LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 4/1 pp. 20-25
  • Uri “l-Ħlewwa maʼ Kulħadd”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri “l-Ħlewwa maʼ Kulħadd”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fil-​Familja
  • Fil-​Ministeru Tagħna
  • Fil-​Kongregazzjoni
  • “Maʼ Kulħadd”
  • Kunu Mlibbsin il-Ħlewwa!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Il-Ħlewwa—Kwalità Kristjana Essenzjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Il-Ħlewwa—Għala Hi taʼ Ġid Għalina?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Kemm Huma Henjin il-Kalmi!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 4/1 pp. 20-25

Uri “l-​Ħlewwa maʼ Kulħadd”

“Fakkarhom biex . . . ikunu umli, jimxu bil-​ħlewwa maʼ kulħadd.” ​—Titu 3:​1, 2.

1. Għala m’huwiex dejjem faċli li nuru l-​ħlewwa?

“IXBHU lili,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “bħalma jien nixbah lil Kristu.” (1 Korintin 11:1) Il-​qaddejja kollha t’Alla llum jistinkaw biex jagħtu kas dan il-​parir. Veru, m’huwiex faċli, għax aħna writna mingħand l-​ewwel ġenituri umani tagħna xewqat u karatteristiċi egoistiċi li ma jaqblux maʼ l-​eżempju taʼ Kristu. (Rumani 3:23; 7:​21-25) Minkejja dan, meta niġu biex nuru l-​ħlewwa, ilkoll kemm aħna nistgħu nirnexxu jekk nagħmlu sforz. Iżda m’huwiex biżżejjed li nistrieħu fuq id-​determinazzjoni tagħna stess. X’hemm bżonn iktar?

2. Kif nistgħu nkunu ‘kollna ħlewwa’ maʼ kulħadd?

2 Il-​ħlewwa divina hija parti mill-​frott taʼ l-​ispirtu qaddis. Iktar ma nobdu d-​direzzjonijiet tal-​forza attiva t’Alla, iktar se jidher fina l-​frott tagħha. Imbagħad biss nistgħu nkunu ‘kollna ħlewwa’ maʼ kulħadd. (Titu 3:​2, Saydon, korsiv tagħna.) Ejja neżaminaw kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù, ħalli dawk li jissieħbu magħna ‘jsibu l-​mistrieħ.’—Mattew 11:29; Galatin 5:​22, 23.

Fil-​Familja

3. Liema sitwazzjoni fil-​familja tirrifletti l-​ispirtu tad-​dinja?

3 Aspett wieħed fejn il-​ħlewwa hija essenzjali huwa fil-​familja. L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa tikkalkula li l-​vjolenza fil-​familja toħloq riskju akbar lis-​saħħa tan-​nisa milli jagħmlu l-​inċidenti tat-​traffiku u l-​malarja flimkien. Per eżempju, f’Londra, l-​Ingilterra, kwart mill-​kriminalità vjolenti kollha li tiġi rapportata sseħħ fid-​djar. Spiss il-​pulizija jiltaqgħu maʼ nies li jisfogaw is-​sentimenti tagħhom bit-​‘tagħjir u għajat.’ Agħar minn hekk, xi koppji ħallew l-​“imrar” jeffettwa r-​relazzjoni taʼ bejniethom. Dan l-​aġir kollu b’dispjaċir jirrifletti l-​“ispirtu taʼ din id-​dinja” u m’għandux ikun fil-​familji Kristjani.—Efesin 4:31; 1 Korintin 2:12.

4. X’effett jistaʼ jkollha l-​ħlewwa fuq il-​familja?

4 Biex niġġieldu kontra t-​tendenzi tad-​dinja, għandna bżonn l-​ispirtu t’Alla. “Fejn hemm l-​Ispirtu tal-​Mulej hemm il-​ħelsien.” (2 Korintin 3:17) L-​imħabba, il-​ħniena, ir-​rażan, u s-​sabar fit-​tul isaħħu l-​għaqda taʼ bejn il-​miżżewġin imperfetti. (Efesin 5:33) Temperament ġwejjed iferraħ l-​atmosfera fid-​dar u jagħmel kuntrast sabiħ mat-​tilwim u l-​ġlied li jkissru tant familji. Dak li individwu jgħid huwa importanti, imma huwa l-​mod kif jgħidu li juri kif qed iħossu minn ġewwa u x’inhi l-​attitudni tiegħu. Meta persuna tesprimi bil-​ħlewwa t-​tħassib u l-​affarijiet li jkunu qed jinkwetawha, it-​tensjoni tistaʼ tonqos. L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Tweġiba ħelwa ttaffi l-​korla, kelma iebsa tqajjem l-​għadab.”—Proverbji 15:1.

5. Il-​ħlewwa kif tistaʼ tgħin f’dar maqsuma reliġjożament?

5 Il-​ħlewwa hija importanti b’mod speċjali meta l-​familja tkun maqsuma reliġjożament. Flimkien maʼ atti taʼ ħniena, il-​ħlewwa tistaʼ tirbaħ lejn Jehovah lil dawk li m’humiex disposti b’mod favorevoli. Pietru ta dan il-​parir lin-​nisa Kristjani: “Oqogħdu għas-​setgħa taʼ żwieġkom biex, jekk ikunu minn dawk li għadhom ma semgħux mill-​kelma taʼ l-​Evanġelju, jintrebħu, mhux bil-​kliem, imma bl-​imġiba tan-​nisa tagħhom, xħin jarawkom iġġibu ruħkom kif jixraq magħhom u bir-​rispett. Ħa tkun is-​sbuħija tagħkom mhux dik li tidher minn barra bħad-​dafra tax-​xagħar u t-​tiżjin tad-​deheb u l-​ilbies ilellex, imma dik li hi moħbija f’qalbkom, mlibbsa b’tiżjin li ma jitħassarx; hi l-​qalb ħelwa u twajba tagħkom; dan hu li Alla jgħożż ħafna.”—1 Pietru 3:​1-4.

6. It-​turija tal-​ħlewwa kif tistaʼ ssaħħaħ ir-​rabtiet bejn il-​ġenituri u t-​tfal?

6 Ir-​relazzjoni bejn il-​ġenituri u t-​tfal tistaʼ tkun mimlija tensjoni, speċjalment meta ma jkunx hemm imħabba għal Jehovah. Imma fil-​familji Kristjani kollha hemm bżonn li tintwera l-​ħlewwa. Pawlu ta l-​parir lill-​missirijiet: “Iġġarrbuhomx iżżejjed lil uliedkom; iżda rabbuhom fid-​dixxiplina u t-​twiddib tal-​Mulej.” (Efesin 6:4) Meta tispikka l-​ħlewwa fil-​familja, ir-​rabta mill-​qrib bejn il-​ġenituri u t-​tfal tissaħħaħ. Dean, wieħed minn ħames aħwa, jiftakar dan fuq missieru: “Missieri kien bniedem ġwejjed. Lanqas niftakar li qatt kelli argument miegħu—saħansitra meta kont adolexxent. Hu kien dejjem ħelu, anki meta kien ikun ftit irrabjat. Xi drabi kien jibgħatni f’kamarti jew ma jħallinix nagħmel xi ħaġa li nħobb, imma qatt ma konna nillitikaw. Hu ma kienx sempliċement missierna. Kien ukoll il-​ħabib tagħna, u ma ridniex niddiżappuntawh.” Il-​ħlewwa verament tgħin biex issaħħaħ ir-​rabtiet bejn il-​ġenituri u t-​tfal.

Fil-​Ministeru Tagħna

7, 8. Għala huwa vitali li nuru l-​ħlewwa fil-​ministeru taʼ l-​għalqa?

7 Aspett ieħor fejn il-​ħlewwa hija importanti huwa fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Meta naqsmu l-​aħbar tajba tas-​Saltna m’oħrajn, niltaqgħu maʼ nies b’attitudnijiet differenti. Xi wħud jieħdu pjaċir jisimgħu l-​messaġġ taʼ tama li niħdulhom. Oħrajn, għal diversi raġunijiet, forsi ma jirreaġixxux daqshekk tajjeb. Huwa hawnhekk li l-​kwalità tal-​ħlewwa se tgħinna ħafna biex inwettqu l-​inkarigu tagħna taʼ li nkunu xhieda sa truf l-​art.—Atti 1:8; 2 Timotju 4:5.

8 L-​appostlu Pietru kiteb: “Lill-​Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-​għala tat-​tama li għandkom; imma wieġbu bil-​ħlewwa u bir-​rispett.” (1 Pietru 3:​15, 16 [3:​15, NW]) Ladarba f’qalbna nħarsu lejn Kristu bħala l-​Mudell tagħna, aħna noqogħdu attenti li nuru kemm ħlewwa u kemm rispett meta nagħtu xiehda lil uħud li jkellmuna bl-​aħrax. Din il-​kondotta spiss tipproduċi riżultati sbieħ.

9, 10. Irrakkonta esperjenza li turi l-​valur tal-​ħlewwa fil-​ministeru taʼ l-​għalqa.

9 Meta l-​mara tiegħu marret tara min kien ħabbat il-​bieb, Keith qagħad fuq ġewwa. Malli saret taf li l-​individwu li ġie jżurhom kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, il-​mara taʼ Keith bdiet tirrabja u takkuża lix-​Xhieda li huma jaħqru t-​tfal. Il-​ħu baqaʼ kalm. Bil-​ħlewwa, weġibha: “Jiddispjaċini li tħossok hekk. Nistaʼ jekk jogħġbok nurik x’jemmnu x-​Xhieda taʼ Jehovah?” Keith kien qiegħed jismaʼ l-​konversazzjoni u f’dak il-​ħin mar ħdejn martu biex itemm iż-​żjara tal-​ħu.

10 Iktar tard, il-​mara u r-​raġel beda jiddispjaċihom li kienu ttrattaw lil dak ir-​raġel b’mod aħrax. Hu kien laqathom ħafna bil-​ħlewwa tiegħu. B’sorpriża għalihom, il-​ġimgħa taʼ wara l-​ħu reġaʼ ħabbtilhom, u Keith u martu ħallewh jispjegalhom kif dak li kien jemmen kien ibbażat mill-​Bibbja. “Matul is-​sentejn taʼ wara, smajna ħafna x’riedu jgħidu Xhieda oħra,” osservaw huma iktar tard. Dawn aċċettaw studju tal-​Bibbja, u maż-​żmien it-​tnejn li huma tgħammdu b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah. X’barka kienet din għall-​ewwel Xhud li żar lil Keith u lil martu! Dan il-​ħu ltaqaʼ mal-​koppja xi snin wara u sar jaf li issa kienu saru ħutu spiritwali. Il-​ħlewwa tirnexxi.

11. B’liema mod tistaʼ l-​ħlewwa twitti t-​triq biex individwu jaċċetta l-​verità Kristjana?

11 L-​esperjenzi taʼ Harold bħala suldat ħallewh diżappuntat u mimli dubji rigward l-​eżistenza t’Alla. Iktar minn hekk, Harold kien ukoll spiċċa mmankat għal għomru f’inċident tat-​traffiku kaġunat minn sewwieq xurban. Meta ġew iżuruh ix-​Xhieda taʼ Jehovah, Harold insista li ma jibqgħux iħabbtulu l-​bieb. Imma jum minnhom, wieħed Xhud jismu Bill kellu l-​ħsieb li jżur persuna interessata li kienet toqgħod żewġ bibien ’il bogħod minn Harold. Bi żball, Bill ħabbat il-​bieb taʼ Harold. Malli Harold, li kien iwieżen lilu nnifsu permezz taʼ bastun f’kull id, fetaħ il-​bieb, Bill skuża ruħu minnufih, u spjegalu li hu ried iħabbat bieb ieħor fil-​viċin. Kif irreaġixxa Harold? Bill ma kienx jaf, imma Harold kien ra l-​aħbarijiet fejn dehru x-​Xhieda jaħdmu flimkien biex jibnu Sala tas-​Saltna ġdida fi żmien qasir ħafna. Tant kemm baqaʼ impressjonat meta ra daqstant nies jaħdmu spalla maʼ spalla, hu biddel l-​attitudni li kellu lejn ix-​Xhieda. Peress li l-​apoloġija ħanina taʼ Bill u l-​manjieri ħelwin u kwieti tiegħu qanqlulu qalbu, Harold iddeċieda li jaċċetta żjajjar mingħand ix-​Xhieda. Hu studja l-​Bibbja, għamel progress, u sar qaddej mgħammed taʼ Jehovah.

Fil-​Kongregazzjoni

12. Liema tendenzi dinjin għandhom jirreżistu l-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana?

12 It-​tielet aspett fejn il-​ħlewwa hija vitali huwa fil-​kongregazzjoni Kristjana. Il-​ġlied huwa xi ħaġa komuni fis-​soċjetà taʼ llum. Id-​dibattiti, l-​argumenti, u t-​tilwim huma affarijiet normali fost uħud li jħarsu lejn il-​ħajja mill-​aspett dinji. Kultant, tendenzi dinjin bħal dawn jidħlu baxx baxx fil-​kongregazzjoni Kristjana u jġibu magħhom tilwim u ġlied bil-​kliem. Aħwa rġiel responsabbli jitnikktu meta jkollhom jikkoreġu sitwazzjonijiet bħal dawn. Minkejja dan, l-​imħabba għal Jehovah u għal ħuthom iġġagħalhom jipprovaw jirbħu lura lill-​uħud li jkunu żbaljaw.​—Galatin 5:​25, 26.

13, 14. X’jistaʼ jkun ir-​riżultat taʼ li wieħed ‘iwiddeb bil-​ħlewwa lil dawk li ma jridux jisimgħu’?

13 Fl-​ewwel seklu, Pawlu u sieħbu Timotju kellhom xi problemi minħabba xi wħud ġewwa l-​kongregazzjoni. Pawlu wissa lil Timotju biex joqgħod għassa għal aħwa li kienu jixbhu reċipjenti għal “għan bla ġieħ.” “Min hu qaddej tal-​Mulej m’għandux joqgħod jitlewwem,” irraġuna Pawlu, “imma għandu jkun ħlejju maʼ kulħadd, jinqalaʼ biex jgħallem, kollu sabar; iwiddeb bil-​ħlewwa lil dawk li ma jaqblux miegħu [“ma jridux jisimgħu,” Saydon].” Meta nibqgħu nuru l-​ħlewwa saħansitra meta niġu provokati, spiss jiġri li dawk li ma jaqblux jerġgħu jeżaminaw il-​kritika tagħhom. Imbagħad, kif ikompli jikteb Pawlu, Jehovah għandu mnejn “jagħtihom l-​indiema, u hekk jagħrfu l-​verità.” (2 Timotju 2:​20, 21, 24, 25) Innota li Pawlu jgħaqqad li wieħed ikun ħlejju, jew juri l-​ġentilezza, u li jkollu s-​sabar mal-​ħlewwa.

14 Pawlu kien jipprattika dak li kien jgħallem. Meta kien qiegħed jittratta maʼ l-​“appostli kbar [“fini żżejjed,” NW]” fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu, hu ħeġġeġ lill-​aħwa: “Jiena, Pawlu, nitlobkom f’ġieħ l-​umiltà u l-​ħlewwa kollha taʼ Kristu—jien, li jien umli meta nkun fostkom, u qalbieni meta nkun ’il bogħod minnkom.” (2 Korintin 10:1; 11:5) Pawlu verament kien jimitah lil Kristu. Innota li hu għamel l-​appell tiegħu lil dawn l-​aħwa “f’ġieħ l-​umiltà” taʼ Kristu. B’hekk, hu evita attitudni mkabbra u dittatorjali. M’hemmx dubju li l-​parir tiegħu laqat lil dawk l-​uħud fil-​kongregazzjoni li qalbhom kienet ħafifa biex tirreaġixxi b’mod pożittiv. Hu taffa relazzjonijiet imwiegħra u għen biex jerġgħu jirrenjaw il-​paċi u l-​unità fil-​kongregazzjoni. M’għandniex ilkoll kemm aħna nistinkaw biex nimitaw l-​azzjonijiet tiegħu? L-​anzjani b’mod speċjali għandhom bżonn jaġixxu bħalma għamlu Kristu u Pawlu.

15. Il-​ħlewwa għala hija importanti meta jingħata parir?

15 Ir-​responsabbiltà li ngħinu lil ħaddieħor żgur li m’hijiex limitata għal meta l-​paċi u l-​unità fil-​kongregazzjoni jiġu mhedda. Ħafna qabel ma tqum tensjoni fir-​relazzjonijiet, l-​aħwa għandhom bżonn gwida bi mħabba. “Ħuti, jekk xi ħadd jinqabad f’xi ħtija [“qabel ma jinduna,” NW], intom li intom spiritwali, widdbuh,” ħeġġeġ Pawlu. Imma kif? “Bi spirtu taʼ ħlewwa; oqgħod attent li ma tkunx imġarrab int ukoll.” (Galatin 6:1) Li nibqgħu nuru “spirtu taʼ ħlewwa” m’huwiex dejjem faċli, iktar u iktar meta tqis li l-​Kristjani kollha, inkluż l-​irġiel maħturin, huma suġġetti għal tendenzi midinba. Minkejja dan, din il-​ħlewwa murija lejn il-​midneb se tagħmilhielu iktar faċli biex jagħmel il-​bidliet meħtieġa.

16, 17. X’jistaʼ jkun t’għajnuna biex individwu ma jibqax iżomm lura milli japplika parir?

16 Fil-​Grieg oriġinali, il-​kelma tradotta “widdbu” tistaʼ tirreferi wkoll għal li terġaʼ tpoġġi f’postu jew tirranġa l-​għadam miksur, proċedura li tikkaġuna wġigħ. It-​tabib li jirranġa l-​għadma miksura jserraħ ras il-​pazjent billi jitkellem b’mod pożittiv dwar il-​benefiċċji taʼ dak li se jagħmillu. Il-​kalma tiegħu tfarraġ lill-​pazjent. Bil-​ftit kliem li jgħidlu qabel, itaffilu l-​uġigħ x’ħin ikun fl-​aqwa tiegħu. Bl-​istess mod, it-​twiddib spiritwali jistaʼ jikkaġuna wġigħ. Imma permezz tal-​ħlewwa dan isir iktar aċċettabbli, u b’hekk jerġgħu jitjiebu r-​relazzjonijiet u titħejja t-​triq sabiex dak li jiżbalja jirranġa triqtu. Saħansitra jekk għall-​ewwel individwu ma jkunx lest li jimxi fuq il-​parir li jingħata, il-​ħlewwa min-​naħa taʼ min joffri l-​għajnuna tistaʼ tgħinu biex ma jibqax iżomm lura milli jsegwi pariri Skritturali tajbin.—Proverbji 25:15.

17 Meta ngħinu lil ħaddieħor biex jirranġa, dejjem hemm il-​periklu li l-​parir jittieħed bħala kritika. Wieħed kittieb ikkummenta li meta nwissu lil ħaddieħor, għandna t-​tendenza li nibilgħu lil dak li jkun, u għaldaqstant il-​ħlewwa hija essenzjali. Kristjan li jagħti l-​pariri se jevita dan il-​periklu billi jikkultiva l-​ħlewwa li toriġina mill-​umiltà.

“Maʼ Kulħadd”

18, 19. (a) Il-​Kristjani għala jistgħu jsibuha diffiċli biex juru l-​ħlewwa fejn jidħlu l-​awtoritajiet sekulari? (b) X’se jgħin lill-​Kristjani biex juru l-​ħlewwa lejn dawk fl-​awtorità, u x’jistaʼ jkun ir-​riżultat?

18 Aspett wieħed fejn ħafna jsibuha diffiċli biex juru l-​ħlewwa huwa fejn jidħlu l-​awtoritajiet sekulari. Veru, xi wħud li għandhom l-​awtorità jaġixxu bl-​aħrax u b’nuqqas taʼ mogħdrija lejn ħaddieħor. (Koħèlet 4:1; 8:9) Madankollu, l-​imħabba tagħna lejn Jehovah se tgħinna nirrikonoxxu l-​awtorità suprema tiegħu u nuru s-​sottomissjoni relattiva li jistħoqqilhom l-​awtoritajiet governattivi. (Rumani 13:​1, 4; 1 Timotju 2:​1, 2) Anki meta dawk li qegħdin f’pożizzjoni għolja jaraw kif se jillimitawna milli nesprimu l-​qima tagħna lejn Jehovah fil-​pubbliku, aħna nfittxu x’toroq baqgħalna miftuħin biex noffru s-​sagrifiċċju tagħna taʼ tifħir.—Lhud 13:15.

19 F’kull ċirkustanza li tistaʼ tinqalaʼ, aħna ma ndurux għall-​ġlied. Nipprovaw inkunu raġunevoli filwaqt li qatt ma nikkompromettu l-​prinċipji ġusti. B’dan il-​mod, ħutna jirnexxilhom iwettqu l-​ministeru tagħhom f’234 pajjiż madwar id-​dinja. Aħna nagħtu kas il-​parir taʼ Pawlu biex ‘noqogħdu għall-​maġistrati u għall-​awtorità, nobduhom u nkunu dejjem imħejjija għal kull opra tajba; biex ma nkasbru ’l ħadd, naħarbu t-​tilwim, inkunu umli [“raġunevoli,” NW], nimxu bil-​ħlewwa maʼ kulħadd.’—Titu 3:​1, 2.

20. X’barkiet hemm għal dawk li juru l-​ħlewwa?

20 Hemm barkiet abbundanti merfugħin għal dawk kollha li juru l-​ħlewwa. “Henjin taʼ qalbhom ħelwa,” iddikjara Ġesù, “għax huma jkollhom b’wirthom l-​art.” (Mattew 5:5) Għall-​aħwa taʼ Kristu midlukin bl-​ispirtu, jekk jibqgħu juru l-​ħlewwa se jkollhom iċ-​ċertezza li jkunu kuntenti u jkollhom il-​privileġġ li jaħkmu fuq id-​dominju li s-​Saltna se jkollha fuq l-​art. Inkwantu għall-​“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra,” dawn ikomplu juru l-​ħlewwa u jħarsu ’l quddiem lejn ħajja f’Ġenna hawn fuq l-​art. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16; Salm 37:11) Xi prospetti meraviljużi għandna quddiemna! Jalla, allura, qatt ma ninjoraw it-​tfakkira li Pawlu ta lill-​Kristjani f’Efesu: “Nħeġġiġkom jien, il-​priġunier tal-​Mulej, biex timxu sewwa skond is-​sejħa li biha kontu msejjħin; . . . bl-​umiltà kollha, bil-​ħlewwa.”—Korsiv tagħna; Efesin 4:​1, 2.

Bħala Reviżjoni

• X’barkiet ikollna jekk nuru l-​ħlewwa

• fil-​familja?

• fil-​ministeru taʼ l-​għalqa?

• fil-​kongregazzjoni?

• X’barkiet hemm imwegħdin għal dawk li juru l-​ħlewwa?

[Stampa f’paġna 21]

Il-​ħlewwa hija importanti b’mod speċjali meta l-​familja tkun maqsuma reliġjożament

[Stampa f’paġna 21]

Il-​ħlewwa ssaħħaħ ir-​rabtiet tal-​familja

[Stampa f’paġna 23]

Agħti tweġiba bil-​ħlewwa u b’rispett profond

[Stampa f’paġna 24]

Il-​ħlewwa murija minn wieħed li jagħti l-​pariri tistaʼ tgħin lil individwu li jkun żbalja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja