LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 11/15 pp. 12-16
  • Divertimenti Soċjali—Gawdi l-Benefiċċji, Evita n-Nases

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Divertimenti Soċjali—Gawdi l-Benefiċċji, Evita n-Nases
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Divertiment Soċjali f’Ħinu u f’Postu
  • Oqgħod Attent għan-​Nases
  • Divertiment f’Postu
  • Kif Tagħżel Divertiment Bnin
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Ħu Pjaċir b’Affarijiet li Jogħġbu lil Ġeħova
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Kif tqattaʼ l-ħin liberu tiegħek
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Int Tistaʼ Ssib Divertiment Edifikanti
    Stenbaħ!—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 11/15 pp. 12-16

Divertimenti Soċjali—Gawdi l-​Benefiċċji, Evita n-​Nases

“M’hemm xejn aħjar milli [bniedem] jiekol u tabilħaqq jixrob u jġiegħel lil ruħu tara t-​tajjeb minħabba x-​xogħol iebes tiegħu.”−EKKLEŻJASTI 2:24.

1. Il-​gwida t’Alla b’liema modi tgħin lill-​poplu tiegħu rigward divertiment?

IL-​GWIDA taʼ Jehovah iġġib ħafna vantaġġi lill-​qaddejja tiegħu. Nistgħu naraw dan fil-​qasam tad-​divertiment. Id-​direzzjoni tiegħu tgħin lill-​Kristjani biex jevitaw l-​estremi miż-​żewġ aspetti. Xi reliġjonisti, li jinsistu fuq ħruxija fl-​ilbies u fil-​kondotta, iħarsu lejn kważi kwalunkwe pjaċir bħala dnub. Mill-​banda l-​oħra, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jiġru wara l-​pjaċiri saħansitra jekk dawn imorru kontra l-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Jehovah.—Rumani 1:24-27; 13:13,14; Efesin 4:17-19.

2. Liema indikazzjoni bikrija kien hemm dwar il-​ħarsa t’Alla lejn id-​divertiment?

2 Xi ngħidu, iżda, dwar il-​poplu t’Alla? Ħafna li jibdew jistudjaw il-​Bibbja jieħdu sorpriża meta jitgħallmu li Alla attwalment ħalaq lill-​bnedmin bil-​kapaċità li jgawdu l-​ħajja. Hu ta lill-​ewwel ġenituri tagħna xogħol x’jagħmlu—imma mhux il-​monotonija dipressanti li mmarkat il-​ħajjiet tal-​biċċa l-​kbira mill-​bnedmin imperfetti. (Ġenesi 1:28-30) Aħseb dwar il-​modi numerużi u tajbin li bihom dawk kollha li jgħixu f’ġenna tal-​art jistgħu jsibu tgawdija. Immaġina l-​ferħ tagħhom f’li jammiraw l-​annimali selvaġġi li ma jkunu taʼ l-​ebda theddida u varjetà taʼ oħrajn domestiċi li jistgħu jkunu parti mill-​ħajja taʼ kuljum! U x’ikliet jistgħu jkollhom minn “kull siġra li tpaxxi l-​għajn u tajba għall-​ikel”!—Ġenesi 2:9; Ekkleżjasti 2:24.

3-5. (a) Xi skop għandu jaqdi d-​divertiment? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li Alla ma skuraġġiex lill-​Iżraeliti milli jsibu tgawdija?

3 Dawk l-​attivitajiet jistgħu, fil-​fatt, jitqiesu bħala divertiment, li l-​iskop tagħhom fil-​ġenna jkun l-​istess bħal-​lum: biex jirrifreskaw u jġeddu l-​vitalità taʼ dak li jkun għal aktar attivitajiet produttivi (xogħol). Meta d-​divertiment iwettaq dan, ikun taʼ benefiċċju. Ifisser dak li l-​adoraturi veri jistgħu jagħmlu post fil-​ħajja tagħhom għad-​divertiment saħansitra jekk għadhom m’humiex qegħdin igħixu fil-​ġenna? Iva. Insight on the Scriptures igħid dwar id-​divertiment fost il-​poplu tal-​qedem taʼ Jehovah:

4 “Id-​divertimenti u l-​mod taʼ serħan tal-​Iżraeliti m’humiex imsemmijin b’mod prominenti fil-​Bibbja. Madankollu, hija turihom bħala li għandhom jitqiesu xierqa kif ukoll mixtieqa meta fi qbil mal-​prinċipji reliġjużi tal-​ġens. Il-​għamliet prinċipali taʼ rikreazzjoni kienu d-​daqq taʼ strumenti mużikali, il-​kant, iż-​żfin, il-​konversazzjoni, kif ukoll xi logħob. L-​ifformar taʼ xi ħaġa moħġaġa u taʼ mistoqsijiet diffiċli kien stmat ħafna.—Mħ. 14:12.”−Volum 1, paġna 102.

5 Meta David irritorna rebbieħ, nisa Ebrej użaw arpi żgħar u tamburlini biex jiċċelebraw (Ebrajk, sa․chaqʹ). (1 Samwel 18:6, 7) Il-​kelma Ebrajka bażikament tfisser “tidħak,” u xi verżjonijiet jitkellmu dwar “nisa li jalleġraw.” (Byington, Rotherham, The New English Bible) Waqt li l-​Arka kienet qiegħda tiġi mċaqalqa, “David u d-​dar kollha taʼ Iżrael kienu qegħdin jiċċelebraw quddiem Jehovah b’kull xorta taʼ strumenti.” Michal, il-​mara taʼ David, kellha ħarsa żbilanċjata, għax hi oġġezzjonat għas-​sehem taʼ David fl-​attivitajiet taʼ divertiment. (2 Samwel 6:5, 14-20) Alla bassar li l-​eżiljati li jirritornaw minn Babilonja kienu se jieħdu sehem f’attivitajiet simili taʼ ferħ.—Ġeremija 30:18, 19; 31:4; qabbel Salm 126:2.

6. L-​Iskrittura Griega Kristjana kif tgħinna fil-​ħarsa tagħna lejn id-​divertiment?

6 Aħna wkoll għandna nfittxu li nkunu bbilanċjati dwar id-​divertiment. Per eżempju, napprezzaw aħna li Ġesù ma kienx xi axxetiku? Hu ħa l-​ħin biex jiekol affarijiet riffreskanti, bħal fil-​“festa kbira” li għamel Levi. U meta wħud li kienu jippretenduha taʼ tajbin ikkritikawh għax kien jiekol u jixrob, Ġesù rrifjuta l-​ideat u l-​mogħdijiet tagħhom. (Luqa 6:29-31; 7:33-36) Ftakar, ukoll, li hu attenda tieġ kif ukoll ikkontribwixxa fl-​iffesteġġjar. (Ġwann 2:1-10) Ġuda, hu Ġesù mill-​omm, isemmi li l-​Kristjani kellhom “festi taʼ mħabba,” li milli jidher kienu ikliet fejn uħud fil-​bżonn setgħu jgawdu ikel u sħubija pjaċevoli u rilassanti.—Ġuda 12.

Divertiment Soċjali f’Ħinu u f’Postu

7. Il-​Kelma t’Alla kif tinkuraġġixxi l-​bilanċ rigward id-​divertiment?

7 Ekkleżjasti 10:19 jitkellem b’mod favorevoli dwar ‘ħobż għad-​daħk tal-​ħaddiema u inbid li jagħmel il-​ħajja tifraħ.’ Dak ma jinstemax bħal li kieku d-​divertiment kien inerentement żballjat jew hażin, hux tassew? Iżda, l-​istess ktieb igħid: “Għal kollox hemm ħin maħtur, . . . ħin biex tibki u ħin biex tidħak; ħin biex tnewwaħ u ħin biex taqbeż lil hawn u lil hinn.” (Ekkleżjasti 3:1, 4) Iva, fil-​waqt li ma tikkundannax divertiment xieraq, il-​Bibbja toffrilna twissijiet. Dawn jinkludu pariri biex inżommu d-​divertiment soċjali f’postu rigward ħin u kwantità. Hija twissina wkoll dwar nasbiet li huma ferm komuni f’laqgħat soċjali kbar.—2 Timotew 3:4.

8, 9. Iż-​żmien li ngħixu fih u l-​inkarigu li tana Alla għala għandhom jiġu kkunsidrati rigward id-​divertiment?

8 Aħna nnotajna li l-​Lhud li rritornaw minn Babilonja—li kellhom wisq xogħol iebes x’jagħmlu—kellhom jiehdu sehem f’rikreazzjoni ferrihija. Iżda, Ġeremija qabel kien qal li hu ma kienx se ‘joqgħod bil-​qiegħda fil-​grupp intimu taʼ dawk li jiċċajtaw lanqas jibda jifraħ.’ (Ġeremija 15:17) Hu kien maħtur b’mod divin biex jagħti messaġġ taʼ kastig imminenti, u għalhekk ma kienx il-​ħin maħtur għalih biex joggħod jiddeverti.

9 Il-​Kristjani llum huma maħturin biex jipproklamaw il-​messaġġ t’Alla taʼ tama kif ukoll biex ixandru dwar il-​ġudizzji tiegħu kontra s-​sistema mill-​agħar taʼ Satana. (Isaija 61:1-3; Atti 17:30, 31) B’hekk għandu jkun evidenti li m’għandniex inħallu d-​divertiment li jsir prominenti fil-​ħajjiet tagħna. Nistgħu nipparagunaw dan maʼ niskata melħ jew xi taħwir speċjali li jtejjeb il-​palat tal-​ikel. Se titfaʼ int il-​ħwawar f’ammonti tant kbar li saħansitra jegħlbu lill-​ikel? Dażgur li le. Fi qbil mal-​kliem taʼ Ġesù fi Ġwann 4:34 u Mattew 6:33, it-​tħassib primarju tagħna—l-​istess ikel tagħna—għandu jkun li nagħmlu r-​rieda t’Alla. Mela r-​rikreazzjoni ssir bħall-​ħwawar. Hija għandha tiffriska u ssebbaħ, mhux tgħajjina jew tegħlibna.

10. Għala ikoll kemm aħna għandna neżaminaw mill-​ġdid id-​divertiment tagħna rigward il-​ħin?

10 Ieqaf u kkunsidra, iżda: Ma jgħidux il-​biċċa l-​kbira tan-​nies li l-​ħin u l-​attenzjoni li jagħtu lid-​divertiment huwa moderat? Li kieku kienu jħossuhom mod ieħor, kieku huma għamlu xi aġġustamenti. Ma jissuġġerix dan li kull wieħed minna għandu jieqaf u janalizza bis-​serjetà u bl-​onestà kollha liema post għandu attwalment id-​divertiment fil-​ħajja tagħna? Jistaʼ jagħti l-​fatt li bil-​mod il-​mod sar x’aktarx prominenti? Per eżempju, nixgħelu awtomatikament it-​T.V. hekk kif nidħlu lura d-​dar? Waqajna fid-​drawwa li nwarrbu biċċa ħin ġmielu għad-​divertiment taʼ kull ġimgħa, bħal forsi kull nhar taʼ Ġimgħa jew nhar taʼ Sibt fil-​għaxija? Inħossuna ddiżappuntati jekk jasal dak il-​ħin u nibqgħu d-​dar mingħajr ebda rikreazzjoni ppjanata? Żewġ mistoqsijiet oħrajn: Fil-​jum taʼ wara l-​ħarġa, insibu aħna li bqajna barra tant tard jew li vvjaġġajna tant ’il bogħod li nħossuna mfarrkin, forsi għajjenin wisq biex nieħdu sehem fil-​ministeru Kristjan jew biex nagħtu lill-​imgħallem tagħna ġurnata xogħol tajba? Jekk id-​divertiment tagħna kultant, jew taʼ spiss, għandu dak l-​effett, huwa verament pjaċir xieraq u bbilanċjat?—Qabbel Proverbji 26:17-19.

11. Għala huwa xieraq li nirrevedu n-​natura tad-​divertiment tagħna?

11 Jistaʼ jkun tajjeb li aħna nirrevedu, jerġaʼ, in-​natura tad-​divertiment tagħna. Li aħna qaddejja t’Alla m’hu l-​ebda garanzija li d-​divertiment tagħna hu xieraq. Ikkunsidra dak li kiteb l-​appostlu Pietru lill-​Kristjani midlukin: “Iż-​żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tkunu wettaqtu r-​rieda tal-​ġnus meta ssoktajtu f’għemejjel taʼ kondotta laxka, xenqiet, eċċessi fl-​inbid, xalar żejjed, logħob bix-​xorb, u idolatriji illegali.” (1 Pietru 4:3) Hu ma kienx qed jipponta sebgħu, bħal li kieku, billi jakkuża lil ħutu li huma kienu qegħdin jikkopjaw dak li kienu qegħdin jagħmlu dawk tad-​dinja. Iżda, l-​attenzjoni hija vitali għall-​Kristjani (f’dak iż-​żmien u issa) għaliex wieħed jistaʼ faċilment jaqaʼ vittma taʼ divertiment taʼ ħsara.—1 Pietru 1:2; 2:1; 4:7; 2 Pietru 2:13.

Oqgħod Attent għan-​Nases

12. L-ewwel Pietru 4:3 jenfasizza liema xorta taʼ nassa?

12 Għal liema tip taʼ nassa għandna noqgħodu attenti? Sewwa, Pietru semma “eċċessi fl-​inbid, xalar żejjed, logħob bix-​xorb.” Kummentatur Ġermaniż spjega li l-​kelma Griega wżata “kienet tapplika primarjament għal xorb soċjali fil-​festa.” Professur Żvizzeru kiteb li dawk il-​prattiċi kienu komuni dak iż-​żmien: “Id-​deskrizzjoni żgur tapplika għal-​laqgħat organizzati jew saħansitra każini regulari li fihom kienu jinżammu l-​attivitajiet taʼ mistħija deskritti.”

13. L-​użu tal-​alkoħol fil-​laqgħat kif kien taʼ nassa? (Isaija 5:11, 12)

13 Li jkollok xorb alkoħoliku f’laqgħat soċjali kbar serva taʼ nassa għal ħafna. Mhux għaliex il-​Bibbja tipprojbixxi l-​użu moderat taʼ dan ix-​xorb, għax dan ma tagħmlux. Bħala evidenza taʼ dan, Ġesù għamel l-​inbid f’festa tat-​tieġ f’Kana. Ċertament li ma kienx hemm xorb żejjed, għaliex Ġesù kien jappoġġja l-​parir t’Alla biex jevita li jkun fost dawk li jixorbu żżejjed. (Proverbji 23:20, 21) Imma kkunsidra dan id-​dettall: Id-​direttur tal-​festa qal li f’festi oħrajn inbid tajjeb kien jiġi servut l-​ewwel ‘u meta n-​nies kienu jiskru, l-​inbid inferjuri’ jiġi servut. (Ġwann 2:10) Għalhekk kien komuni għal-​Lhud li jiskru fit-​tiġijiet fejn abbundanza taʼ nbid kien disponibbli għal kulħadd.

14. Kristjani li jistiednu b’liema modi jistgħu jittrattaw man-​nassa li jistaʼ jippreżenta x-​xorb alkoħoliku?

14 Minħabba f’hekk, xi Kristjani li jagħmlu xi ikla ddeċidew li jipprovdu nbid, birra, u xorb alkoħoliku ieħor biss jekk huma jistgħu personalment josservaw x’qegħdin jiġu servuti u x’jikkonsmaw il-​mistednin tagħhom. Jekk grupp huwa akbar minn kemm dak li stieden jistaʼ jikkontrolla personalment, bħat-​tiġijiet Lhud li semmejna, l-​alkoħol fi kwantità jistaʼ jkun nassa perikoluża. Jistaʼ jkun hemm preżenti xi ħadd li ġġieled u għeleb problema bix-​xorb. Tistaʼ tapprezza li aċċess ġenerali u mhux ikkontrollat għall-​alkoħol jistaʼ jittantah biex jixrob żejjed u jirrovina l-​okkażjoni għal kulħadd. Wieħed indokratur u missier fil-​Ġermanja kkummenta li l-​familja tiegħu tibbenefika minn sħubija pjaċevoli f’laqgħat soċjali maʼ sħabhom fit-​twemmin. Hu żied, iżda, li l-​potenzjal għal problemi kien definittivament akbar meta jkun hemm birra kemm trid.

15. Gwida xierqa taʼ laqgħat soċjali kif tistaʼ tinkiseb?

15 It-​tieġ f’Kana kellu “direttur tal-​festa” (Ġwann 2:8) Dan ma jfissirx li xi familja li tistieden grupp taʼ nies f’darhom għal ikla jew għal perijodu taʼ sħubija jkollhom bżonn jaħtru direttur. Ir-​raġel ikun responsabbli biex jindokra l-​avveniment. Imma kemm jekk il-​grupp ikun biss żewġ familji jew xi ftit akbar, għandu jkun ċar li xi ħadd hu responsabbli taʼ dak li jsir. Ħafna ġenituri jiċċekkjaw fuq dan meta binhom jew binthom jiġu mistednin għal laqgħa soċjali. Huma jikkuntattjaw lil dak li jistieden biex jistaqsuh min se jindokra l-​okkażjoni kollha, inkluż li jkun preżenti sat-​tmiem tagħha. Ġenituri Kristjani saħansitra rranġaw l-​iskeda tagħhom biex ikunu preżenti sabiex uħud kbar kif ukoll żgħar jistgħu jgawdu sħubija ugwali.

16. Liema huma xi konsiderazzjonijiet xierqa rigward id-​daqs taʼ laqgħat?

16 Il-​fergħa tal-​Kanada tal-​Watch Tower Society tikteb: “Pariri rigward il-​limitu tad-​daqs taʼ laqgħa soċjali ġie mifhum minn xi anzjani li jfisser li laqgħat kbar f’riċevimenti tat-​tieġ imorru kontra tal-​pariri. Huma kkonkludew li jekk aħna avvżati biex inżommu l-​laqgħat soċjali tagħna f’daqs żgħir u maneġġabbli, ikun ħazin li jkollok 200 jew 300 ruħ f’riċeviment taʼ tieġ.”a Minflok ma jiġi enfasizzat iżżejjed daqs arbitrarju, attenzjoni primarja għandha tingħata għall-​indokrar xieraq, minkejja kemm ikun hemm preżenti. Il-​kwantità taʼ nbid li Ġesù pprovda tindika li grupp mhux ħażin attenda t-​tieġ f’Kana, imma milli jidher kien indokrat kif jixraq. Festi oħrajn f’dak iż-​żmien ma kinux hekk; id-​daqs tagħhom setaʼ kien fattur li wassal għal indokrar inadekwat. Iktar ma tkun kbira laqgħa, iktar kbira l-​isfida, għaliex huwa eħfef għal uħud dgħajfin, li huma inklinati lejn l-​eċċessi, biex jagħmlu taʼ rashom. F’laqgħat mhux indokrati tajjeb huma jistgħu jintroduċu attivitajiet oġġezzjonabbli.—1 Korintin 10:6-8.

17. Bilanċ Kristjan kif jistaʼ jintwera meta tkun qiegħda tiġi ppjanata xi laqgħa?

17 Indokrar tajjeb taʼ laqgħa soċjali tinkludi l-​ippjanar u l-​preparazzjoni tagħha. Dan ma jirrikjedix li toħloq xi tema attraenti biex tagħmilha unika jew memorabbli b’mod li jixbah lil-​parties tad-​dinja, bħalma huma ballijiet bil-​kostum jew parties bil-​maskri. Tistaʼ timmaġina lil Iżraeliti leali fl-​Art Imwegħda jippjanaw festin fejn kulħadd kellu jilbes bħal pagani fl-​Eġittu jew f’xi pajjiż ieħor? Kienu huma se jippjanaw żfin senswali jew mużika sfrenata li forsi kienet popolari fost il-​pagani? Lura ħdejn il-​Muntanja Sinaj, huma veru li waqgħu f’nassa b’mużika u żfin bħalma forsi kienu kurrenti u popolari fi-Eġittu. Aħna nafu kif Alla u l-​qaddej matur tiegħu Mosè qisuh dak id-​divertiment. (Eżodu 32:5, 6, 17-19) Għaldaqstant, min jistieden jew l-​indokratur taʼ avveniment soċjali għandu jikkunsidra jekk hux se jkun hemm xi kant jew żfin; u jekk iva, għandu jkun ċert li huma konsistenti maʼ prinċipji Kristjani.—2 Korintin 6:3.

18, 19. Liema dehen nistgħu niksbu mill-​fatt li Ġesù ġie mistieden għal tieġ, u kif nistgħu napplikaw dan?

18 Fl-​aħħar, aħna niftakru li ‘Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kienu mistednin għall-​festa tat-​tieġ.’ (Ġwann 2:2) Naturalment, Kristjan individwali jew familja jistgħu sempliċement iżuru lil oħrajn biex iqattgħu ftit ħin pjaċevoli u li jibni. Imma għal avvenimenti soċjali ppjanati, l-​esperjenza turi illi li tiddetermina minn qabel min se jkun hemm igħin biex jiġu evitati l-​problemi. L-​importanza taʼ dan kien enfasizzat minn anzjan f’Tennessee, fl-​Istati Uniti, li rabba wlied subien u bniet li huma fil-​ministeru full-time. Qabel ma hu jew martu kienu jaċċettaw xi stedina, jew kienu jagħtu permess lit-​tfal tagħhom biex jattendu,

hu kien jikkuntattja lil min jistieden biex ikun ċert li dawk li se jattendu kienu maħsubin minn qabel. Il-​familja tiegħu ġiet protetta minn nases li waqgħu fihom xi wħud f’laqgħat miftuħin għal kulħadd, kemm jekk xi ikla, picnic, jew ezerċizzju, bħalma hu l-​logħob tal-​ballun.

19 Ġesù skuraġġixxa li tistieden għal laqgħa biss lil tal-​familja, ħbieb antiki, jew uħud taʼ età jew qagħda soċjali simili. (Luqa 14:12-14; qabbel Ġob 31:16-19; Atti 20:7-9.) Jekk int tagħżel bir-​reqqa lil min tistieden, huwa eħfef li tinkludi Kristjani b’varjetà taʼ etajiet u ċirkostanzi differenti. (Rumani 12:13; Ebrej 13:2) Xi ftit minnhom jistgħu jkunu spiritwalment dgħajfin jew uħud ġodda li jistgħu jibbenefikaw minn sħubija maʼ Kristjani maturi.—Proverbji 27:17.

Divertiment f’Postu

20, 21. Id-​divertiment għala jistaʼ b’mod xieraq ikollu post fil-​ħajjiet tagħna?

20 Huwa xieraq għalina bħala nies li għandna l-​biżaʼ t’Alla li nkunu nteressati fid-​divertiment tagħna u li nkunu kkonċernati li dan huwa xieraq u li aħna bbilanċjati fl-​ammont taʼ ħin li nużaw għalih. (Efesin 2:1-4; 5:15-20) Il-​kittieb imnebbaħ taʼ Ekkleżjasti hekk ħassu: “Jien innifsi faħħart il-​ferħ, għaliex il-​bnedmin m’għandhom xejn aħjar taħt ix-​xemx milli jieklu u jixorbu u jifirħu, u li dan għandu jakkumpanjahom fix-​xogħol iebes tagħhom għall-​jiem tal-​ħajja tagħhom, li l-​veru Alla tahom taħt ix-​xemx.” (Ekkleżjasti 8:15) Pjaċiri bbilanċjati bħal dawn jistgħu jiffriskaw lill-​ġisem u jgħinu biex ipattu għall-​problemi u l-​frustrazzjonijiet li huma komuni fis-​sistema preżenti.

21 Biex nagħtu eżempju, pijuniera mill-​Awstrija kitbet lil ħabiba antika: “Kellna ħarġa sabiħa ħafna d-​darba l-​oħra. Madwar 50 minna tlaqna għal ħdejn għadira żgħira ħdejn Ferlach. Ħuna B—mexxa l-​purċissjoni bil-​vann tiegħu quddiem, fejn kellu tliet gradilji tax-​xiwi, siġġijiet jingħalqu, imwejjed, u saħansitra mejda tat-​table-tennis. Verament ħadna pjaċir. Waħda oħt kellha accordion magħha, u għalhekk kien hemm ħafna għanjiet tas-​Saltna. L-​aħwa, żgħar u kbar, ħadu pjaċir bil-​kompanija.” Hi kellha memorji sbieħ taʼ rikreazzjoni ndokrata tajjeb li nżammet ħielsa minn xi nases bħalma huma xorb żejjed jew kondotta laxka.—Ġakbu 3:17, 18.

22. Waqt li ngawdu divertiment soċjali, liema twissija għandna lkoll inżommu quddiemnett fil-​ħsieb tagħna?

22 Pawlu ħeġġigna biex noqgħodu attenti biex ma nċedux għax-​xewqat tal-​laħam imperfett, billi lanqas nagħmlu pjanijiet li jesponuna għat-​tentazzjonijiet. (Rumani 13:11-14) Dak jinkludi pjanijiet għal divertiment soċjali. Meta napplikaw il-​parir tiegħu għal dan, se nkunu nistgħu nevitaw ċirkostanzi li wasslu lil xi wħud għal nawfraġju spiritwali. (Luqa 21:34-36; 1 Timotew 1:19) Minflok, aħna se nagħżlu bil-​għaqal rikreazzjoni bnina li se tgħinna nżommu r-​relazzjoni tagħna m’Alla. Aħna b’hekk se nibbenefikaw minn divertiment soċjali li jistaʼ jitqies bħala wieħed mill-​għotjiet tajbin t’Alla.—Ekkleżjasti 5:18.

[Nota taʼ taħt]

a The Watchtower tal-​15 t’April, 1984, fih pariri bbilanċjati fuq tiġijiet u festi tat-​tieġ. U dawk li se jtejġu, kif ukoll oħrajn li se jgħinuhom, jistgħu b’mod taʼ benefiċċju jirrevedu dan il-​materjal qabel jagħmlu l-​pjanijiet tat-​tieġ tagħhom.

X’Tgħallimna?

◻ Liema ħarsa bbilanċjata nsibu fil-​Bibbja dwar it-​tgawdija taʼ divertiment soċjali?

◻ Għala għandha tingħata konsiderazzjoni għall-​aspett tal-​ħin u n-​natura tad-​divertiment?

◻ Liema huma xi affarijiet li Kristjan li jistieden jistaʼ jagħmel biex igħasses kontra n-​nases?

◻ Jekk ikun xieraq u bbilanċjat, id-​divertiment x’jistaʼ jwettaq għall-​Kristjani?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja