Il-Poplu t’Alla Jrid Iħobb il-Qalb Tajba
“X’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb [“il-qalb tajba,” NW], u li tkun umli fl-imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.”—MIKEA 6:8.
1, 2. (a) Għala m’għandniex għalfejn nistagħġbu li Jehovah jistenna li l-poplu tiegħu jkun qalbu tajba? (b) Liema mistoqsijiet dwar il-qalb tajba jixraq li nikkunsidraw?
JEHOVAH hu Alla taʼ qalb tajba. (Rumani 2:4; 11:22) Min jaf kemm apprezzawh dan l-ewwel koppja, Adam u Eva! Fil-ġnien taʼ l-Għeden kienu mdawrin bil-ħolqien viżibbli li kien jagħti evidenza tal-qalb tajba t’Alla lejn il-bnedmin li kienu kapaċi jgawdu dan il-ħolqien. U Alla jkompli jkun qalbu tajba maʼ kulħadd, anki maʼ nies ingrati u ħżiena.
2 Peress li huma maħluqin fix-xbieha t’Alla, il-bnedmin għandhom il-kapaċità li jirriflettu l-kwalitajiet li għandu Alla. (Ġenesi 1: 26) Ma nistagħġbux, mela, li Jehovah jistenna li aħna nkunu qalbna tajba. Bħalma jgħid Mikea 6: 8, il-poplu t’Alla jrid ‘iħobb il-qalb tajba.’ Imma x’inhi l-qalb tajba? Kif inhi marbuta maʼ kwalitajiet oħrajn li għandu Alla? Ladarba l-bnedmin kapaċi jkunu qalbhom tajba, id-dinja għala hija post daqstant kiefer u ostili? Bħala Kristjani, għala għandna nipprovaw inkunu qalbna tajba fir-relazzjonijiet tagħna m’oħrajn?
X’Inhi l-Qalb Tajba?
3. Kif tiddefinixxi l-qalb tajba?
3 Il-qalb tajba tintwera meta xi ħadd jieħu interess attiv fil-benesseri taʼ ħaddieħor. Tintwera permezz taʼ azzjonijiet t’għajnuna u kliem taʼ konsiderazzjoni. Il-fatt li tkun qalbek tajba jfisser li tagħmel il-ġid minflok ma tagħmel il-ħsara. Xi ħadd qalbu tajba jkun minn tagħna, ġentili, juri simpatija u ħlewwa. Ikollu attitudni taʼ ġenerożità u konsiderazzjoni lejn ħaddieħor. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani: “Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba [jew, qalb tajba], umiltà, ħlewwa u sabar.” (Kolossin 3:12) Għalhekk, il-qalb tajba hija parti mill-ilbies figurattiv tal-Kristjan veru.
4. Jehovah kif ħa l-inizjattiva biex juri qalb tajba mal-bnedmin?
4 Alla Jehovah ħa l-inizjattiva biex juri l-qalb tajba. Bħalma qal Pawlu, kien meta “feġġet it-tjieba [jew, il-qalb tajba] taʼ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin” li “hu salvana bil-ħasil taʼ twelid ġdid u t-tiġdid taʼ l-Ispirtu s-Santu.” (Titu 3:4, 5) Alla ‘jaħsel,’ jew inaddaf, lill-Kristjani midlukin fid-demm taʼ Ġesù, u b’hekk japplika l-benefiċċji tas-sagrifiċċju li Kristu ħallas bħala fidwa għalihom. Ukoll, huma jiġġeddu permezz taʼ l-ispirtu qaddis u jsiru “ħolqien ġdid” bħala wlied Alla mnisslin mill-ispirtu. (2 Korintin 5:17) Iktar minn hekk, il-qalb tajba u l-imħabba t’Alla jinfirxu fuq “kotra kbira,” li “l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf.”—Apokalissi 7:9, 14; 1 Ġwanni 2:1, 2.
5. Dawk li huma mmexxijin mill-ispirtu t’Alla għala għandhom juru qalb tajba?
5 Il-qalb tajba hija wkoll parti mill-frott taʼ l-ispirtu qaddis, jew forza attiva, t’Alla. Pawlu qal: “Il-frott taʼ l-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena [jew, il-qalb tajba], it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi.” (Galatin 5:22, 23) Għalhekk, mela, m’għandhomx dawk li huma mmexxijin mill-ispirtu t’Alla juru qalb tajba m’oħrajn?
Il-Qalb Tajba Vera M’Hijiex Dgħjufija
6. Il-qalb tajba meta tkun dgħjufija, u għala?
6 Xi nies iqisu lil min hu qalbu tajba bħala dgħajjef. Huma jħossu li wieħed għandu jkun aħrax, u kultant saħansitra maledukat, sabiex oħrajn ikunu jistgħu jaraw kemm għandu karattru sod. Iżda, fir-realtà, għandek bżonn karattru sod biex tkun verament qalbek tajba u biex ma turix qalb tajba żbaljata. Ladarba l-qalb tajba vera hija parti mill-frott taʼ l-ispirtu t’Alla, din ma tistax tkun attitudni dgħajfa, li tagħlaq għajnejha għall-kondotta mhix xierqa. Mill-banda l-oħra, hija dgħjufija li turi qalb tajba żbaljata għax din iġġiegħel lil dak li jkun jiskuża l-ħażen.
7. (a) Għeli kif wera li naqas fid-dixxiplina taʼ wliedu? (b) L-anzjani għala jridu joqogħdu attenti li ma jurux qalb tajba żbaljata?
7 Per eżempju, ikkunsidra lil Għeli, il-qassis il-kbir taʼ Iżrael. Hu naqas li jiddixxiplina sewwa lil uliedu, Ħofni u Fineħas, li kienu jaqdu bħala qassisin fit-tabernaklu. Dawn ma kinux kuntenti bis-sehem mis-sagrifiċċju li kienu jingħataw skond il-Liġi t’Alla. Għaldaqstant, kienu jqabbdu lil wieħed mill-qaddejja biex, qabel ma ssir l-offerta u x-xaħam jibda jinħaraq fuq l-artal, jieħu laħam nej mingħand min ikun qed joffri xi sagrifiċċju. Ulied Għeli kellhom ukoll relazzjonijiet immorali man-nisa li kienu jaqdu fil-bieb tat-tabernaklu. Madankollu, minflok ma neħħa lil Ħofni u ’l Fineħas mill-kariga, Għeli sempliċement tahom ċanfira ħafifa. (1 Samwel 2:12-29) Mhux taʼ b’xejn li “l-kelma tal-Mulej kienet rari f’dak iż-żmien”! (1 Samwel 3:1) L-anzjani Kristjani jridu joqogħdu attenti li ma jurux qalb tajba żbaljata maʼ wħud li jkunu qed jipprattikaw il-ħażen u li jistgħu jipperikolaw l-ispiritwalità tal-kongregazzjoni. Il-qalb tajba vera ma tagħlaqx għajnejha għal kliem u azzjonijiet ħżiena li jmorru kontra l-livelli t’Alla.
8. Ġesù kif wera qalb tajba vera?
8 L-Eżemplar tagħna, Ġesù Kristu, qatt ma kien ħati li wera qalb tajba żbaljata. Hu kien l-aqwa eżempju tal-qalb tajba vera. Per eżempju, hu ‘tħassarhom lin-nies, għax kienu mdejqin u mitluqin bħal nagħaġ bla ragħaj.’ Nies taʼ qalb onesta ma kinux jiddejqu jersqu lejn Ġesù, u kienu anki jġibulu lit-tfal tagħhom. Aħseb dwar il-qalb tajba u l-mogħdrija li wera lejn it-tfal waqt li “ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” (Mattew 9:36; Mark 10:13-16) Għalkemm Ġesù kien qalbu tajba, madankollu kien iżomm sod maʼ dak li kien sewwa f’għajnejn Missieru tas-sema. Ġesù qatt ma skuża l-ħażen; kellu l-kuraġġ minn Alla biex jikxef quddiem kulħadd lill-mexxejja reliġjużi ipokriti. Kif insibu f’Mattew 23:13-26, bosta drabi rripeta d-dikjarazzjoni: “Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra!”
Il-Qalb Tajba u Kwalitajiet Oħrajn li Huma Frott l-Ispirtu t’Alla
9. Il-qalb tajba kif inhi marbuta mas-sabar fit-tul u t-tjubija?
9 Il-qalb tajba hija marbuta maʼ kwalitajiet oħrajn li huma frott l-ispirtu t’Alla, kwalitajiet bħas-sabar fit-tul u t-tjubija. Tabilħaqq, min jikkultiva l-qalb tajba juri din il-kwalità billi jkun paċenzjuż u juri sabar fit-tul. Jieħu paċenzja anki b’nies li m’humiex qalbhom tajba. Il-qalb tajba hija marbuta mat-tjubija għax taʼ spiss tintwera permezz taʼ azzjonijiet t’għajnuna li jsiru għall-benefiċċju t’oħrajn. Xi drabi, il-kelma Griega li tintuża fil-Bibbja għal “qalb tajba” tistaʼ tiġi tradotta “tjieba” jew “tjubija.” Il-mod kif il-Kristjani tal-bidu kienu juru din il-kwalità tant kien jissorprendi lill-pagani li, skond Tertuljanu, dawn kienu jsejħu lis-segwaċi taʼ Ġesù ‘poplu tal-qalb tajba.’
10 Il-qalb tajba u l-imħabba kif inhuma marbutin flimkien?
10 Hemm rabta bejn il-qalb tajba u l-imħabba. Dwar is-segwaċi tiegħu, Ġesù qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) U dwar din l-imħabba, Pawlu qal: “L-imħabba taf tistabar u tħenn [“qalbha tajba,” NW].” (1 Korintin 13:4) Il-qalb tajba hija wkoll marbuta maʼ l-imħabba fil-frażi “qalb tajba bl-imħabba,” li tintuża spiss fl-Iskrittura. Din hi qalb tajba li toriġina minn imħabba leali. In-nom Ebrajk tradott “qalb tajba bl-imħabba” jinkludi iktar minn affezzjoni tenera. Hija qalb tajba li bi mħabba tintrabat m’oġġett sakemm jitwettaq l-iskop tagħha fi qbil miegħu. Il-qalb tajba bl-imħabba, jew l-imħabba leali, taʼ Jehovah tintwera b’diversi modi. Per eżempju, tidher fl-atti tiegħu taʼ ħelsien u protezzjoni.—Salm 6:5 (6:4, NW); 40:12 (40:11, NW); 143:12.
11. Il-qalb tajba bl-imħabba t’Alla liema ċertezza tagħtina?
11 Il-qalb tajba taʼ Jehovah tiġbed il-bnedmin lejh. (Ġeremija 31:3) Meta l-qaddejja leali taʼ Jehovah ikollhom bżonn il-ħelsien jew l-għajnuna, huma jafu li l-qalb tajba bl-imħabba li jurihom hi tabilħaqq imħabba leali. Ma tonqos qatt li tintwerielhom. Għaldaqstant, jistgħu jitolbu bil-fidi, bħas-salmista li qal: “Imma jien fit-tjieba [jew, il-qalb tajba bl-imħabba] tiegħek nitma, tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek.” (Salm 13:6 [13:5, NW]) Ladarba l-imħabba t’Alla hi leali, il-qaddejja tiegħu jistgħu jafdaw fih kompletament. Għandhom din iċ-ċertezza: “Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu, ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.”—Salm 94:14.
Id-Dinja Għala Hi Daqshekk Kiefra?
12. Meta u kif bdiet il-ħakma oppressiva?
12 It-tweġiba għal din il-mistoqsija għandha x’taqsam maʼ dak li ġara fil-ġnien taʼ l-Għeden. Kmieni fl-istorja umana, wieħed mill-ħlejjaq spirti li kien sar egoist u kburi fassal pjan li bih isir ħakkiem tad-dinja. Bħala riżultat tal-komplott tiegħu, hu tassew sar “Prinċep [jew, ħakkiem] taʼ din id-dinja,” iva, ħakkiem oppressiv għall-aħħar. (Ġwanni 12:31) Sar magħruf bħala Satana x-Xitan, l-opponent ewlieni kemm t’Alla u kemm tal-bniedem. (Ġwanni 8:44; Apokalissi 12:9) Il-konfoffa egoista tiegħu biex iwaqqaf ħakma li tħabbatha mal-ħakma ħanina taʼ Jehovah saret magħrufa ftit wara li nħolqot Eva. B’hekk, il-ħakma ħażina kellha l-bidu tagħha meta Adam għażel li jkun indipendenti mill-ħakma t’Alla u ċaħad għalkollox il-qalb tajba Tiegħu. (Ġenesi 3:1-6) Minflok ma saru indipendenti verament, Adam u Eva ġew fil-fatt taħt l-influwenza egoista u mkabbra tax-Xitan, u saru sudditi tal-ħakma tiegħu.
13-15. (a) X’kienu xi ftit mill-konsegwenzi minħabba li ġiet miċħuda l-ħakma ġusta taʼ Jehovah? (b) Din id-dinja għala hi post ostili?
13 Ikkunsidra xi ftit mill-konsegwenzi. Adam u Eva tkeċċew minn parti mill-art li kienet ġenna. Is-sitwazzjoni tagħhom inbidlet minn ħajja f’post għammiel fejn setgħu jkollhom ħaxix u frott bnin kemm iridu għal ħajja ferm diffiċli f’post barra l-ġnien taʼ l-Għeden. Alla qal lil Adam: “Talli inti smajt minn kelmet martek, u kilt mis-siġra li ordnajtlek ma tikolx minnha u għidtlek: ‘La tikolx minnha,’ misħuta l-art minħabba fik; bit-taħbit tiekol minnha, il-jiem kollha taʼ ħajtek. Xewk u għollieq tnibbitlek.” Is-saħta li ġiet dikjarata kontra l-art kienet tfisser li issa kien se jsir diffiċli ħafna biex tiġi kultivata. L-effetti tas-saħta fuq l-art, bix-xewk u l-għollieq li kien fiha, tant ħassewhom id-dixxendenti taʼ Adam li Lamek, missier Noè, semma ‘x-xogħol iebes taʼ idejhom minħabba l-art misħuta mill-Mulej.’—Ġenesi 3:17-19; 5:29.
14 Adam u Eva partu t-trankwillità man-niket. Alla qal lil Eva: “Inkattarlek sewwa wġigħ it-tqala tiegħek, u bl-uġigħ tiled it-tfal; lejn żewġek tiġbdek xewqtek, u jaħkem fuqek hu.” Iktar tard, Kajjin, l-ewwel iben taʼ Adam u Eva, ikkommetta att kiefer billi qatel lil ħuh Abel.—Ġenesi 3:16; 4:8.
15 “Id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin,” iddikjara l-appostlu Ġwanni. (1 Ġwanni 5:19) Bħall-ħakkiem tagħha, id-dinja llum turi karatteristiċi mill-agħar li jinkludu l-egoiżmu u l-kburija. Mhux taʼ b’xejn li hi mimlija bl-ostilità u l-kefrija! Iżda din is-sitwazzjoni m’hijiex se tibqaʼ sejra. Jehovah se jieħu ħsieb li taħt is-Saltna tiegħu jirrenjaw il-qalb tajba u l-mogħdrija, u mhux l-ostilità u l-kefrija.
Taħt is-Saltna t’Alla Tirrenja l-Qalb Tajba
16. Il-ħakma t’Alla permezz taʼ Kristu Ġesù għala hija karatterizzata mill-qalb tajba, u dan x’jobbligana nagħmlu?
16 Jehovah u s-Sultan nominat tas-Saltna Tiegħu, Kristu Ġesù, jirrikjedu li s-sudditi tagħhom jintgħarfu mill-qalb tajba li juru. (Mikea 6:8) Ġesù Kristu tana dehra bil-quddiem taʼ kif se tkun karatterizzata mill-qalb tajba l-amministrazzjoni li fdalu Missieru. (Lhud 1:3) Dan nistgħu ninnotawh mill-kliem taʼ Ġesù li bih kixef lill-mexxejja reliġjużi foloz li għabbew lin-nies b’tagħbijiet tqal. Hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.” (Mattew 11:28-30) Ħafna mexxejja dinjin, reliġjużi u m’humiex, jifnu lin-nies bil-piżijiet tedjanti taʼ ħafna regoli u obbligi li ma jiġux apprezzati. Iżda dak li Ġesù jirrikjedi mis-segwaċi tiegħu jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom u huma kapaċi jagħmluh. Tassew madmad ħelu li jserraħ! Ma nħossuniex imqanqlin aħna biex inkunu bħalu u nuru qalb tajba m’oħrajn?—Ġwanni 13:15.
17, 18. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li dawk li jaħkmu maʼ Kristu fis-sema u r-rappreżentanti tiegħu fuq l-art se juru qalb tajba?
17 L-osservazzjonijiet impressjonanti li Ġesù għamel lill-appostli tiegħu jenfasizzaw kemm hija verament differenti l-ħakma tas-Saltna t’Alla mill-ħakma tal-bniedem. Il-Bibbja tgħid: “Nqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed. Imma hu qalilhom: ‘Fost il-pagani s-slaten jaħkmu [jew, jiddominaw] fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejjħulhom benefatturi. Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu taʼ l-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu taʼ qaddej. Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? M’hux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha taʼ qaddej.’”—Luqa 22:24-27.
18 Il-mexxejja umani jipprovaw juru l-kobor tagħhom billi jiddominaw lin-nies u jadottaw titli impressjonanti, għax jimmaġinaw li dawn it-titli jagħmluhom superjuri għal dawk li jaħkmu fuqhom. Imma Ġesù qal li l-kobor veru jiġi meta taqdi lil oħrajn u tirsisti biex tagħmel dan b’mod għaqli u kontinwu. Dawk kollha li se jaħkmu maʼ Kristu fis-sema jew jaqdu bħala r-rappreżentanti tiegħu fuq l-art iridu jirsistu biex isegwu l-eżempju tiegħu t’umiltà u qalb tajba.
19, 20. (a) Ġesù kif wera l-kobor tal-qalb tajba taʼ Jehovah? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Jehovah rigward li nkunu qalbna tajba?
19 Ejja naraw parir taʼ mħabba ieħor li offra Ġesù. Biex juri l-kobor tal-qalb tajba taʼ Jehovah, Ġesù qal: “Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistaʼ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jistaʼ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jistaʼ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb [jew, qalbu tajba] maʼ l-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.”—Korsiv tagħna; Luqa 6:32-36.
20 Il-qalb tajba li hi frott l-ispirtu t’Alla m’hijiex egoista. Ma titlob xejn u ma tistenna xejn bi tpattija. B’qalb tajba Jehovah “itallaʼ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.” (Mattew 5:43-45; Atti 14:16, 17) Biex nimitaw lil Missierna tas-sema, mhux biss inżommu lura milli nagħmlu l-ħsara lil nies ingrati imma wkoll nagħmlulhom il-ġid, anki lil dawk li jkunu aġixxew bħala l-għedewwa tagħna. Billi nkunu qalbna tajba, nuru lil Jehovah u lil Ġesù li nixtiequ ngħixu taħt is-Saltna t’Alla, meta l-qalb tajba u kwalitajiet oħrajn li huma frott l-ispirtu t’Alla jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet kollha taʼ bejn il-bnedmin.
Għala Għandna Nuru Qalb Tajba?
21, 22. Għala għandna nuru qalb tajba?
21 Huwa b’mod speċjali importanti li Kristjan ġenwin juri qalb tajba. Din tkun prova li l-ispirtu t’Alla jkun qed jaħdem fih. Iktar minn hekk, meta nuru qalb tajba vera, inkunu qed nimitaw lil Alla Jehovah u lil Kristu Ġesù. Il-qalb tajba hija ħtieġa wkoll għal dawk li se jkunu sudditi tas-Saltna t’Alla. Għalhekk, irridu nħobbu l-qalb tajba u nitgħallmu nuruha.
22 Liema huma xi modi prattiċi kif nuru lqalb tajba fil-ħajja tagħna taʼ kuljum? L-artiklu li jmiss jittratta dan is-suġġett.
Int Kif Twieġeb?
• X’inhi l-qalb tajba?
• Għala d-dinja hija post kiefer u ostili?
• Kif nafu li taħt il-ħakma t’Alla se tirrenja l-qalb tajba?
• Għala huwa importanti li dawk li jixtiequ jgħixu taħt is-Saltna t’Alla jkunu qalbhom tajba?
[Stampa f’paġna 13]
L-anzjani Kristjani jistinkaw biex ikunu qalbhom tajba meta jittrattaw mal-merħla
[Stampa f’paġna 15]
Jehovah qatt ma jonqos li juri qalb tajba bl-imħabba mal-qaddejja tiegħu fi żminijiet diffiċli
[Stampi f’paġna 16]
B’qalb tajba, Jehovah iħalli x-xemx titlaʼ u x-xita tinżel fuq il-bnedmin kollha