Kunu Mlibbsin il-Ħlewwa!
“Bħala l-uħud magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, tlibbsu bl-affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-moħħ, ħlewwa, u sabar fit-tul.”−KOLOSSIN 3:12
1-3. F’Kolossin 3:12-14, x’qal l-appostlu Pawlu dwar il-ħlewwa u kwalitajiet taʼ tjieba oħrajn?
JEHOVAH jagħti lill-poplu tiegħu l-aqwa lbies figurattiv. Fil-fatt, dawk kollha li jixtiequ li jkollhom il-favur tiegħu jridu jkunu mlibbsin b’libsa li jkollha ħjut b’saħħithom taʼ ħlewwa. Din il-kwalità hija taʼ faraġ għaliex tnaqqas it-tensjoni f’sitwazzjonijiet taʼ stress. Hija wkoll taʼ protezzjoni, għaliex tbiegħed il-ġlied.
2 L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu midlukin: “Bħala l-uħud magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, tlibbsu bl-affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-moħħ, ħlewwa, u sabar fit-tul.” (Kolossin 3:12) It-temp tal-kelma Griega tradotta “tlibbsu” jindika azzjoni li trid tittieħed b’sens taʼ urġenza. Uħud midlukin, li kienu magħżulin, qaddisin, u maħbubin minn Alla, ma kellhomx jittnikkru biex ilibbsu lilhom infushom bi kwalitajiet bħalma hi l-ħlewwa.
3 Pawlu żied: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu x’jilmenta kontra ieħor. Saħansitra bħalma Jehovah ħafer lilkom liberament, hekk agħmlu intom ukoll. Imma, barra minn dawn l-affarijiet kollha, tlibbsu bl-imħabba, għax hi rabta perfetta taʼ għaqda.” (Kolossin 3:13, 14) L-imħabba, il-ħlewwa, u kwalitajiet taʼ tjieba oħrajn jagħmluha possibbli għax-Xhieda taʼ Jehovah biex “igħammru flimkien f’għaqda.”−Salm 133:1-3.
Ragħajja Kalmi Meħtieġa
4. Il-Kristjani veri jilbsu libsa figurattiva minsuġa b’liema kwalitajiet?
4 Kristjani veri jistinkaw biex ‘imewtu lill-membri taʼ ġisimhom rigward iż-żina, in-nuqqas taʼ ndafa, l-aptit sesswali, ix-xewqa li tweġġaʼ, u x-xenqa,’ u huma jaħdmu biex ineħħu kwalunkwe lbies qadim li fih drapp taʼ korla, rabja, ħażen, kliem taʼ abbuż, u kliem oxxen. (Kolossin 3:5-11) Huma jinżgħu “l-personalità l-qadima” (litteralment, “il-bniedem il-qadim”) u jilbsu “l-personalità l-ġdida” (jew, “il-bniedem il-ġdid”), ilbies xieraq. (Efesin 4:22-24, Kingdom Interlinear) Il-libsa ġdida tagħhom, minsuġa b’mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-moħħ, ħlewwa, u sabar fit-tul, tgħinhom biex isolvu problemi u jgħixu ħajjiet taʼ tjieba.—Mattew 5:9; 18:33; Luqa 6:36; Filippin 4:2, 3.
5. X’hemm dwar kif tiffunzjona l-kongregazzjoni Kristjana li jagħmilha taʼ ferħ kbir li tkun parti minnha.
5 Nies meqjusin bħala li rnexxew f’did-dinja huma taʼ spiss żorri, saħansitra kefrin. (Proverbji 29:22) Kemm hu differenti b’mod riffreskanti fost il-poplu taʼ Jehovah! Il-kongregazzjoni Kristjana ma tiffunzjonax bl-istess mod bħalma xi nies imexxu negozju—b’manjiera effiċjenti imma ħarxa li tistaʼ tagħmel lin-nies imdejqin. Minflok, hu taʼ ferħ li tkun parti mill-kongregazzjoni. Raġuni waħda hi għaliex temperament kalm hu fattur tal-għerf muri mill-Kristjani inġenerali u b’mod speċjali minn irġiel ikkwalifikati biex igħallmu lil sħabhom li jemmnu. Iva, il-ferħ jirriżulta minn struzzjonijiet u pariri mogħtijin minn anzjani maħturin li jgħallmu “bi ħlewwa li tappartjeni lill-għerf.”−Ġakbu 3:13.
