taʼ sforz individwali kif ukoll taʼ sforz kollettiv biex tintwera qalb tajba b’mod li jirrifletti tajjeb fuq il-familja. U r-riżultat ma jkunx biss li jkollhom il-barka t’Alla imma wkoll li b’dan jonoraw lil Jehovah, l-Alla tal-qalb tajba, kemm fil-kongregazzjoni u kemm fil-komunità.—1 Pietru 2:12.
Qalb Tajba Fuq il-Post tax-Xogħol
9, 10. Iddeskrivi xi problemi li jistgħu jinqalgħu fuq il-post tax-xogħol, u ikkummenta dwar kif jistgħu jiġu trattati b’qalb tajba.
9 Għall-Kristjan, ir-rutina taʼ kuljum tax-xogħol tistaʼ tkun taʼ sfida biex juri qalb tajba maʼ sħabu l-ħaddiema. Ir-rivalità, jew l-għira, bejn l-impjegati tistaʼ twassal biex tipperikola l-impjieg taʼ dak li jkun. Dan għaliex xi ħadd mill-ħaddiema jistaʼ jaġixxi bil-qerq jew bil-makakkerija, u b’hekk iħassarlu r-reputazzjoni li jkollu maʼ min jimpjegah. (Koħèlet 4:4) M’huwiex faċli li turi qalb tajba f’mumenti bħal dawn. Madankollu, filwaqt li jżomm f’moħħu li l-aħjar ħaġa ġeneralment tkun li juri qalb tajba, qaddej taʼ Jehovah għandu jagħmel ħiltu kollha biex jirbaħ lil dawk li huma diffiċli biex tingwalaha magħhom. Il-fatt li ninteressaw ruħna fil-persuna jistaʼ jgħinna nagħmlu dan. Forsi tistaʼ tieħu interess f’sieħbek taʼ fuq ix-xogħol jekk dan jimrad jew inkella jkollu lil xi ħadd tal-familja marid. Anki mistoqsija dwar is-saħħa taʼ dak li jkun jistaʼ jkollha effett pożittiv fuq il-persuna l-oħra. Iva, sakemm ikun jiddependi minnhom, il-Kristjani għandhom jipprovaw iħeġġu l-armonija u l-paċi. Kultant, kelma li tingħad b’qalb tajba u li turi ħsieb u interess tkun t’għajnuna fis-sitwazzjoni.
10 Xi drabi oħra, min jimpjega jkun irid jimponi l-opinjoni tiegħu fuq l-impjegati tiegħu u jkun iridhom jieħdu sehem f’xi okkażjoni nazzjonali jew xi ċelebrazzjoni li ma jkollhiex bażi Skritturali. Meta l-kuxjenza tal-Kristjan ma tħallihx jieħu sehem, jistaʼ jinqalaʼ konflitt. Dak il-ħin forsi ma jkunx għaqli li toqgħod tispjega bid-dettall dwar kemm hu żbaljat li tagħmel dak li jixtieq l-imgħallem tiegħek. Wara kollox, għal dawk li m’għandhomx l-istess twemmin Kristjan, dak li jkun qed isir forsi jidher li hu tajjeb. (1 Pietru 2:21-23) Forsi b’qalb tajba tistaʼ tispjega r-raġunijiet tiegħek għala ma tiħux sehem. Tpattix kummenti sarkastiċi b’kummenti sarkastiċi. Ikun jaqbel li l-Kristjan jimxi fuq il-parir eċċellenti taʼ Rumani 12:18: “Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi maʼ kulħadd.”
Qalb Tajba fl-Iskola
11. Liema sfidi jiffaċċjaw iż-żgħażagħ meta jiġu biex juru qalb tajba maʼ sħabhom taʼ l-iskola?
11 Tistaʼ tkun verament sfida għaż-żgħażagħ li juru qalb tajba maʼ l-istudenti sħabhom. Taʼ spiss, iż-żgħażagħ ikunu jixtiequ li jiġu aċċettati minn sħabhom tal-klassi. Sabiex jiksbu l-ammirazzjoni taʼ studenti oħrajn, xi tfal subien jaġixxu b’mod aggressiv u saħansitra jagħmluha taʼ bulijiet u jittrattaw ħażin lil oħrajn fl-iskola. (Mattew 20:25) Xi żgħażagħ oħrajn iħobbu jimpressjonaw bl-abbiltajiet skolastiċi, sportivi, jew xi abbiltajiet oħrajn li jkollhom. Sabiex juru kemm jafu, ħafna drabi jkunu kattivi maʼ sħabhom tal-klassi jew maʼ studenti oħrajn, għax b’mod żbaljat jaħsbu li l-fatt li għandhom xi talent jew xi abbiltà jagħmilhom superjuri. Iż-żgħażagħ Kristjani jridu joqogħdu attenti li ma jimitawx lil individwi bħal dawn. (Mattew 20:26, 27) L-appostlu Pawlu qal li “l-imħabba taf tistabar u tħenn [“qalbha tajba,” NW]” u li l-imħabba “ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn.” Għaldaqstant, l-obbligu tal-Kristjan hu li fir-relazzjonijiet maʼ sħabu taʼ l-iskola jimxi u jżomm maʼ dak li tħeġġeġ l-Iskrittura mhux jimita l-eżempju ħażin taʼ dawk li ma jaġixxux b’qalb tajba.—1 Korintin 13:4.
12. (a) Għala tistaʼ tkun sfida għaż-żgħażagħ biex juru qalb tajba maʼ l-għalliema tagħhom? (b) Iż-żgħażagħ lejn min jistgħu jduru għall-għajnuna meta jħossuhom pressati biex ma jaġixxux b’qalb tajba?
12 Iż-żgħażagħ għandhom ukoll jittrattaw lill-għalliema tagħhom b’qalb tajba. Ħafna studenti jieħdu pjaċir idejqu lill-għalliema tagħhom. Jaħsbu li jkunu qed jagħmluha tal-bravi jekk ma jagħtux lill-għalliema tagħhom ir-rispett mistħoqq billi jieħdu sehem f’attivitajiet li jiksru r-regoli taʼ l-iskola. Jistgħu jużaw ukoll l-intimidazzjoni biex iġagħlu lil oħrajn jingħaqdu magħhom. Meta Kristjan żagħżugħ jirrifjuta li jkompli magħhom, hu jistaʼ jitwaqqaʼ għaċ-ċajt jew jiġi mgħajjar. Sitwazzjonijiet bħal dawn matul is-sena skolastika jkunu taʼ prova għall-Kristjan u juru kemm ikun determinat li juri qalb tajba. Madankollu, tinsiex kemm hu importanti li tkun qaddej leali taʼ Jehovah. Ibqaʼ ċert li f’dawn il-mumenti diffiċli taʼ ħajtek hu se jwieżnek permezz taʼ l-ispirtu tiegħu.—Salm 37:28.
Qalb Tajba mal-Ġirien
13-15. X’jistaʼ jżommna milli nuru qalb tajba mal-ġirien tagħna, u kif nistgħu niffaċċjaw dawn l-isfidi?
13 Tgħix fejn tgħix, f’dar, f’appartament, f’karavan, jew xi mkien ieħor, tistaʼ taħseb f’modi kif tistaʼ turi qalb tajba mal-ġirien u turi interess fil-benesseri tagħhom. Dan ukoll ma jkunx dejjem faċli.
14 Xi ngħidu jekk il-ġirien li joqogħdu bieb maʼ bieb miegħek ikunu preġudikati kontrik minħabba r-razza, in-nazzjonalità, jew ir-reliġjon tiegħek? U xi ngħidu jekk xi drabi jaġixxu taʼ maledukati jew inkella jinjorawk kompletament? Bħala qaddej taʼ Jehovah, l-aħjar hu li tkun qalbek tajba kemm tistaʼ. B’dan il-mod tispikka bħala persuna differenti u mill-aħjar, u ġġib verament tifħir lil Jehovah li hu l-aqwa eżempju taʼ qalb tajba. Ma tistax tgħid jekk il-ġâr tiegħek jibdilx l-attitudni tiegħu minħabba l-qalb tajba tiegħek. Forsi anki jsir wieħed li jfaħħar lil Jehovah.—1 Pietru 2:12.
15 Kif tistaʼ tintwera l-qalb tajba? Qabel xejn, bl-imġiba eżemplari fil-familja hekk kif il-membri kollha juru l-frott taʼ l-ispirtu. Il-ġirien għandhom mnejn jinnotawh dan. Minn żmien għal żmien, forsi lill-ġâr tkun tistaʼ tagħmillu xi pjaċir. Ftakar li biex tkun qalbek tajba trid tinteressa ruħek fil-benesseri taʼ ħaddieħor.—1 Pietru 3:8-12.
Qalb Tajba fil-Ministeru Tagħna
16, 17. (a) Għala hu importanti li nkunu qalbna tajba fil-ministeru pubbliku tagħna? (b) Kif nistgħu nuru qalb tajba fid-diversi aspetti tal-ministeru taʼ l-għalqa?
16 Il-qalb tajba għandha tkun karatteristika tal-ministeru Kristjan tagħna hekk kif, b’determinazzjoni u b’mod organizzat, nagħmlu sforz biex nilħqu n-nies fi djarhom, fejn jaħdmu, u f’postijiet pubbliċi. Irridu niftakru li aħna nirrappreżentaw lil Jehovah, li dejjem juri qalb tajba.—Eżodu 34:6.
17 X’jinkludu l-isforzi tiegħek biex turi qalb tajba fil-ministeru? Per eżempju, waqt li tkun qed tagħti xiehda fit-toroq, tistaʼ turi qalb tajba billi meta tkellem lin-nies ma tiħux ħafna ħin u turihom konsiderazzjoni. Ġeneralment, ikun hemm ħafna nies fuq il-bankini, u għalhekk oqgħod attent li tħalli biżżejjed wisaʼ minn fejn jgħaddu. Ukoll, meta tkun qed tagħti xiehda f’territorju tan-negozju, żomm f’moħħok li tal-ħwienet iridu jaqdu lill-klijenti, u għalhekk tkun qed turi qalb tajba billi ma tiħdilhomx ħafna ħin.
18. Liema rwol għandu l-għaqal meta niġu biex nuru qalb tajba fil-ministeru tagħna?
18 Uża l-għaqal fil-ministeru minn dar għal dar. Iddumx titkellem, speċjalment jekk it-temp ma jkunx sabiħ. Kapaċi tinduna int meta persuna tkun qed tiddejjaq jew saħansitra qed titlef il-paċenzja bil-preżenza tiegħek? Forsi fejn toqgħod int, ix-Xhieda taʼ Jehovah spiss iżuru lin-nies. Jekk inhu hekk, uri konsiderazzjoni speċjali, u kun dejjem qalbek tajba u dħuli. (Proverbji 17:14) Ipprova ifhem għala l-inkwilin ma jkunx jistaʼ joqgħod jisimgħek dakinhar. Ftakar, x’aktarx li fi żmien qasir xi ħadd minn ħutek il-Kristjani se jerġaʼ jżur dik id-dar. Jekk tiltaqaʼ maʼ xi ħadd li jkun maledukat, agħmel iżjed sforz biex turih qalb tajba. Tgħollix leħnek u tqarrasx wiċċek, imma tkellem b’mod kalm. Kristjan li juri qalb tajba ma jkunx irid iqajjem xi ġlieda bil-kliem maʼ l-inkwilin. (Mattew 10:11-14) Għandu mnejn li xi darba dik il-persuna toqgħod tismaʼ l-aħbar tajba.
Qalb Tajba fil-Laqgħat tal-Kongregazzjoni
19, 20. Il-qalb tajba għala hi meħtieġa fil-kongregazzjoni, u kif tistaʼ tintwera?
19 Hu daqstant importanti li nuru qalb tajba maʼ sħabna fit-twemmin. (Lhud 13:1) Ladarba nagħmlu parti minn fratellanza globali, hu essenzjali li nittrattaw lil xulxin b’qalb tajba.
20 Jekk iktar minn kongregazzjoni waħda tuża s-Sala tas-Saltna, hu importanti li nittrattaw b’qalb tajba u b’dinjità lil dawk fil-kongregazzjonijiet l-oħrajn. Ir-rivalità ma twassalx għall-kooperazzjoni meta jkun hemm bżonn isiru arranġamenti għall-ħinijiet tal-laqgħat u għal xi bżonnijiet bħat-tindif jew il-manutenzjoni. Uri qalb tajba u konsiderazzjoni anki jekk ikun hemm opinjonijiet differenti. B’dan il-mod il-qalb tajba dejjem tittrijonfa, u Jehovah ibierek tassew l-interess li turi fil-benesseri taʼ l-oħrajn.
Ibqaʼ Uri Qalb Tajba
21, 22. Fi qbil maʼ Kolossin 3:12, x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
21 Il-qalb tajba hi kwalità li tant teffettwa u tinkludi affarijiet li tolqot kull aspett taʼ ħajjitna. Għalhekk, għandna nagħmluha parti integrali mill-personalità Kristjana tagħna. Għandna niħduha drawwa li nuru qalb tajba m’oħrajn.
22 Jalla lkoll kemm aħna nuru qalb tajba m’oħrajn kuljum, u b’hekk kull wieħed minna japplika l-kliem taʼ l-appostlu Pawlu: “Intom il-magħżulin taʼ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba [“qalb tajba,” NW], umiltà, ħlewwa u sabar.”—Kolossin 3:12.
X’Tiftakar?
• X’jagħmilha diffiċli għall-Kristjan biex juri qalb tajba?
• Għala hu importanti li wieħed juri qalb tajba fil-familja tiegħu?
• X’jagħmilha diffiċli biex turi qalb tajba fl-iskola, fuq ix-xogħol, u mal-ġirien?
• Spjega kif il-Kristjani jistgħu juru qalb tajba fil-ministeru pubbliku tagħhom.
[Stampa f’paġna 18]
Meta kulħadd fil-familja juri qalb tajba jkun hemm iżjed għaqda u kooperazzjoni
[Stampa f’paġna 19]
Int tistaʼ turi qalb tajba meta jimrad xi ħadd minn sħabek taʼ fuq ix-xogħol jew xi membru tal-familja tiegħu
[Stampa f’paġna 20]
Jehovah jappoġġa lil min lealmentjuri qalb tajba minkejja t-twaqqigħ għaċ-ċajt
[Stampa f’paġna 21]
Meta tagħti daqqa t’id lil xi ġâr fil-bżonn tkun qed turi qalb tajba