Ibqaʼ Uri t-Tjubija
“Il-frott tad-dawl hu dak kollu li hu tjubija, ġustizzja, u sewwa.”—EFESIN 5:9, Saỵdon.
1. Miljuni taʼ nies illum kif juru li jaqblu maʼ Salm 31:20 (31:19, NW)?
L-IKTAR ħaġa tajba li jistaʼ jagħmel il-bniedem hi li jigglorifika lil Jehovah. Illum, miljuni taʼ nies qed jagħmlu dan billi jfaħħru lil Alla għat-tjubija tiegħu. Bħala Xhieda leali taʼ Jehovah, aħna b’qalbna kollha naqblu mas-salmista li kanta: “Kemm hu kbir il-ġid tiegħek [“tjubitek,” Saydon], Mulej, li inti rfajt għal min jibżaʼ minnek.”—Salm 31:20 (31:19, NW).
2, 3. X’jistaʼ jiġri jekk ix-xogħol tagħna taʼ li nagħmlu dixxipli ma jiġix sostnut b’kondotta tajba?
2 Il-biżaʼ minħabba r-rispett profond li għandna lejn Jehovah iqanqalna biex infaħħruh għat-tjubija tiegħu. Iqanqalna wkoll biex ‘irroddu ħajr lil Jehovah, inberkuh, u nxandru s-sebħ tas-saltna tiegħu.’ (Salm 145:10-13) Huwa għalhekk li aħna nieħdu sehem b’mod żeluż fix-xogħol taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna u li nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:19, 20) M’għandniex xi ngħidu, l-attività tagħna taʼ l-ippridkar trid tiġi sostnuta b’kondotta tajba. Inkella, nistgħu nġibu tmaqdir fuq l-isem qaddis taʼ Jehovah.
3 Ħafna nies jgħidu li jqimu lil Alla, imma l-kondotta tagħhom m’hijiex fi qbil mal-livelli li hemm imniżżlin fil-Kelma ispirata tiegħu. L-appostlu Pawlu kiteb hekk dwar xi wħud li ma kinux qed jgħixu fi qbil maʼ dak li kienu qed isostnu: “Int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int tippriedka: La tisraqx, u tisraq? Tgħid: La tiżnix, u tiżni? . . . Kif inhu miktub: ‘L-isem taʼ Alla hu mżeblaħ fost il-ġnus minħabba fikom.’”—Rumani 2:21, 22, 24.
4. X’effett għandha l-kondotta tajba tagħna?
4 Minflok ma nġibu tmaqdir fuq l-isem taʼ Jehovah, aħna nistinkaw biex nigglorifikawh bil-kondotta tajba tagħna. Din għandha effett pożittiv fuq dawk li m’humiex parti mill-kongregazzjoni Kristjana. L-ewwelnett, tgħinna nsikktu lil dawk li jopponuna. (1 Pietru 2:15) Iktar importanti minn hekk, il-kondotta tajba tagħna tiġbed lin-nies lejn l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, u tagħtihom l-opportunità biex jagħtuh glorja u jiksbu l-ħajja taʼ dejjem.—Atti 13:48.
5. Liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw issa?
5 Ladarba aħna imperfetti, kif nistgħu nevitaw li l-kondotta tagħna tkun waħda li ġġib għajb lil Jehovah u tfixkel lil dawk li qed ifittxu l-verità? Tabilħaqq, kif jistaʼ jirnexxilna nuru t-tjubija ?
Frotta tad-Dawl
6. X’inhuma xi wħud mill-“għemejjel tad-dlam bla frott,” imma liema frott huwa evidenti fost il-Kristjani?
6 Bħala Kristjani dedikati, aħna nibbenefikaw minn ħaġa li tgħinna nevitaw l-“għemejjel tad-dlam bla frott.” Dawn jinkludu għemejjel li jiddiżonoraw lil Jehovah bħal gideb, serq, diskors inġurjuż, kliem baxx dwar is-sess, kondotta laxka, ġesti oxxeni, u sokor. (Efesin 4:25, 28, 31; 5:3, 4, 11, 12, 18) Minflok ma nagħmlu dawn l-affarijiet, aħna nkomplu ‘nimxu bħala wlied id-dawl.’ L-appostlu Pawlu jgħid li “l-frott tad-dawl hu dak kollu li hu tjubija, ġustizzja u sewwa.” (Efesin 5:8, 9, Saydon) Għaldaqstant, billi nimxu fid-dawl aħna nistgħu nkomplu nuru t-tjubija. Imma x’tip taʼ dawl huwa dan?
7. X’irridu nagħmlu jekk irridu nkomplu nuru t-tjubija?
7 Minkejja l-imperfezzjoni tagħna, nistgħu nuru t-tjubija jekk nimxu fid-dawl spiritwali. “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi,” kanta s-salmista. (Salm 119:105) Jekk irridu nibqgħu nuru “l-frott tad-dawl” permezz taʼ “dak kollu li hu tjubija,” irridu dejjem nieħdu vantaġġ mid-dawl spiritwali li nsibu fil-Kelma t’Alla, li jiġi studjat fil-pubblikazzjonijiet Kristjani, u diskuss regolarment fil-laqgħat tagħna taʼ qima. (Luqa 12:42; Rumani 15:4; Lhud 10:24, 25) Irridu wkoll nagħtu attenzjoni speċjali għall-eżempju u t-tagħlim taʼ Ġesù Kristu, “id-dawl tad-dinja” u “d-dija tal-glorja taʼ Alla.”—Ġwann 8:12; Lhud 1:1-3.
Frotta taʼ l-Ispirtu
8. Għala nistgħu nuru t-tjubija?
8 Id-dawl spiritwali bla dubju jgħinna nuru t-tjubija. Barra minn hekk, nistgħu nuru din il-kwalità għaliex aħna mmexxijin mill-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, t’Alla. It-tjubija hija parti mill-“frott taʼ l-Ispirtu.” (Galatin 5:22, 23, Saydon) Jekk noqogħdu għall-gwida taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah, dan se jipproduċi fina l-frotta meraviljuża tat-tjubija.
9. Kif nistgħu naġixxu fi qbil mal-kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Luqa 11:9-13?
9 Ix-xewqa mimlija ħeġġa biex nogħġbu lil Jehovah billi nuru t-tjubija għandha tqanqalna biex naġixxu fi qbil mal-kliem taʼ Ġesù: “Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqlaʼ; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu. Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena . . . [u imperfetti meta tqabblukom m’Alla], tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:9-13) Ejja nimxu fuq il-parir taʼ Ġesù billi nitolbu għall-ispirtu taʼ Jehovah sabiex inkunu nistgħu nibqgħu nuru l-frotta tiegħu tat-tjubija.
Ibqaʼ “Agħmel it-Tajjeb”
10. Liema aspetti tat-tjubija taʼ Jehovah huma ċitati f’Eżodu 34:6, 7?
10 Bid-dawl spiritwali tal-Kelma t’Alla u bl-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis, nistgħu nibqgħu ‘nagħmlu t-tajjeb.’ (Rumani 13:3) Permezz taʼ studju regulari tal-Bibbja nitgħallmu iktar u iktar dwar kif nistgħu nimitaw it-tjubija taʼ Jehovah. Fl-artiklu taʼ qabel rajna xi aspetti tat-tjubija t’Alla li ġew ċitati fid-dikjarazzjoni li semaʼ Mosè u li hi mniżżla f’Eżodu 34:6, 7. Hemmhekk naqraw: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn [“mimli ħniena u grazzjuż,” NW]; tqil biex jagħdab u kbir [“fil-qalb tajba bl-imħabba u l-verità,” NW]. Iħares [“il-qalb tajba bl-imħabba,” NW] għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej.” Li niflu iktar mill-qrib dawn l-aspetti tat-tjubija taʼ Jehovah se jgħinna nibqgħu ‘nagħmlu t-tajjeb.’
11. Kif għandu jeffettwana l-fatt li nkunu nafu li Jehovah hu ħanin u grazzjuż?
11 Din id-dikjarazzjoni divina turina l-bżonn li nimitaw lil Jehovah billi nuru ħniena u nkunu grazzjużi. “Henjin dawk li jħennu,” qal Ġesù, “għax huma jsibu ħniena.” (Mattew 5:7; Luqa 6:36) Konxji li Jehovah huwa grazzjuż, aħna nitqanqlu biex inkunu grazzjużi u nuru l-ħlewwa meta niġu biex nittrattaw m’oħrajn, inkluż dawk li lilhom nippridkaw. Dan jaqbel mal-parir taʼ Pawlu: “Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-melħ taʼ l-għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.”—Kolossin 4:6.
12. (a) Ladarba Alla hu tqil biex jagħdab, kif għandna naġixxu m’oħrajn? (b) Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah xi tqanqalna nagħmlu?
12 Ladarba Alla hu tqil biex jagħdab, ix-xewqa tagħna biex nibqgħu ‘nagħmlu t-tajjeb’ tqanqalna biex nagħlqu għajnejna għan-nuqqasijiet żgħar taʼ sħabna fit-twemmin u nikkonċentraw iktar fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom. (Mattew 7:5; Ġakbu 1:19) Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah tqanqalna biex nuru mħabba leali, saħansitra fl-iktar ċirkustanzi ibsin. Din ċertament hi ħaġa mixtieqa ferm.—Proverbji 19:22, NW.
13. Kif għandna naġixxu biex nimitaw lil Jehovah li hu ‘kbir fil-verità’?
13 Ladarba Missierna tas-sema hu ‘kbir fil-verità,’ aħna nfittxu li ‘nqisu ruħna bħala ministri taʼ Alla bil-kelma tas-sewwa.’ (2 Korintin 6:3-7) Fost is-sebaʼ affarijiet li jobgħod Jehovah hemm “ilsien giddieb” u “fomm li jixhed bil-qerq il-gideb.” (Proverbji 6:16-19) Għalhekk ix-xewqa tagħna biex nogħġbu lil Alla qanqlitna biex ‘inwarrbu minna l-gideb u ngħidu l-verità.’ (Efesin 4:25) Jalla qatt ma nonqsu li nuru t-tjubija b’dan il-mod vitali.
14. Għala għandna naħfru?
14 Id-dikjarazzjoni li Alla għamel lil Mosè għandha tqanqalna wkoll biex naħfru, għax Alla hu lest li jaħfer. (Mattew 6:14, 15) M’għandniex xi ngħidu, Jehovah jikkastigahom lil dawk li jidinbu u ma jindmux. Għalhekk, aħna rridu nżommu l-livelli tiegħu taʼ tjubija meta niġu biex inżommu l-indafa fil-kongregazzjoni.—Levitiku 5:1; 1 Korintin 5:11, 12; 1 Timotju 5:22.
Ibqaʼ Għassa
15, 16. Il-parir taʼ Pawlu li huwa mniżżel f’Efesin 5:15-19, kif jgħinna nkomplu nuru t-tjubija?
15 Biex inkomplu nuru t-tjubija minkejja l-ħażen taʼ madwarna, jeħtieġ li nimtlew bl-ispirtu t’Alla u ngħassu kif nimxu. Fi qbil maʼ dan, Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani f’Efesu: “Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-żmien, għaliex ħżiena huma l-jiem. Għalhekk tkunux bla għaqal, imma fittxu x’inhi r-rieda tal-Mulej. U tiskrux bl-inbid, li fih hemm ħajja bla lġiem, iżda mtlew bl-Ispirtu. Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej.” (Efesin 5:15-19) Mingħajr ebda dubju, dan il-parir huwa xieraq għalina li qed ngħixu f’dawn l-aħħar jiem tant ibsin.—2 Timotju 3:1.
16 Jekk irridu nkomplu nagħmlu dak li hu tajjeb, irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn li nimxu bħal dawk li qed jaġixxu b’għerf divin. (Ġakbu 3:17) Irridu nevitaw li nagħmlu dnubiet serji. Irridu wkoll nimtlew bl-ispirtu qaddis filwaqt li nħalluh jiggwidana. (Galatin 5:19-25) Billi napplikaw it-tagħlim spiritwali li nirċievu mil-laqgħat Kristjani, mill-assembleat, u mill-konvenzjonijiet, nistgħu nkomplu nagħmlu dak li hu tajjeb. Il-kliem taʼ Pawlu lill-Efesin jistaʼ jfakkarna wkoll li fil-biċċa l-kbira tal-laqgħat tagħna għall-qima, nibbenefikaw billi nkantaw minn qalbna ‘għanjiet spiritwali’—li ħafna minnhom jiffokaw fuq il-kwalitajiet spiritwali, bħalma hi t-tjubija.
17. Jekk il-Kristjani li huma morda serjament għandhom ċirkustanzi li qed iżommuhom lura milli jattendu għal-laqgħat regolarment, dwar xiex jistgħu jibqgħu ċerti?
17 Xi ngħidu għal sħabna l-Kristjani li ma jistgħux jattendu regolarment għal-laqgħat minħabba li huma morda serjament? Huma jistgħu jħossuhom qalbhom maqsuma għaliex mhux dejjem jistgħu jqimu lil Jehovah b’mod dirett maʼ ħuthom spiritwali. Imma jistgħu jibqgħu ċerti li Jehovah jifhem iċ-ċirkustanzi tagħhom, u se jżommhom fil-verità, jagħtihom l-ispirtu qaddis tiegħu, u se jgħinhom jibqgħu jagħmlu t-tajjeb.—Isaija 57:15.
18. X’se jgħinna nkomplu nuru t-tjubija f’ħajjitna?
18 Sabiex inkomplu nuru t-tjubija fil-ħajja tagħna jeħtieġ li noqogħdu attenti maʼ min nagħmluha u nwarrbu minn dawk li m’għandhomx “imħabba għat-tajjeb.” (2 Timotju 3:2-5; 1 Korintin 15:33) Li napplikaw dan il-parir se jgħinna nevitaw li ‘nnikktu l-Ispirtu s-Santu taʼ Alla’ billi naġixxu kontra d-direzzjoni tiegħu. (Efesin 4:30) Iktar minn hekk, niġu megħjunin nagħmlu dak li hu tajjeb jekk niżviluppaw rabtiet mill-qrib maʼ dawk li l-ħajja tagħhom turi ċar li huma jħobbu t-tjubija u huma mmexxijin mill-ispirtu t’Alla.—Għamos 5:15; Rumani 8:14; Galatin 5:18.
It-Tjubija Tagħti Riżultati mill-Aqwa
19-21. Irrakkonta xi esperjenza li turi x’effett tħalli meta turi t-tjubija.
19 Nistgħu nevitaw dak li hu ħażin u nibqgħu ‘nagħmlu t-tajjeb’ meta nimxu fid-dawl spiritwali, noqogħdu għad-direzzjoni taʼ l-ispirtu t’Alla, u ngħassu kif nimxu. Dan imbagħad jistaʼ jġibilna riżultati tajbin. Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Zongezile, Xhud taʼ Jehovah fl-Afrika t’Isfel. Għodwa waħda, hekk kif kien sejjer l-iskola, iċċekkja kemm kellu flus il-bank. B’mod żbaljat, l-irċivuta mill-magna tatu bilanċ taʼ R42,000 (Lm2,609) iżjed. Wieħed mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-bank u xi persuni oħrajn ħeġġewh biex jiġbed il-flus u jiddepożitahom f’ismu f’bank ieħor. L-uniċi nies li faħħruh talli ma ħa xejn mill-flus kienu l-koppja Xhieda li kien jgħix magħhom.
20 L-għada, li kienet ġurnata taʼ xogħol, Zongezile għarraf lill-bank bl-iżball. Instab li n-numru tal-kont tiegħu kien jixbah lil dak taʼ wieħed negozjant sinjur u li dan bi żball kien iddepożita xi fondi fil-kont żbaljat. Mistagħġeb li Zongezile ma nefaq xejn mill-flus, in-negozjant staqsieh: “X’reliġjon għandek?” Zongezile spjega li hu wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. L-uffiċjali tal-bank faħħruh minn qalbhom, u qalulu: “Mank in-nies kollha kienu onesti bħax-Xhieda taʼ Jehovah.” Tassew, atti onesti u tajbin jistgħu jġagħlu lil oħrajn jigglorifikaw lil Jehovah.—Lhud 13:18.
21 L-għemejjel taʼ tjubija m’għandhomx għalfejn ikunu straordinarji biex iħallu effett mill-aqwa. Biex nagħtu eżempju: Xhud żagħżugħ li jaqdi bħala evanġelizzatur full-time f’waħda mill-gżejjer taʼ Samoa kellu bżonn imur fi sptar lokali. In-nies kienu qegħdin jistennew biex ikellmu lit-tabib, u x-Xhud innota li l-mara xwejħa bil-qiegħda maġenbu kienet qed tħossha ma tiflaħx ħafna. Meta kien imissu hu, ix-Xhud ħalla l-mara tidħol minfloku sabiex b’hekk tkun tistaʼ tingħata attenzjoni medika iktar malajr. Xi żmien wara, ix-Xhud iltaqaʼ maʼ din il-mara s-suq. Hi ftakret kemm lilu kif ukoll dak li għamel magħha l-isptar. “Issa naf li x-Xhieda taʼ Jehovah veru jħobbuh ’il-proxxmu tagħhom.” Fejn qabel ma kinitx tagħti kas tal-messaġġ tas-Saltna, it-tjubija li wera magħha x-Xhud ħalliet effett mill-aqwa. Hi aċċettat l-offerta taʼ studju tal-Bibbja fid-dar u bdiet tieħu għarfien dwar il-Kelma t’Alla.
22. Liema huwa mod sinifikanti u speċjali kif tibqaʼ ‘tagħmel it-tajjeb?’
22 Wisq probabbli, tistaʼ tirrakkonta xi esperjenzi li juru kemm jiswa li turi t-tjubija. Mod sinifikanti u speċjali kif tibqaʼ ‘tagħmel it-tajjeb’ huwa billi tieħu sehem b’mod regulari fix-xandir taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Mattew 24:14) Jalla nibqgħu nieħdu sehem b’mod żeluż f’din l-attività prezzjuża, u nagħrfu li dan huwa mod wieħed kif nagħmlu t-tajjeb, speċjalment maʼ dawk li jwieġbu favorevolment. Iktar importanti, bil-ministeru u bil-kondotta tajba tagħna aħna nigglorifikaw lil Jehovah, is-sors prinċipali tat-tjubija.—Mattew 19:16, 17.
Ibqaʼ Agħmel it-Tajjeb maʼ Kulħadd
23. Il-ministeru Kristjan għala huwa xogħol tajjeb?
23 Mingħajr ebda dubju, il-ministeru tagħna huwa xogħol tajjeb. Dan jistaʼ jwassal għas-salvazzjoni tagħna u taʼ dawk li jisimgħu l-messaġġ tal-Bibbja biex b’hekk jaqbdu t-triq li tieħu għall-ħajja taʼ dejjem. (Mattew 7:13, 14; 1 Timotju 4:16) Mela, meta nkunu rridu nieħdu xi deċiżjoni, ix-xewqa li nagħmlu dak li hu tajjeb tistaʼ ġġagħalna nistaqsu lilna nfusna: ‘Din id-deċiżjoni kif se teffettwa l-attività tiegħi taʼ li nippriedka dwar is-Saltna? Din l-għażla li qed nikkunsidra hija verament għaqlija? Se tgħinni nassisti lil oħrajn biex jaċċettaw “l-Evanġelju taʼ dejjem” u jkollhom relazzjoni mill-qrib m’Alla Jehovah?’ (Apokalissi 14:6) Ikollna ferħ kbir jekk nieħdu deċiżjoni li tippermettilna naħdmu iktar għas-Saltna.—Mattew 6:33; Atti 20:35.
24, 25. X’inhuma ftit mill-modi li bihom nistgħu nagħmlu t-tajjeb fil-kongregazzjoni, u dwar xiex nistgħu nkunu ċerti jekk nibqgħu nuru t-tjubija?
24 Ejja qatt ma nċekknu l-benefiċċji li ġġib it-tjubija. Nistgħu nibqgħu nuru din il-kwalità billi nappoġġaw il-kongregazzjoni Kristjana u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu u naħdmu għall-ġid tagħha. Żgur li nkunu qegħdin nagħmlu dak li hu tajjeb meta nattendu regolarment għal-laqgħat Kristjani u nipparteċipaw fihom. Sħabna fit-twemmin jistgħu jiġu mħeġġin saħansitra bil-preżenza tagħna stess, u jinbnew spiritwalment bil-kummenti li nkunu ppreparajna tajjeb. Inkunu qed nagħmlu dak li hu tajjeb ukoll meta nużaw ir-riżorsi tagħna biex nieħdu ħsieb is-Sala tas-Saltna u meta ngħinu biex inżommuha f’kundizzjoni tajba. (2 Slaten 22:3-7; 2 Korintin 9:6, 7) Tabilħaqq, “dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.”—Galatin 6:10.
25 Ma nistgħux inkunu nafu minn qabel kull sitwazzjoni li fiha nistgħu nuru t-tjubija. Mela, hekk kif niffaċċjaw sfidi ġodda, ejja nfittxu d-dawl mill-Iskrittura, nitolbu għall-ispirtu qaddis taʼ Jehovah, u nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inwettqu r-rieda tajba u perfetta tiegħu. (Rumani 2:9, 10; 12:2) Nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah se jberikna bil-kbir hekk kif inkomplu nuru t-tjubija.
Int Kif Twieġeb?
• Kif nistgħu nwettqu l-iktar ħaġa tajba?
• It-tjubija għala tissejjaħ ‘frotta tad-dawl’?
• It-tjubija għala tissejjaħ ‘frotta taʼ l-ispirtu’?
• X’effett għandha l-kondotta tajba tagħna?
[Stampa f’paġna 17]
Il-Kelma t’Alla u l-ispirtu qaddis tiegħu jgħinuna nuru t-tjubija
[Stampi f’paġna 18]
Meta nuru t-tjubija jkollna riżultati mill-aqwa