6. Anzjani Kristjani għala jridu jkunu kalmi?
6 L-ispirtu, jew l-attitudni dominanti, tal-poplu t’Alla tirrikjedi li rġiel fdati bl-indokrar fil-kongregazzjoni jkunu kalmi, raġonevoli, u taʼ dehen. (1 Timotew 3:1-3) Il-qaddejja taʼ Jehovah huma bħal ngħaġ ġentili, mhux bħal mogħoż stinati, bgħula b’rashom iebsa, jew ilpup imġewħin. (Salm 32:9; Luqa 10:3) Billi huma bħal ngħaġ, huma jridu jiġu stmati bil-ħlewwa u bit-tenerezza. (Atti 20:28, 29) Iva, Alla jistenna li l-anzjani juru ħlewwa, qalb tajba, imħabba, u paċenzja man-ngħaġ tiegħu.—Eżekjel 34:17-24.
7. L-anzjani kif għandhom jistruwixxu lil oħrajn jew jgħinu lil uħud morda spiritwalment?
7 Bħala “rsir tal-Mulej,” anzjan “għandu bżonn ikun ġentili maʼ kulħadd, ikkwalifikat biex igħallem, iżomm lilu nnifsu mrażżan taħt il-ħażen, igħallem bil-ħlewwa lil dawk li m’humiex disposti b’mod favorevoli; għax forsi Alla jistaʼ jagħtihom indiema li twassal għal għarfien eżatt tal-verità.” (2 Timotew 2:24, 25) Ragħajja Kristjani għandhom juru konsiderazzjoni tenera meta jippruvaw igħinu lil uħud morda spiritwalment, għax in-ngħaġ jappartjenu lil Alla. L-anzjani m’għandhomx jittrattawhom bħalma kieku jagħmel wieħed li jaħdem biss għall-flus imma jridu jkunu kalmi, bħar-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù Kristu.—Ġwann 10:11-13.
8. Xi ġralu Mosè li kien kalm, u għala?
8 Anzjan jistaʼ xi drabi jsibha diffiċli li jżomm spirtu kalm. “Mosè kien bil-wisq l-iktar wieħed ġwejjed mill-irġiel kollha li kienu fuq wiċċ l-art.” (Numri 12:3) Iżda, meta l-Iżraeliti ffaċċjaw skarsezza t’ilma f’Kadex, huma tlewmu maʼ Mosè u waħħlu fih talli ħariġhom mill-Eġittu għal ġo xagħri għeri. Minkejja dak kollu li Mosè kien issaporta b’mod ġwejjed, hu tkellem mingħajr ma qagħad jaħseb u b’mod aħrax. Hu u Aronne waqfu quddiem il-poplu u dderiġew l-attenzjoni lejhom infushom, fil-waqt li Mosè qal: “Isimgħu, issa, ja ribellużi! Huwa minn din il-blata li se noħorġu l-ilma għalikom?” Mosè mbagħad ħabbat fuq il-blata bil-bastun tiegħu darbtejn, u Alla ġiegħel li joħroġ “ħafna ilma” għall-poplu u għall-annimali tagħhom. Jehovah ma ħax pjaċir li Mosè u Aronne ma kinux qaddsu Lilu, u għalhekk Mosè ma kienx ipprivileġġjat li jdaħhal lill-Iżraeliti ġol-Art Imwiegħda.—Numri 20:1-13; Dewteronomju 32:50-52; Salm 106:32, 33.
9. Kif tistaʼ tiġi pprovata l-ħlewwa taʼ wieħed anzjan?
9 Il-ħlewwa taʼ anzjan Kristjan tistaʼ tiġi pprovata wkoll b’diversi modi. Per eżempju, Pawlu wissa lil Timotew li setaʼ jqum xi ħadd “minfuħ bil-kburija” u “marid mentalment fuq iddomandar u dibattiti dwar kliem.” Pawlu żied: “Minn dawn l-affarijiet iqumu l-għira, il-ġlied, kliem t’abbuż, suspetti mill-agħar, tħaqqiq vjolenti dwar ħmerijiet min-naħa taʼ rġiel korrotti fil-moħħ u misruqin il-verità.” L-indokratur Timotew ma kellux jaġixxi bi ħruxija imma kellu “[j]aħrab minn dawn l-affarijiet,” u kellu “[j]iġri wara t-tjieba, id-devozzjoni lejn Alla, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, it-temperament kalm.”—1 Timotew 6:4, 5, 11.
10. Titus dwar liema ħaġa kellu jfakkar lill-kongregazzjonijiet?
10 Għalkemm l-anzjani jridu juru ħlewwa, huma jridu jkunu sodi għal dak li hu sewwa. Titus hekk kien, billi fakkar lil dawk assoċjati mal-kongregazzjonijiet fi Kreta biex “ma jitkellmu b’mod inġurjuż dwar ħadd, biex ma jkunux ġellidin, biex ikunu raġonevoli, billi juru kull ħlewwa lejn il-bnedmin kollha.” (Titus 3:1, 2) Billi wera għala l-Kristjani għandhom ikunu kalmi lejn kulħadd, Titus kellu jindika kemm Jehovah kien qalbu tajba u taʼ mħabba. Alla ma kienx salva lil dawk li jemmnu minħabba xi egħmejjel taʼ tjieba li kienu wettqu imma skond il-ħniena tiegħu permezz taʼ Ġesù Kristu. Il-ħlewwa u l-paċenzja taʼ Jehovah ifissru salvazzjoni għalina wkoll. Bħal Titus, għalhekk, anzjani tal-preżent għandhom ifakkru lill-kongregazzjonijiet biex ikunu sottomessi lejn Alla, billi jimitaw Lilu f’li jistmaw lil oħrajn b’mod taʼ ħlewwa.—Titus 3:3-7; 2 Pietru 3:9, 15.
Il-Ħlewwa Tiggwida lill-Wieħed Għaref li Jagħti Parir
11. Skond Galatin 6:1, 2, kif għandu jingħata l-parir?
11 Xi ngħidu jekk nagħġa figurattiva tkun żballjat? Pawlu qal: “L-aħwa, saħansitra jekk raġel jieħu xi pass ħażin qabel ma jinduna bih, intom li għandkom kwalifiki spiritwali ppruvaw irranġaw lil raġel bħal dan fi spirtu taʼ ħlewwa, fil-waqt li kull wieħed minnkom iżomm għajn fuqu nnifsu, minħabba l-biżaʼ li inti wkoll tistaʼ tiġi ttantat. Komplu ġorru t-tagħbijiet taʼ xulxin, u b’hekk wettqu l-liġi tal-Kristu.” (Galatin 6:1, 2) Il-parir ikun iżjed effettiv jekk jingħata fi spirtu taʼ ħlewwa. Saħansitra jekk l-anzjani qed jipprovaw jagħtu parir lil xi ħadd irrabjat, huma għandhom juru kontroll fuqhom infushom, billi jirrealizzaw li “lsien ħelu nnifsu jistaʼ jkisser għadma.” (Proverbji 26:15) Xi ħadd iebes daqs għadma jistaʼ jitrattab bi stqarrija taʼ ħlewwa, u l-ebusija tiegħu tistaʼ titkisser.
12. Spirtu taʼ ħlewwa kif igħin lil wieħed li jagħti parir.
12 Jehovah huwa Għalliem kalm, u l-mod tiegħu kif igħallem bil-ħlewwa huwa effettiv fil-kongregazzjoni. Dan hu hekk b’mod speċjali meta l-anzjani jkollhom bżonn jagħtu parir lil dawk li jinħtieġu għajnuna spiritwali. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Min hu għaref u li jifhem fostkom? Ħa juri bl-imġieba mill-aħjar tiegħu xogħlijietu bi ħlewwa li tappartjeni lill-għerf.” Il-ħlewwa tirriżulta minn rispett u gratitudni lejn “għerf minn fuq,” flimkien maʼ rikonoxximent modest tal-limitazzjonijiet tagħna nfusna. Spirtu umli u taʼ ħlewwa jipproteġi lill-wieħed li jagħti parir milli jagħmel rimarki u żballji taʼ ħsara u jagħmel lill-parir tiegħu eħfef li taċċettah.—Ġakbu 3:13, 17.
13. “Ħlewwa li tappartjeni lill-għerf” kif teffettwa l-mod kif jingħata parir?
13 “Ħlewwa li tappartjeni lill-għerf” teskludi lil wieħed li jagħti parir milli bla ma jqisha jkun goff jew aħrax fi kliemu. Iżda, tħassib dwar ħbiberija jew dwar l-approvazzjoni taʼ xi bniedem m’għandux iqanqal lil anzjan li jgħid affarijiet imfasslin biex jogħġbu minflok li bil-ħlewwa jippreżenta parir ċar ibbażat fuq il-Kelma t’Alla. (Proverbji 24:24-26; 28:23) Il-parir li rċieva Amnon mingħand kuġinuh issodisfa x-xewqa tiegħu, imma swielu ħajtu. (2 Samwel 13:1-19, 28, 29) Anzjani tal-preżent, għalhekk, ma jridux idgħajfu l-prinċipji tal-Bibbja biex jakkomodaw il-kuxjenza taʼ ħaddieħor, għax li jagħmlu dan jistaʼ jkun taʼ periklu għal ħajtu. Bħal Pawlu, l-anzjani m’għandhomx iżommu lura milli jgħidu lill-oħrajn “il-parir kollu t’Alla.” (Atti 20:26, 27; 2 Timotew 4:1-4) Kristjan matur li jagħti parir juri biżaʼ t’Alla u jagħti parir taʼ tjieba bi ħlewwa li tappartjeni lill-għerf.
14. Anzjan għala għandu joqgħod attent biex ma jiħux deċiżjonijiet li oħrajn għandhom jieħdu huma stess?
14 Il-ħlewwa flimkien maʼ għerf mis-sema se jżommu lura lil anzjan milli jkun aħrax. Hu għandu jirrealizza wkoll li mhux għaqli u mhux xieraq li hu jieħu deċiżjoni li għandha tittieħed minn ħaddieħor. Anzjan se jkun responsabbli għar-riżultati jekk hu ħa deċiżjonijiet għal oħrajn, u se jieħu sehem fil-ħtija taʼ xi riżultat ħażin. Anzjan jistaʼ jiġbed l-attenzjoni lejn dak li tgħid il-Bibbja, imma jekk ma hemm ebda liġi Skritturali fuq il-kwistjoni, il-ġudizzju u l-kuxjenza tal-individwu nnifsu jridu jiddeterminaw x’se jagħmel jew ma jagħmilx. Bħalma qal Pawlu: “Kull wieħed se jerfaʼ t-tagħbija tiegħu stess.” (Galatin 6:5; Rumani 14:12) Madankollu, min jistaqsi jistaʼ jiġi mgħejjun biex jieħu deċiżjoni tajba billi anzjan jistaqsi mistoqsijiet li jgħinu lil dak li jkun biex jirraġuna fuq l-iskritturi marbutin maʼ toroq taʼ għażla li jistgħu jkunu miftuħin quddiemu.
15. X’għandu jsir jekk wieħed anzjan ma jafx it-tweġiba għal xi mistoqsija?
15 Jekk xi anzjan ma jafx it-tweġiba għal xi mistoqsija, m’għandux jagħti risposta sempliċement biex ma jaqax għaċ-ċajt. Il-ħlewwa li tappartjeni lill-għerf se żżommu lura milli jipprova jaqtaʼ u forsi b’hekk jagħti tweġiba ħażina li iktar tard tistaʼ tikkaġuna niket. Hemm “ħin biex toqgħod kwiet u ħin biex titkellem.” (Ekkleżjasti 3:7; qabbel Proverbji 21:23.) Anzjan għandu ‘jitkellem’ biss meta hu jaf it-tweġiba għal xi mistoqsija jew ikun għamel biżżejjed riċerka biex jagħti risposta eżatta. Huwa għaqli li tħalli mistoqsijiet spekulattivi bla tweġiba.—Proverbji 12:8; 17:27; 1 Timotew 1:3-7; 2 Timotew 2:14.
Valur taʼ Kotra taʼ Wħud li Jagħtu Pariri
16, 17. Għala huwa xieraq li l-anzjani jikkonsultaw bejniethom?
16 It-talb u l-istudju se jgħinu lill-anzjani biex iwieġbu mistoqsijiet u biex jittrattaw problemi diffiċli, imma għandu jiġi mfakkar li “fil-kotra taʼ wħud li jagħtu pariri hemm twettieq.” (Proverbji 15:22) Li jiġu kkonsultati anzjani oħrajn jirriżulta f’ġabra imprezzabbli taʼ għerf. (Proverbji 13:20) Mhux l-anzjani kollha għandhom esperjenza jew għarfien tal-Bibbja ugwali. Għaldaqstant, il-ħlewwa li tappartjeni lill-għerf għandha tqanqal lil anzjan taʼ inqas esperjenza biex jikkonsulta maʼ anzjani li għandhom iktar għarfien u iktar esperjenza, b’mod speċjali meta trid tiġi trattata xi kwistjoni serja.
17 Meta jintgħażlu xi anzjani biex jittrattaw xi kwistjoni serja, huma xorta waħda jistgħu b’mod kunfidenzjali jfittxu l-għajnuna. Biex igħinuh jiġġudika lill-Iżraeliti, Mosè għażel “[i]rġiel kapaċi, li jibżgħu minn Alla, irġiel li tistaʼ tafdahom, li jobogħdu l-qligħ inġust.” Għalkemm kienu anzjani, huma ma kellhomx daqstant għarfien u esperjenza daqs kemm kellu Mosè. Għalhekk, “każ iebes kienu jġibuh għand Mosè, imma kull każ żgħir huma nfushom kienu jimmaniġġjawh bħala mħallfin.” (Eżodu 18:13-27) Jekk ikun hemm bżonn, allura, anzjani li jkunu qegħdin jittrattaw xi każ iebes illum jistgħu b’mod xieraq ifittxu l-għajnuna taʼ indokraturi taʼ esperjenza, għalkemm id-deċiżjoni finali jeħduha huma stess.
18. F’li jiġu trattati kwistjonijiet ġudizzjarji, x’inhuma l-fatturi deċisivi li jiżżguraw deċiżjonijiet xierqa?
18 Il-Mixna Lhudija tgħid li f’Iżrael dawk li kienu jiffurmaw qrati tal-irħula kienu jvarjaw fil-għadd skond il-gravità tal-każ. Hemm valur veru fil-kotra taʼ wħud li jagħtu pariri, għalkemm il-għadd taʼ nies fih innifsu ma jiggarantix is-sewwa, għax maġġoranza tistaʼ tkun fl-iżball. (Eżodu 23:2) Il-fatturi deċiżivi li jiżżguraw li jittieħdu deċiżjonijiet xierqa huma l-Iskrittura u l-ispirtu t’Alla. Il-għerf u l-ħlewwa se jqanqlu lill-Kristjani biex jissottomettu rwieħhom lejn dawn.
Nagħtu Xiehda bil-Ħlewwa
19. Il-ħlewwa kif tgħin lin-nies taʼ Jehovah biex jagħtu xiehda lill-oħrajn?
19 Il-ħlewwa tgħin ukoll lill-qaddejja taʼ Jehovah biex jagħtu xiehda lil nies taʼ dispożizzjonijiet varji. (1 Korintin 9:22, 23) Peress li Ġesù għallem bil-ħlewwa, uħud umlin ma beżgħux minnu, bħalma kienu jagħmlu mill-mexxejja reliġjużi ħorox. (Mattew 9:36) M’għandniex xi ngħidu, il-modi tiegħu taʼ ħlewwa kienu jattiraw “ngħaġ,” mhux “mogħoż” mill-agħar. (Mattew 25:31-46; Ġwann 3:16-21) Għalkemm Ġesù kien juża termini qawwijin meta kien jittratta maʼ ipokriti bħal mogħoż, ix-Xhieda taʼ Jehovah iridu juru ħlewwa meta jiddikjaraw il-messaġġi taʼ ġudizzju t’Alla llum għaliex huma m’għandhomx l-istess dehen u awtorità li kellu Ġesù. (Mattew 23:13-36) Meta jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna ppridkat bil-ħlewwa, ‘dawk li huma disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem isiru jemmnu,’ bħalma għamlu wħud bħal ngħaġ li semgħu lil Ġesù.—Atti 13:48.
20. Student tal-Bibbja kif jibbenefika meta jiġi mgħallem bil-ħlewwa?
20 Riżultati tajbin jinkisbu milli nagħtu xiehda u struzzjoni lill-oħrajn bil-ħlewwa u billi nappellawlhom fuq il-bażi tal-loġika, taʼ prinċipji Bibliċi, u tal-verità. “Qaddsu lill-Kristu bħala Mulej fi qlubkom,” kiteb Pietru, “dejjem lesti biex tagħmlu difiża quddiem kulmin jitlobkom raġuni għat-tama fikom, imma billi tagħmlu hekk bil-ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pietru 3:15) Student li qed jiġi mgħallem b’mod taʼ ħlewwa jistaʼ jikkonċentra fuq il-materjal minflok ma jiġi distratt jew possibilment saħansitra mfixkel minn manjiera ħarxa u argumentattiva. Bħal Pawlu, ministri li jagħtu struzzjoni bil-ħlewwa jistgħu jgħidu: “Bl-ebda mod ma qegħdin aħna nagħtu raġuni għal għoti taʼ gambetta, biex il-ministeru tagħna ma jinstabx żball fih.” (2 Korintin 6:3) Saħansitra opponenti xi drabi jirreaġixxu b’mod favorevoli għal dawk li jistruwixxu bil-ħlewwa.
Il-Ħlewwa Meħtieġa minn Kulħadd
21, 22. Il-ħlewwa kif tibbenefika lill-poplu kollu taʼ Jehovah?
21 Il-ħlewwa Kristjana ma tridx tintlibes biss biex timpressjona lil dawk barra mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah. Din il-kwalità hija vitali wkoll f’relazzjonijiet fost il-poplu t’Alla. (Kolossin 3:12-14; 1 Pietru 4:8) Il-kongregazzjonijiet jinbnew spiritwalment meta anzjani u qaddejja ministerjali kalmi jaħdmu flimkien f’armonija. Li juri ħlewwa u kwalitajiet taʼ tjieba oħrajn huwa importanti għal kull wieħed mill-poplu taʼ Jehovah għaliex hemm “liġi waħda” għal kulħadd.—Eżodu 12:49; Levitiku 24:22.
22 Il-ħlewwa tikkontribwixxi għall-paċi u l-hena tal-poplu t’Alla. Għalhekk hija trid tkun parti mid-drapp taʼ kwalitajiet li jiffurmaw il-libsa milbusa mill-Kristjani kollha fid-dar, fil-kongregazzjoni, u bnadi oħrajn. Iva, il-qaddejja kollha taʼ Jehovah iridu jitlibbsu bil-ħlewwa.
Int Kif Twieġeb?
◻ Anzjani Kristjani għala jridu jkunu kalmi?
◻ Il-ħlewwa kif tiggwida lill-wieħed għaref li jagħti pariri?
◻ X’inhu l-valur taʼ kotra taʼ wħud li jagħtu pariri?
◻ Għala huwa taʼ benefiċċju li tagħti xiehda bil-ħlewwa?
[Stampa f’paġna 15]
In-nies taʼ Jehovah huma bħal ngħaġ u hemm bżonn li jiġu stmati bil-ħlewwa