LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 4/1 pp. 15-20
  • Il-Ħlewwa—Kwalità Kristjana Essenzjali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ħlewwa—Kwalità Kristjana Essenzjali
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Alla Jgħożżha Ħafna’
  • Il-​Ħlewwa Tattira u Sserraħ
  • L-​Iktar Wieħed Ġwejjed fi Żmienu
  • Ħruxija Kontra Ħlewwa
  • Fittex il-​Ħlewwa
  • Il-Ħlewwa—Għala Hi taʼ Ġid Għalina?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Kunu Mlibbsin il-Ħlewwa!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Uri “l-Ħlewwa maʼ Kulħadd”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Kemm Huma Henjin il-Kalmi!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 4/1 pp. 15-20

Il-​Ħlewwa—Kwalità Kristjana Essenzjali

“Ilbsu . . . [l-]ħlewwa.”—Kolossin 3:12.

1. Il-​ħlewwa għala hija kwalità straordinarja?

META t-​temp ikun sabiħ u moderat, il-​klima ħelwa tkun pjaċevoli. Meta persuna tkun ħelwa jew ġentili, tieħu pjaċir tagħmilha magħha. Mill-​banda l-​oħra, “bil-​kelma t-​tajba [‘ħelwa,’ NW] tkisser l-​għadam,” osserva s-​Sultan għaqli Salamun. (Proverbji 25:15) Il-​ħlewwa hija kwalità straordinarja li tgħaqqad xi ħaġa pjaċevoli mal-​qawwa.

2, 3. X’rabta hemm bejn il-​ħlewwa u l-​ispirtu qaddis, u x’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 L-​appostlu Pawlu inkluda l-​ħlewwa fil-​lista tiegħu tal-​“frott taʼ l-​Ispirtu,” misjuba f’Galatin 5:​22, 23. Il-​kelma Griega li hi tradotta “ħlewwa” fil-​vers 23 fil-​verżjoni tal-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija spiss tiġi tradotta bħala li wieħed ikun “ġwejjed” jew “ġentili” f’verżjonijiet oħra tal-​Bibbja. Il-​fatt hu li f’lingwi oħra huwa diffiċli biex tinstab kelma li tfisser eżatt bħal dik Griega, għax il-​kelma oriġinali tiddeskrivi, mhux li wieħed ikun ġentili u ġwejjed minn barra, imma li jkollu ħlewwa u grazzja ġewwinija; mhux il-​mod kif wieħed iġib ruħu, imma l-​kundizzjoni taʼ moħħu u taʼ qalbu.

3 Biex jgħinna napprezzaw iktar bis-​sħiħ it-​tifsir u l-​valur tal-​ħlewwa, ejja nqisu erbaʼ eżempji Bibliċi. (Rumani 15:4) Aħna u nagħmlu dan, mhux biss se nitgħallmu x’inhi din il-​kwalità, imma wkoll kif nistgħu niksbuha u nuruha f’dak kollu li nagħmlu.

‘Alla Jgħożżha Ħafna’

4. Kif nafu li Jehovah jistmaha l-​ħlewwa?

4 Ladarba l-​ħlewwa hija parti mill-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla, huwa loġiku li din għandu jkollha x’taqsam ħafna mal-​personalità meraviljuża t’Alla. L-​appostlu Pietru kiteb li “qalb ħelwa u twajba” hi xi ħaġa li “Alla jgħożż ħafna.” (1 Pietru 3:4) Tabilħaqq, il-​ħlewwa hija kwalità divina; Jehovah jistmaha ħafna. Ċertament, dan il-​fatt biss huwa raġuni biżżejjed għala l-​qaddejja kollha t’Alla għandhom jikkultivaw il-​ħlewwa. Kif, iżda, juriha l-​ħlewwa Alla li jistaʼ kollox, l-​ogħla Awtorità fl-​univers?

5. Minħabba l-​ħlewwa taʼ Jehovah, xi prospett għandna?

5 Meta Adam u Eva, l-​ewwel koppja umana, m’obdewx il-​kmand ċar t’Alla biex ma jiklux mis-​siġra taʼ tagħrif it-​tajjeb u l-​ħażin, huma għamlu hekk minn jeddhom. (Ġenesi 2:​16, 17) Dak l-​att intenzjonat taʼ diżubbidjenza rriżulta fi dnub, mewt, u tbegħid minn Alla, għalihom u għan-​nisel futur tagħhom. (Rumani 5:12) Għalkemm Jehovah kellu kull raġun jgħaddi dak il-​ġudizzju, hu ma qabadx u qatagħha li r-​razza umana m’għandha l-​ebda ċans li titranġa u tiġi mifdija. (Salm 130:3) Minflok, peress li Jehovah wera l-​ħniena u kien lest li ma jibqax jesiġi u jinsisti—turijiet taʼ ħlewwa—hu pprovda l-​mezz li bih il-​bnedmin midinba jistgħu jersqu lejh u jiksbu l-​approvazzjoni tiegħu. Iva, permezz tar-​rigal tas-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Ibnu, Ġesù Kristu, Jehovah jagħmilhielna possibbli li nersqu ħdejn it-​tron maestuż tiegħu mingħajr biżaʼ jew tkexkix.—Rumani 6:23; Lhud 4:​14-16; 1 Ġwann 4:​9, 10, 18.

6. Kif intweriet il-​ħlewwa fil-​mod kif Alla mexa maʼ Kajjin?

6 Ħafna żmien qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, Jehovah wera l-​ħlewwa meta Kajjin u Abel, ulied Adam, offrew sagrifiċċji lil Alla. Billi ra l-​kundizzjoni taʼ qalbhom, Jehovah ma ħarisx lejn l-​offerta taʼ Kajjin imma “ħares” lejn Abel u l-​offerta tiegħu b’approvazzjoni. Malli ra li Alla kien ħares bil-​ħlewwa lejn Abel u l-​offerta tiegħu, Kajjin irreaġixxa b’mod ħażin. Ir-​rakkont Bibliku jgħid: “Kajjin . . . saħan sewwa u wiċċu tqarras.” Jehovah kif irreaġixxa? Ħassu offiż bl-​attitudni ħażina taʼ Kajjin? Le. Bil-​ħlewwa, hu staqsa lil Kajjin għala kien daqshekk irrabjat. Jehovah saħansitra spjega x’setaʼ jagħmel Kajjin biex ikun “milqugħ.” (KŻ) (Ġenesi 4:​3-7) Tabilħaqq, Jehovah jesprimi l-​ħlewwa b’mod perfett.—Eżodu 34:6.

Il-​Ħlewwa Tattira u Sserraħ

7, 8. (a) Kif nistgħu naslu biex nifhmu l-​ħlewwa taʼ Jehovah? (b) Il-​kliem taʼ Mattew 11:​27-29 x’jirrivela dwar Jehovah u Ġesù?

7 Wieħed mill-​aħjar modi kif napprezzaw il-​kwalitajiet bla paragun li juri Jehovah huwa billi nistudjaw il-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 1:18; 14:​6-9) Waqt li kien fil-​Galilija matul it-​tieni sena tal-​kampanja tiegħu taʼ ppridkar, Ġesù wettaq ħafna mirakli kbar f’Korożajn, Betsajda, Kafarnahum, u madwar dawk l-​inħawi. Madankollu, il-​maġġuranza tan-​nies kienu kburin u bla interess taʼ xejn, u rrifjutaw li jemmnu. Kif irreaġixxa Ġesù? Filwaqt li fakkarhom bi kliem sod dwar il-​konsegwenzi tan-​nuqqas taʼ fidi tagħhom, hu tħassarhom meta ra l-​qagħda spiritwali miżerabbli taʼ l-​ʽam ha·ʼaʹrets, in-​nies ordinarji u taʼ livell baxx li kien hemm fosthom.—Mattew 9:​35, 36; 11:​20-24.

8 L-​azzjonijiet taʼ Ġesù iktar tard urew li hu kien ‘għaraf [“għalkollox,” NW] lill-​Missier’ u imitah. Lin-​nies komuni, Ġesù tahom din l-​istedina mill-​qalb: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom.” Kemm kien taʼ faraġ u serħan dan il-​kliem għal dawk li kienu jinsabu magħkusin u maħqurin! Anki lilna llum jolqotna dan il-​kliem. Jekk sinċerament nilbsu l-​ħlewwa, imbagħad se nkunu fost dawk li ‘lilhom l-​Iben irid jgħarrafhom’ lil Missieru.—Mattew 11:​27-29.

9. Liema kwalità hija marbuta mal-​ħlewwa, u Ġesù kif huwa eżempju mill-​aħjar f’dan ir-​rigward?

9 Kwalità oħra marbuta mal-​ħlewwa hija l-​umiltà, li wieħed ikun taʼ ‘qalb umli.’ Mill-​banda l-​oħra, il-​kburija twassal biex dak li jkun jintefaħ bih innifsu u taʼ spiss jistaʼ jibda jittratta lil ħaddieħor b’mod aħrax u insensittiv. (Proverbji 16:​18, 19) Ġesù wera l-​umiltà matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art. Anki meta daħal riekeb fuq felu f’Ġerusalemm sitt ijiem qabel mewtu u ġie milqugħ mill-​qalb bħala s-​Sultan tal-​Lhud, Ġesù ma kellu x’jaqsam xejn mal-​ħakkiema tad-​dinja. Hu wettaq il-​profezija Messjanika f’Żakkarija: “Ara, is-​Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ taʼ bhima tat-​tagħbija.” (Mattew 21:5; Żakkarija 9:9) Il-​profeta leali Danjel ra viżjoni li fiha Jehovah iddelega l-​awtorità taʼ tmexxija lil Ibnu. Madankollu, fi profezija iktar bikrija, hu ddeskriva lil Ġesù bħala “l-​iċken fost il-​bnedmin.” Tabilħaqq, il-​ħlewwa u l-​umiltà jmorru id f’id.—Danjel 4:14 (4:​17, NW); 7:​13, 14.

10. Il-​ħlewwa Kristjana għala ma timplikax dgħjufija?

10 Il-​ħlewwa pjaċevoli li juru Jehovah u Ġesù tgħinna biex nersqu lejhom. (Ġakbu 4:8) M’għandniex xi ngħidu, il-​ħlewwa ma timplikax dgħjufija. ’Il bogħod minn hekk! Jehovah, Alla li jistaʼ kollox, għandu abbundanza t’enerġija u qawwa dinamika. Il-​korla tiegħu tixgħel kontra l-​ħażen. (Isaija 30:27; 40:26) Ġesù kien determinat bl-​istess mod li ma jagħmilx kompromess, anki meta ttantah Satana x-​Xitan. Hu rrifjuta li jittollera l-​prattiċi kummerċjali illegali tal-​mexxejja reliġjużi fi żmienu. (Mattew 4:​1-11; 21:​12, 13; Ġwann 2:​13-17) Madankollu, hu kien jibqaʼ kalm u juża l-​ħlewwa x’ħin id-​dixxipli tiegħu kienu jonqsu, u kien jissaporti d-​dgħjufijiet tagħhom bil-​paċenzja. (Mattew 20:​20-28) Wieħed studjuż tal-​Bibbja ddeskriva tajjeb il-​ħlewwa b’dan il-​mod: “Fil-​ġentilezza hemm il-​qawwa taʼ l-​azzar.” Jalla nuruha din il-​kwalità Kristjana—il-​ħlewwa.

L-​Iktar Wieħed Ġwejjed fi Żmienu

11, 12. Meta nqisu t-​trobbija li kellu Mosè, il-​ħlewwa tiegħu għala kienet straordinarja?

11 It-​tielet eżempju li se nikkunsidraw huwa dak taʼ Mosè. Il-​Bibbja tiddeskrivih bħala “l-​aktar umli [“ġwejjed,” KŻ] fost il-​bnedmin li hawn fuq wiċċ l-​art.” (Numri 12:3) Din id-​deskrizzjoni nkitbet taħt ispirazzjoni divina. Permezz tal-​ħlewwa straordinarja li kellu, Mosè kien lest li jimxi fuq id-​direzzjoni li tah Jehovah.

12 It-​trobbija taʼ Mosè ma kinitx tas-​soltu. Jehovah għamel ċert li dan it-​tifel taʼ ġenituri Lhud leali jinżamm ħaj meta kien hemm żmien taʼ tradiment u qtil. Mosè qattaʼ l-​ewwel snin taʼ ħajtu taħt il-​ħarsien t’ommu, u hi bil-​għaqal għallmitu dwar dak Alla veru, Jehovah. Iktar tard, Mosè ttieħed mid-​dar tiegħu biex imur jgħix f’ambjent li ma setax kien iktar differenti. “Mosè trawwem fl-​għerf kollu taʼ l-​Eġizzjani,” irrakkonta Stiefnu, martri Kristjan tal-​bidu. “[Mosè] sar qawwi fi kliemu u għemilu.” (Atti 7:22) Il-​fidi tiegħu dehret meta osserva l-​inġustizzji li kienu qed isofru ħutu l-​ilsiera taħt il-​ħakkiema taʼ Fargħun. Hu spiċċa biex qatel Eġizzjan li kien qed isawwat Lhudi, u minħabba f’hekk Mosè kellu jaħrab mill-​Eġittu u jmur fl-​art taʼ Midjan.—Eżodu 1:​15, 16; 2:​1-15; Lhud 11:​24, 25.

13. L-​erbgħin sena li għex f’Midjan x’effett ħallew fuq Mosè?

13 Fl-​età taʼ 40 sena, Mosè kellu jfendi għal rasu fid-​deżert. F’Midjan hu ltaqaʼ mas-​sebaʼ bniet taʼ Regħwel u għenhom biex itellgħu l-​ilma għall-​merħla kbira taʼ missierhom. Lura d-​dar, ix-​xebbiet marru ferħanin għand Regħwel u spjegawlu li “wieħed Eġizzjan” kien ħelishom minn idejn ir-​rgħajja li qalgħulhom l-​inkwiet. Fuq stedina taʼ Regħwel, Mosè beda jgħix maʼ din il-​familja. L-​għawġ li kien għadda minnu ma ħalliehx mimli mrar; lanqas ma fixklu milli jitgħallem jaddatta ħajtu għall-​ambjent ġdid li sab ruħu fih. Ix-​xewqa li jagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah dejjem baqgħet soda. Matul 40 sena twal, li fihom indokra n-​nagħaġ taʼ Regħwel, iżżewweġ lil Siffora, u rabba lil uliedu subien, Mosè żviluppa u tejjeb il-​kwalità li sar magħruf għaliha. Iva, billi ssaporta fi żmien diffiċli, Mosè tgħallem il-​ħlewwa.—Eżodu 2:​16-22; Atti 7:​29, 30.

14. Iddeskrivi ġrajja matul it-​tmexxija taʼ Mosè fuq Iżrael li fiha spikkat il-​ħlewwa tiegħu.

14 Wara li Jehovah ħatru bħala l-​mexxej tal-​ġens taʼ Iżrael, Mosè baqaʼ juriha l-​kwalità tal-​ħlewwa. Wieħed żagħżugħ mar jgħarraf lil Mosè li Eldad u Medad kienu qed jipprofetizzaw fil-​kamp—avolja ma kinux preżenti meta Jehovah kien ferraʼ l-​ispirtu tiegħu fuq is-​70 raġel xiħ li kellhom jgħinu lil Mosè. Ġożwè ddikjara: “Sidi Mosè, tħallihomx aktar.” Mosè wieġbu bil-​ħlewwa: “Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-​poplu tal-​Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-​Mulej iqiegħed fuqhom l-​ispirtu tiegħu!” (Numri 11:​26-29) Il-​ħlewwa għenet biex ittaffi t-​tensjoni li qamet f’dik is-​sitwazzjoni.

15. Għalkemm Mosè kien imperfett, l-​eżempju tiegħu għala hu taʼ min jimxi fuqu?

15 Kien hemm okkażjoni waħda fejn mid-​dehra Mosè ma baqax daqstant ġwejjed. F’Meriba, qrib Kades, hu naqas li jagħti l-​glorja lil Jehovah, Dak li Jagħmel il-​Mirakli. (Numri 20:​1, 9-13) Għalkemm Mosè kien imperfett, il-​fidi tiegħu li ma titħarrikx żammitu sod tul ħajtu kollha, u l-​ħlewwa straordinarja tiegħu għadha tqanqalna saħansitra llum.—Lhud 11:​23-28.

Ħruxija Kontra Ħlewwa

16, 17. Xi twissija nieħdu mir-​rakkont taʼ Nabal u Abigajl?

16 Eżempju taʼ twissija nsibuh fi żmien David, ftit wara l-​mewt tal-​profeta t’Alla Samwel. Dan jinvolvi koppja miżżewġa, Nabal u l-​mara tiegħu, Abigajl. X’kuntrast kien hemm bejn dawn it-​tnejn! Filwaqt li Abigajl kienet “taʼ għaqal kbir,” żewġha kien “goff [“aħrax,” Saydon] u ħażin f’għemilu.” B’mod żorr Nabal irrifjuta li jipprovdi l-​ikel għall-​irġiel taʼ David, li kienu għenu lin-​nies taʼ Nabal biex jgħassu l-​imrieħel kbar tiegħu mill-​ħallelin. Bir-​raġun, David u grupp irġiel li kellu miegħu inkorlaw, tħażżmu bix-​xwabel u rħewlha biex jiffaċċjaw lil Nabal.—1 Samwel 25:​2-13.

17 Meta Abigajl saret taf b’dak li kien ġara, hi ħejjiet minnufih ħobż, inbid, laħam, u ħafna żbib u tin, u marret tiltaqaʼ maʼ David. “Ħa nieħu l-​ħtija fuqi waħdi, sidi,” talbitu bil-​ħniena. “Ħalli titkellem il-​qaddejja tiegħek f’widnejk, u ismaʼ kliem il-​qaddejja tiegħek.” Qalb David irtabet malli semaʼ lil Abigajl titolbu bil-​ħlewwa. Wara li semaʼ l-​ispjegazzjoni t’Abigajl, David iddikjara: “Mbierek il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael, li bagħtek illum tiltaqaʼ miegħi. Mbierek l-​għaqal tiegħek, u mbierka int li ma ħallejtnix illum inxerred id-​demm.” (1 Samwel 25:​18, 24, 32, 33) Eventwalment, il-​ħruxija taʼ Nabal wasslitu biex miet. Bis-​saħħa tal-​kwalitajiet sbieħ tagħha, Abigajl maż-​żmien kellha l-​pjaċir li ssir mart David. Il-​ħlewwa tagħha sservi t’eżempju għal dawk kollha li jaqdu lil Jehovah illum.—1 Samwel 25:​36-42.

Fittex il-​Ħlewwa

18, 19. (a) X’bidliet isiru evidenti meta nilbsu l-​ħlewwa? (b) X’jistaʼ jgħinna biex nagħmlu eżami effettiv tagħna nfusna?

18 Il-​ħlewwa, allura, hija kwalità essenzjali. Tfisser iktar minn sempliċement manjieri ħelwin; hija kwalità fit-​temperament tal-​bniedem li tattira u sserraħ lil ħaddieħor. Fil-​passat, għandu mnejn konna mdorrijin nitkellmu bl-​aħrax u naġixxu bla ħniena. Madankollu, malli tgħallimna l-​verità tal-​Bibbja, tbiddilna u sirna nies iktar pjaċevoli u ħelwin. Pawlu tkellem dwar din il-​bidla meta ħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani: “Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.” (Kolossin 3:12) Il-​Bibbja xxebbah din it-​trasformazzjoni mal-​bidla li ssir minn bhejjem selvaġġi u ħorox—lupu, leopard, ors, u serp—għal annimali domestiċi u kwieti—ħaruf, gidi, għoġol, u baqra. (Isaija 11:​6-9; 65:25) Dawn il-​bidliet fil-​personalità tant huma straordinarji li n-​nies li jarawhom jibqgħu mgħaġġbin. Madankollu, aħna nirrikonoxxu li din il-​bidla sseħħ bil-​ħila taʼ l-​ispirtu t’Alla, għax il-​ħlewwa hija waħda mill-​frottiet tassew meraviljużi tiegħu.

19 Ifisser dan li ladarba nkunu għamilna l-​bidliet meħtieġa u ddedikajna lilna nfusna lil Jehovah, m’għandniex bżonn naħdmu iktar biex inkunu ġwejdin u ħelwin? Żgur li le. Meta toqgħod tqis, ilbies ġdid trid tibqaʼ tieħu ħsiebu biex jibqaʼ jidher nadif u preżentabbli. Jekk inħarsu fil-​Kelma t’Alla u nimmeditaw fuq l-​eżempji li fiha, inkunu nistgħu nagħtu ħarsa mill-​ġdid lejna nfusna b’mod realistiku. X’qed turi dwarek il-​mera tal-​Kelma mnebbħa t’Alla?—Ġakbu 1:​23-25.

20. Kif nistgħu nirnexxu f’li nuru l-​ħlewwa?

20 Peress li l-​bnedmin huma magħmulin differenti, it-​temperament tagħhom ivarja minn persuna għal oħra. Xi wħud mill-​qaddejja t’Alla jsibuha iktar faċli minn oħrajn biex juru l-​ħlewwa. Minkejja dan, il-​Kristjani kollha għandhom bżonn jikkultivaw il-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla, inkluż il-​ħlewwa. Pawlu wissa lil Timotju bl-​imħabba: “Fittex li jkollok il-​ġustizzja, it-​tjieba, il-​fidi, l-​imħabba, is-​sabar, il-​ħlewwa.” (1 Timotju 6:11) Il-​frażi “fittex li jkollok” tindika li hemm bżonn taʼ sforz. Il-​verżjoni tal-​Bibbja taʼ Karm Żammit tuża l-​frażi “imxi wara.” Jekk tagħmel sforz biex timmedita fuq l-​eżempji tajba li hemm fil-​Kelma t’Alla, dawn jistgħu jsiru parti minnek, bħallikieku jitħawlu fik. Imbagħad ikunu jistgħu jifformawk u jiggwidawk.—Ġakbu 1:21.

21. (a) Għala għandna nfittxu l-​ħlewwa? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

21 Il-​mod kif inġibu ruħna m’oħrajn juri kemm sejrin tajjeb f’dan ir-​rigward. “Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom?” staqsa d-​dixxiplu Ġakbu. “Mela ħa juri bl-​imġiba tajba tiegħu, għemilu bi ħlewwa għaqlija.” (Ġakbu 3:13) Kif nistgħu nuru din il-​kwalità Kristjana fid-​dar, fil-​ministeru Kristjan, u fil-​kongregazzjoni? L-​artiklu li jmiss se joffri gwida t’għajnuna.

Bħala Reviżjoni

• X’tgħallimt dwar il-​ħlewwa mill-​eżempju taʼ

• Jehovah?

• Ġesù?

• Mosè?

• Abigajl?

• Għala għandna bżonn infittxu li jkollna l-​ħlewwa?

[Stampa f’paġna 16]

Jehovah għala approva l-​offerta t’Abel?

[Stampa f’paġna 17]

Ġesù wera li l-​ħlewwa u l-​umiltà jmorru id f’id

[Stampa f’paġna 18]

Mosè ħalla eżempju mill-​aqwa tal-​ħlewwa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja