It-Tjubija Abbundanti taʼ Jehovah
“Kemm hi abbundanti t-tjubija tiegħek, li int żammejtha bħal teżor għal dawk li qed jibżgħu minnek!”−SALM 31:19.
1, 2. (a) Liema xogħol immens daħal għalih Jehovah f’xi żmien fil-passat imbiegħed? (b) Jehovah kif iddeskriva r-riżultat tal-attivitajiet kreattivi tiegħu?
KIEN hemm żmien meta Alla beda joħloq ‘is-smewwiet bħala t-tron tiegħu u l-art bħala l-banketta għal siequ.’ (Isaija 66:1) Ir-rakkont divin ma jirrivelax meta seħħ dan. Jingħad biss: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.” (Ġenesi 1:1) Matul il-perijodu tal-ħolqien, miljuni mingħajr għadd taʼ galassi ġew ifformati, b’ħafna minnhom li fihom eluf taʼ miljuni taʼ stilel. Lejn it-tarf taʼ barra taʼ galassa waħda minnhom kien hemm kewkba mdawla li madwarha kienu jduru għadd taʼ sferi mudlama u relattivament żgħar. Waħda minnhom saret tissejjaħ l-art. Meta tqabbilha mal-kwiekeb kbar li jiddu, l-art kienet insinjifikanti. Iżda, din kienet dik li Jehovah kellu l-għan li tkun il-banketta għal siequ.
2 Jehovah b’hekk dawwar l-abbiltajiet kreattivi tiegħu lejn il-pjaneta Art. “L-ewwel imwieled tal-ħolqien kollu” kien maʼ ġenbu bħala Mgħallem waqt li din il-massa żgħira u mudlama nbidlet matul medda taʼ sitt “ijiem” kreattivi twal. Saret, b’mod fiġurattiv, post xieraq taʼ mistrieħ għal saqajn Alla. (Kolossin 1:15; Eżodu 20:11; Proverbji 8:30) Hawn kien fejn Alla kellu l-għan li jpoġġi forma ġdida taʼ ħajja intelliġenti: il-bniedem. L-ewwel koppja umana, maħluqin minn elementi li jinstabu fl-art, tqiegħdu f’ambjent sabiħ bħal ġenna. (Ġenesi 1:26, 27; 2:7, 8) Tant kien perfett, tant kien sabiħ ir-riżultat finali taʼ dan l-att taʼ ħolqien li jispikka, li l-Bibbja tirrivela kif ħassu Alla fil-għodwa—il-parti finali—tas-sitt jum kreattiv: “Alla ra kull ħaġa li kien għamel u, ħares! kienet tajba ħafna.”−Genesi 1:31.
It-Tjubija t’Alla
3. Liema kwalità li tispikka t’Alla hi rrivelata fil-ħolqien?
3 Eluf taʼ snin wara, wieħed dixxendent taʼ dik l-ewwel koppja umana ħares lura lejn iż-zmien tal-ħolqien u kiteb: “Il-kwalitajiet inviżibbli [t’Alla] jidhru ċari mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għaliex jintgħarfu mill-affarijiet li ntgħamlu, saħansitra l-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu.” (Rumani 1:20) Iva, l-eċċellenza tal-għaġeb tal-art u tal-ħlejjaq taʼ fuqha kienet tabilħaqq riflessjoni meraviljuża tal-kwalitajiet inviżibbli t’Alla—mhix l-inqas minnhom hi t-tjubija abbundanti t’Alla. Kemm hu xieraq, allura, li Alla ppronunzja li kollox li kien ħalaq kien tajjeb!—Salm 31:19.
4, 5. X’inhi t-tjubija?
4 It-tjubija hija s-sitt aspett tal-frott tal-ispirtu t’Alla deskritt mill-appostlu Pawlu f’Galatin 5:22. Studji li dehru fil-harġiet taʼ qabel tar-rivista It-Torri tal-Għassa ddiskutew l-ewwel ħames frottiet tal-ispirtu, billi wrew l-importanza taʼ dawn fl-ikkultivar taʼ personalità Kristjana sħiħa u kompluta.a Kemm hu vitali, iżda, li ma ninsewx it-tjubija! B’mod xieraq, issa nagħtu l-attenzjoni tagħna lil din il-kwalità.
5 X’inhi t-tjubija? Hija l-kwalità jew l-istat taʼ li tkun tajjeb. Hija eċċellenza morali, virtù. B’hekk, hija kwalità pożittiva li tesprimi ruħha fit-twettieq taʼ atti tajbin u taʼ ġid lejn oħrajn. Kif nistgħu nuruha din il-kwalità li taʼ min igħożżha? Bażikament, billi nimitaw lil Jehovah. B’hekk, qabel ma niddiskutu iktar kif aħna bħala Kristjani individwali nistgħu nuru t-tjubija, ejjew neżaminaw it-tjubija li wera l-maħbub Alla tagħna, Jehovah, f’li pprovda għall-familja umana u aġixxa magħha.
It-Tjubija Murija fil-Ħolqien
6. X’qanqal lil Jehovah biex joħloq forom intelliġenti oħrajn taʼ ħajja?
6 X’qanqal fil-bidunett lil Missierna tas-sema biex jaqsam it-tgawdija tieġħu tal-ħajja maʼ ħlejjaq ħajjin intelliġenti? L-appostlu Ġwanni jwieġeb dik il-mistoqsija meta jgħid: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) Iva, l-imħabba bla egoiżmu qanqlet lis-Sors il-kbir tal-ħajja biex joħloq forom ħajjin oħrajn, billi pprovda lil xi wħud dar fis-sema u lil oħrajn dar fuq l-art. M’għandniex xi ngħidu, ftit nafu kif inhuma s-sema jew il-ħlejjaq tas-sema. Huma spirti—inviżibbli għall-għajnejn umani—u d-dar tagħhom hi fil-qasam tal-ispirti. Imma ħares madwarek lejn l-art li Jehovah ipprovda bħala dar għall-ulied umani tiegħu. U kkunsidra lill-umanità nfisha. Imbagħad se tibda tara b’għajnejk stess evidenza qawwija tat-tjubija t’Alla.
7-9. It-tjubija t’Alla kif tidher fil-mod kif hu ħalaq l-art u lill-bniedem fuqha?
7 Jehovah lill-ewwel ġenituri tagħna tahom il-ħajja. Iktar minn hekk, hu għamilha possibbli għall-ħajja li tkun pjaċevoli ferm, taʼ tgawdija. L-ewwelnett, hu ħalaq id-dar tagħhom, l-art, b’tidwir, b’temperatura, u b’atmosfera li kienu sewwa sew tajbin. Hu ta bidu għal ċikli taʼ ilma, nitroġenu, u ossigenu li kienu jaħdmu perfettament għall-ġid u għall-kumdità tal-bnedmin. Kesa l-wiċċ tal-art b’tapit taʼ eluf taʼ tipi taʼ ħxejjex, xi wħud biex jikolhom il-bniedem u xi wħud li kienu b’mod speċjali taʼ pjaċir għall-għajnejn. Mela s-smewwiet b’agħsafar li jagħtu gost kbir bil-kuluri tagħhom u bil-għanjiet tagħhom. Mela l-ibħra bi qtajjiet taʼ ħut u l-art b’ħafna tipi t’annimali, xi wħud selvaggi u xi wħud li jistgħu jiġu mmansati. X’ġenerożita kbira ferm dik! U x’evidenza dik tat-tjubija fil-qalb t’Alla!—Salm 104:24.
8 Ħares, issa, lejn il-mod kif Alla għamel lill-bniedem. Dirgħajh, riġlejh, u jdejh huma sewwa sew dak li hu meħtieġ biex ikun jistaʼ jżomm il-bilanċ tiegħu u jitħarrek faċilment. B’hekk, mill-materjali li jinstabu b’mod tant abbundanti fuq l-art madwaru, hu jistaʼ jikseb l-ikel u neċessitajiet oħrajn għalih innifsu. Jehovah ipprovda t-togħma biex l-ikel u x-xorb ma jkunux biss atti mekkaniċi mwettqin biex wieħed jikseb l-enerġija—bħal meta tqabbad xi ħaġa mal-elettriku llum. Le, l-ikel u x-xorb kienu mfasslin biex jagħtu pjaċir, għax mhux biss jimlew l-istonku imma jagħtu eċċitament lis-sens tat-togħma. Jehovah taħ widnejn ukoll lill-bniedem u għamel madwaru kotra taʼ ħsejjes li jagħtu gost lil dawn il-widnejn. Xi pjaċir li tismaʼ t-tgelgil li jserraħ taʼ għajn taʼ ilma ġieri, it-tgemgim tal-ħamiem, jew id-daħq ħelu taʼ tarbija! Iva, grazzi għat-tjubija t’Alla, minkejja l-affarijiet ħżiena kollha li ġraw mill-ħolqien ’il hawn, xorta għadha ħaġa taʼ ferħ li tkun ħaj.
9 Ħares, ukoll, lejn is-sensi l-oħrajn tagħna. Kemm jeżistu bosta kuluri varji u sbieħ biex jogħġbu lil għajnejna! U kemm hu sodisfaċenti li xxomm il-fwieħa delikata taʼ fjura! Mhux taʼ b’xejn li s-salmista esklama lil Jehovah: “Jien se nfaħħrek għaliex b’mod li jqanqal il-biżaʼ jien magħmul b’mod tal-għaġeb. Xogħlijietek huma tal-għaġeb”!—Salm 139:14.
Il-Waqgħa tal-Bniedem u l-Ħelsien
10. Il-biċċa l-kbira tal-bnedmin kif wieġbu għat-tjubija t’Alla, u madankollu kif ikomplu jibbenefikaw minnha?
10 B’niket, maż-żmien l-ewwel ġenituri tagħna wrew nuqqas taʼ apprezzament għat-tjubija kollha t’Alla lejhom. Dan urewh meta m’obdewx il-kmandi taʼ Jehovah u kisru l-unika restrizzjoni li hu kien impona. Bħala riżultat, huma u n-nisel tagħhom saru jafu x’inhu n-niket, is-sofferenza, u l-mewt. (Ġenesi 2:16, 17; 3:16-19; Rumani 5:12) Matul il-millennji li għaddew mindu sar dak l-att taʼ diżubbidjenza, il-biċċa l-kbira tal-bnedmin urew indifferenza lejn jew nuqqas taʼ apprezzament għat-tjubija t’Alla. Minkejja dan, iżda, in-nies li ma japprezzawx u li ma jiżżux ħajr xorta qed igawdu mit-tjubija t’Alla. B’liema mod? L-appostlu Pawlu spjega lill-abitanti taʼ Listra fil-Lvant Nofsani: “[Alla] ma ħalliex lilu nnifsu mingħajr xiehda billi għamel it-tajjeb, billi takom ix-xita mis-sema u staġuni taʼ frott, billi mlielkom qlubkom sax-xifer bl-ikel u bil-ferħ.”−Atti 14:17.
11. It-tjubija t’Alla b’liema mod tmur iktar ’il bogħod minn li jipprovdi dar sabiħa għall-bnedmin?
11 Imma t-tjubija t’Alla ma kinetx illimitata għal li hu jkompli jipprovdi provvedimenti li jagħtu pjaċir u li jsostnu l-ħajja li bihom l-art hija miżgħuda. Le, hu mar iktar ’il bogħod. Jehovah wera ruħu lest li jaħfer id-dnubiet tan-nisel t’Adam u li jkompli jrawwem relazzjonijiet maʼ wħud leali minn fost il-bnedmin. Dan l-aspett tat-tjubija t’Alla inġieb għall-attenzjoni taʼ Mosè meta Jehovah wiegħed li jġiegħel ‘it-tjubija kollha tiegħu tgħaddi minn quddiem wiċċ Mosè.’ Mosè mbagħad samaʼ d-dikjarazzjoni: “Jehovah, Jehovah, Alla kollu ħniena u taʼ grazzja, idum biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità, jerfaʼ qalb tajba bl-imħabba għal eluf, jaħfer l-iżball u n-nuqqas u d-dnub.”—Eżodu 33:19; 34:6, 7.
12. Liema provvedimenti tal-Liġi Mosajka wrew it-tjubija taʼ Jehovah?
12 Fi żmien Mosè, Jehovah stabbilixxa sistema legali għall-ġens il-ġdid taʼ Iżrael li biha dawk li jidinbu mhux apposta setgħu jiksbu maħfra proviżorja, jew simbolika, tad-dnub. Permezz tal-patt tal-Liġi li tiegħu Mosè kien il-medjatur, l-Iżraeliti saru l-ġens speċjali t’Alla u kienu mgħallmin biex joffru lil Jehovah diversi sagrifiċċji tal-annimali li setgħu jgħattu d-dnubiet u l-atti mhux nodfa tagħhom. B’hekk, minkejja n-naturi imperfetti tagħhom, Iżraeliti niedma setgħu jkomplu jersqu lejn Jehovah b’mod aċċettabbli u jkunu jafu li l-qima tagħhom kienet togħġbu. Is-Sultan David, membru taʼ dak il-ġens taħt il-Liġi, esprima l-għarfien tiegħu dwar it-tjubija t’Alla f’dan ir-rigward: “Id-dnubiet taʼ żgħożiti u l-irvellijiet tiegħi o tiftakarhomx. Skond il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek ftakarni int innifsek, minħabba fit-tjubija tiegħek, O Jehovah.”—Salm 25:7.
13. Jehovah kif ipprovda mod iktar effettiv mis-sagrifiċċji tal-annimali għall-maħfra tad-dnubiet?
13 Maż-żmien it-tjubija taʼ Jehovah qanqlitu biex jipprovdi mod iktar effettiv u permanenti għall-maħfra tad-dnubiet. Dan kien permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, li kien dixxendent tas-Sultan David. (Mattew 1:6-16; Luqa 3:23-31) Jesu ma dinibx. B’hekk, meta miet, ħajtu mogħtija bħala sagrifiċċju kellha valur kbir, u Alla aċċettaha bħala rahan li setaʼ jkopri lin-nisel midneb kollu taʼ Adam. L-appostlu Pawlu kiteb: “Kollha dinbu u ma jilħqux il-glorja t’Alla, u huwa bħal għotja b’xejn li qed jiġu ddikjarati twajbin bil-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu permezz tal-ħelsien bir-rahan imħallas minn Kristu Ġesù. Alla qiegħdu bħala offerta għat-tpattija permezz tal-fidi f’demmu.”−Rumani 3:23-26.
14. Liema tamiet tal-għaġeb jintgħamlu possibbli għall-bnedmin permezz tas-sagrifiċċju bħala rahan?
14 Il-fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala rahan twettaq ħafna għall-Kristjani, ferm iktar minn kemm għamlu għall-Iżraeliti dawk is-sagrifiċċji tal-annimali taħt il-patt tal-Liġi. Wasslet biex numru limitat taʼ Kristjani jiġu ddikjarati twajbin u adottati mill-ispirtu t’Alla biex isiru wliedu. Huma b’hekk saru ħut Ġesù u kisbu t-tama taʼ li jkunu rxoxtati bħala ħlejjaq spirti biex jaqsmu miegħu fis-Saltna tiegħu tas-sema. (Luqa 22:29, 30; Rumani 8:14-17) Immaġina li Alla kellu jiftaħ prospetti bħal dawn għas-sema għal ħlejjaq li jgħixu fuq din il-pjaneta żgħira, l-art! Għad hawn grupp żgħir li jħaddnu din it-tama. Imma għal miljuni taʼ Kristjani oħrajn, li jeżerċitaw fidi fir-rahan jiftaħ it-triq biex igawdu dak li tilfu Adam u Eva—ħajja taʼ dejjem f’ġenna, bħal ġnien, fuq l-art. Il-patt tal-Liġi waħdu la kien kapaċi jipprovdi prospetti għas-sema u lanqas prospetti futuri fuq l-art għal dawk li kienu jimxu miegħu.
15. X’inhu inkluż fl-aħbar tajba?
15 Kemm hu xieraq li dak il-messaġġ dwar l-arranġamenti l-ġodda li Alla ta bidu għalihom permezz taʼ Ġesù Kristu jissejjaħ “aħbar tajba,” għax dan jirrifletti t-tjubija t’Alla. (2 Timotew 1:9, 10) Fil-Bibbja, l-aħbar tajba xi drabi tissejjaħ l-“aħbar tajba tas-saltna.” Illum tiċċentra fuq il-verità li s-Saltna ġiet stabbilita taħt il-ħakma taʼ Ġesù rxoxtat. (Mattew 24:14; Rivelazzjoni 11:15; 14:6, 7) Madankollu, l-aħbar tajba tinvolvi iktar. Bhalma jindikaw il-kelmiet taʼ Pawlu lil Timotew li għadna kemm ikkwotajna, tinkludi l-għarfien li Ġesù offra sagrifiċċju bħala rahan għalina. Mingħajr dak is-sagrifiċċju, ir-relazzjoni tagħna m’Alla, is-salvazzjoni nfisha tagħna—biex ma nsemmux is-Saltna taʼ Ġesù u l-144,000 qassisin u slaten meħudin mill-art—ma kinetx tkun possibbli. X’manifestazzjoni tal-għaġeb tat-tjubija t’Alla huwa r-rahan!
It-Tjubija t’Alla Llum
16, 17. Ħosegħa 3:5 kif twettaq (a) fis-sena 537 Q.E.K.? (b) fl-1919 E.K.?
16 Waqt li ħares ’il quddiem lejn “l-aħhar jiem,” l-appostlu Pawlu wissa: “Il-bnedmin se jkunu . . . mingħajr imħabba għat-tjubija.” (2 Timotew 3:1-3) Saħansitra manifestazzjonijiet normali taʼ tjubija, bħalma hi l-ġenerożità u li tkun ħbieb mal-ġar tiegħek, ma kellhomx ikunu apprezzati. Kemm hi nkuraġganti, allura, il-profezija li tqanqal il-qalb taʼ Ħosegħa 3:5: “Ulied Iżrael se jiġu lura u ċertament ifittxu lil Jehovah Alla tagħhom, u lil David is-sultan tagħhom; u ċertament li se jiġu jirtogħdu lejn Jehovah u lejn it-tjubija tiegħu fil-parti finali tal-jiem.”
17 Din il-profezija twettqet għall-ewwel fis-sena 537 Q.E.K. meta l-Lhud reġgħu lura lejn l-Art Imwiegħda mill-eżilju f’Babilonja. Fiż-żminijiet moderni, bdiet titwettaq fis-sena 1919 meta l-fdal taʼ Iżrael spiritwali ħarġu mill-organizzazzjoni taʼ Satana u bdew bil-ħerqa jfittxu lil Jehovah u t-tjubija tiegħu. Huma sabu li “David is-sultan tagħhom” kien ilu jsaltan fil-persuna taʼ Ġesù Kristu fil-qawwa tas-sema mill-1914. Taħt is-superviżjoni tiegħu mis-sema, huma ħadu f’idejhom b’entużjażmu x-xandir taʼ din l-aħbar tajba lill-ġnus. B’hekk bdew iwettqu l-kariga mnizzla f’Mattew 24:14: “Din l-aħbar tajba tas-saltna [stabbilita] se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.”
18. Min ingħaqad mal-fdal taʼ Iżrael spiritwali f’li jiddikjaraw l-aħbar tajba?
18 Illum, mal-fdal taʼ wħud midlukin in-għaqdet il-“folla kbira,” li bl-istess mod qed jagħtu merħba lit-tjubija taʼ Jehovah. (Rivelazzjoni 7:9) Issa, iktar minn erbaʼ miljuni jidwu leħen l-anglu li lilu l-appostlu Ġwanni ra f’dehra hekk kif iħabbru lill-ġnus kollha: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għaliex is-siegħa tal-ġudizzju minnu waslet, u mela qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u n-nixxigħat taʼ ilmijiet.”−Rivelazzjoni 14:7.
19. Semmi waħda mill-akbar evidenzi tat-tjubija t’Alla.
19 Waħda mill-akbar evidenzi tat-tjubija t’Alla hi li ħalla lilna nkunu ħaddiema bi sħab miegħu f’dan ix-xogħol li riesaq lejn il-quċċata. Xi privileġġ hu li niġu fdati bl-“aħbar tajba glorjuża taʼ dak Alla hieni”! (1 Timotew 1:11) Billi nippridkaw u ngħallmu din lil oħrajn, aħna qegħdin nuru bi grad għoli dik il-frotta importanti tal-ispirtu t’Alla, it-tjubija. B’hekk, għandna l-attitudni taʼ David, il-qaddej tal-qedem t’Alla, li qal: “Meta tissemma l-abbundanza tat-tjubija tiegħek se jogħxew, u minħabba fit-tjieba tiegħek se jgħajtu bil-ferħ.”−Salm 145:7.
20. Liema informazzjoni oħra rigward it-tjubija se tiġi diskussa fl-artiklu li jmiss?
20 Madankollu, huwa li naqsmu fl-ippridkar tal-aħbar tajba l-uniku mod kif nuru t-tjubija fil-ħajjiet tagħna? Żgur li le! Ahna nkuraġġiti biex insiru “imitaturi t’Alla bħala tfal maħbubin.” (Efesin 5:1) It-tjubija t’Alla tidher b’diversi modi. B’hekk, it-tjubija tagħna wkoll għandha teffettwa lil ħafna aspetti tal-ħajjiet tagħna. Xi wħud minn dawn se jiġu kkunsidrati fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Il-frottiet individwali tal-ispirtu huma l-imħabba, il-ferħ, il-paċi is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, u r-rażna.
Tistaʼ Int Twieġeb
◻ Il-ħolqien b’liema mod jirrifletti t-tjubija t’Alla?
◻ Liema arranġamenti għamel Jehovah biex jaħfer id-dnubiet taʼ bnedmin niedma?
◻ Bi twettieq taʼ Ħosegħa 3:5, il-fdal midlukin meta ġew għand ◻ Jehovah u t-tjubija tiegħu, u dan wassal għal liema ħaġa?
◻ Liema hi waħda mill-akbar evidenzi tat-tjubija t’Alla llum?
[Stampa f’paġna 8]
Il-ħolqien jagħti xiehda tat-tjubija abbundanti t’Alla
[Stampa f’paġna 9]
Li aħna tħallejna nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippridkar hija prova li tispikka tat-tjubija t’Alla