Il-Ħsad tal-Kristianeżmu fl-Afrika
IL-ĦOLMA taʼ Charles Lavigerie li jikkonverti lill-Alġerija f’“ġens Kristjan” uriet li kienet biss hekk—ħolma. Illum, 99 fil-mija tal-popolazzjoni tal-Alġerija huma Musulmani, u l-Kristjaneżmu tilef mis-saħħa tiegħu f’partijiet kbar tal-Afrika taʼ Fuq. Imma xi ngħidu għall-bqija tal-kontinent?
“II-Kristjanità,” isostni Dr. J. H. Kane, f’A Concise History of the Christian World Mission, “irnexxielha tikkonverti lil iktar nies fl-Afrika s-Sewda milli fil-bqija tat-Tielet Dinja kollha f’daqqa.” Madankollu, huma dawn il-persuni kkonvertiti tabilħaqq Kristjani? “Periklu kbir wieħed fil-knisja Afrikana,” jammetti Dr. Kane, “hu l-paganiżmu Kristjan.” Ukoll, l-espressjoni tiegħu “l-knisja Afrikana” huwa isem żballjat. Hemm litteralment eluf taʼ knejjes Afrikani, kull waħda minnhom bil-mod tagħha taʼ qima. Għala?
Jinżergħu Żrieragħ taʼ Nuqqas taʼ Unità
Iż-żrieragħ taʼ nuqqas taʼ unità ġew miżrugħin saħansitra qabel ma l-missjunarji erħewlha lejn l-Arfika. Is-Soċjetà Missjunarja taʼ Londra għażlet membri minn knejjes differenti, u tħaqqiq sħun duttrinali seħħ bejn il-missjunarji matul il-vjaġġ lejn il-ħatriet tagħhom. Il-konflitt kien se jiħrax wara li huma ssetiljaw fl-istazzjonijiet missjunarji tagħhom.
“Il-missjunarji,” jikteb il-Professur Robert Rotberg fil-ktieb tiegħu Christian Missionaries and the Creation of Northern Rhodesia 1880-1924, “iġġieldu bl-aħrax maʼ xulxin u mad-diretturi tagħhom barra l-pajjiż, ġeneralment għad-detriment tal-oġġettivi evanġeliċi tagħhom.... Il-missjunarji milli jidher kienu qed iqattgħu ħin u enerġija jiktbu dwar dan il-ħafna litigar tagħhom daqs kemm kienu qed iqattgħu ħin biex iwettqu konverżjonijiet.”
Xi drabi, il-ħafna litigar tal-missjunarji rriżulta fl-ifformar taʼ missjonijiet rivali. Missjonijiet Kattoliċi u Protestanti kkompetew bl-aħrax għal persuni biex jikkonvertuhom. Nuqqas taʼ unità bħal din bil-fors li kienet se tiġi riflessa fost il-persuni kkonvertiti tagħhom. Maż-żmien miljuni taʼ Afrikani telqu l-knejjes tal-missjoni u fformaw knejjes għalihom.
“Il-Knejjes Indipendenti Afrikani,” jikteb il-kittieb missjunarju tal-istorja Dr. Kane, “jistgħu jinstabu mal-Afrika kollha . . . B’kollox hemm sebat elef gruppi separati f’dan il-moviment.” Il-kompetizzjoni fost il-missjunarji bi twemmin konfliġġenti ma kienx l-uniku kaġun taʼ dan. Fil-ktieb tiegħu The Missionaries, Geoffrey Moorhouse jispjega li kaġun ieħor għar-“riforma s-sewda” kien “il-korla tagħhom kontra s-superjorità bajda.”
Kristjani jew Razzisti Ewropej?
“II-missjunarji,” jammetti Dr. Kane, “kellhom kumpless taʼ superjorità.” Huma “kienu jemmnu li reliġjon Kristjana trid taqbel maʼ kultura Ewropea u tmexxija Ewropea,” igħid Adrian Hastings fil-ktieb tiegħu African Christianity.
Il-Franċiż Charles Lavigerie kien wieħed mill-mexxejja missjunarji li kien jaħsibha hekk. Ieħor kien John Philip, is-supretendent tal-missjonijiet tas-Soċjetà Missjunarja taʼ Londra fin-Nofs in-Nhar tal-Afrika. “Il-missjunarji tagħna,” huwa ftaħar fl-1828, “qed . . . jestendu l-interessi Britanniċi, l-influwenza Britannika, u l-imperu Britanniku. Hu fejn hu li l-missjunarju jħalli l-livell tiegħu fost tribù selvaġġ, jinbtu l-preġudizzji tagħhom kontra l-gvern kolonjali; id-dipendenza tagħhom fuq il-kolonja toktor mill-ħolqien taʼ iktar bżonnijiet artifiċjali; . . . l-industrija, in-negozju, u l-agrikoltura jqumu; u kull wieħed ikkonvertit ġenwinament fosthom . . . isir l-alleat u l-ħabib tal-gvern kolonjali.”
Tiskanta int li l-gvernijiet Ewropej raw lil missjunarji bħal dawn bħala aġenti bżonnjużi għall-espansjoni kolonjali? Min-naħa tagħhom, il-missjunarji ħadu gost bil-konkwista kolonjali tal-Afrika. Bħalma ddikjaraw huma fil-Konferenza Missjunarja Dinjija tal-1910 f’Edinburgh: “Kien . . . ikun impossibbli li dejjem tinqataʼ linja li tifred bejn il-mira tal-missjunarju u l-mira tal-Gvern.”
Ħakmu bħala Slaten fl-Afrika
Biex jinsistu fuq l-awtorità tagħhom, xi missjunarji kienu jistrieħu fuq is-saħħa militari kolonjali. Bliet matul il-kosta xi drabi ġew meqrudin mill-bastimenti tal-gwerra Britanniċi minħabba li n-nies taʼ dawk il-villaġġi rriflutaw li jaċċettaw l-awtorita missjunarja. Fl-1898, Dennis Kemp, missjunarju Weslejan għall-Afrika tal-Punent, esprima “-konvinzjoni soda [tiegħu] li l-Armata Britannika u l-qawwa Navali Britannika llum qed jiġu wżati minn Alla għat-twettieq tal-għan Tiegħu.”
Wara li stabbilixxew lilhom infushom, il-missjunarji xi drabi ħadu f’idejhom poter sekulari fuq mexxejja tat-tribujiet. “Il-missjunarji minn Londra,” jikteb il-Professur Rotberg, “taʼ spiss użaw il-forza biex iżommu l-liġi teokratika tagħhom. Strument favorit li bih kienu juru d-diżapprovazzjoni tagħhom kien iċ-ċikoti, frosta twila magħmula mill-ġilda ibbalzmata tal-warrani tal-ippopotamu. Biha, l-Afrikani kienu jiġu liberament ifflaġellati għal kull ħaġa taʼ xejn.” “Wieħed Afrikan ikkonvertit,” jinnota David Lamb fil-ktieb tiegħu The Africans, “jiftakar dwar missjunarju Anglikan fl-Uganda li kien magħruf bħala Bwana Botri li taʼ spiss kien jinżel mill-pulptu tiegħu matul is-servizz biex jagħti bil-bastun lil dawk li jmorru tard.”
Ixxokkjat minn atti bħal dawn, ċertu missjunarju, James Mackay, bagħat ilment lid-diretturi tas-Soċjetà Missjunarja taʼ Londra. “Minflok ma nitqiesu bħala n-nies bojod li jġorru magħhom l-aħbarijiet tajbin tal-imħabba t’Alla,” wissa hu, “saru jafuna u jibżgħu minna.”
Il-Gwerer Dinjin
“Għal seklu u iktar,” jistqarr il-ktieb The Missionaries, “[L-Afrikani] kien jintqalilhom b’mod persistenti u b’konvinzjoni intensa li l-ġlied u l-istinti slavaġ kollha li kienu juru ma kienx joħroġ frott minnhom u kienu wkoll mill-agħar.” Imbagħad, fl-1914, faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija bejn l-hekk imsejħa nazzjonijiet Kristjani tal-Ewropa.
“II-missjunarji taʼ kważi kull nazzjonalità ġew miġbudin għal ġol-Gwerra l-Kbira,” jispjega Moorhouse. B’għajb għalihom, il-missjunarji ħeġġew lill-Afrikani kkonvertiti minnhom biex iżommu maʼ xi naħa jew oħra. Xi missjunarji saħansitra mexxew lil truppi Afrikani fit-taqbida. L-effett tal-gwerra jiġi esprimut b’mod tajjeb mill-Professur Stephen Neill fil-ktieb tiegħu History of Christian Missions: “In-nazzjonijiet Ewropej, bl-istqarrijiet tagħhom b’leħen għoli għall-monopolju tal-Kristjanità u ċ-ċivilizzazzjoni, bl-amment u ’’mod imħawwad malajr daħlu fi gwerra ċivili li kienet se tħallihom fqar b’mod ekonomiku u mingħajr ħjiel taʼ xi virtù.” “It-Tieni Gwerra Dinjija,” ikompli Neill, “sempliċement temmet dak li l-ewwel waħda kienet diġà wettqet. Il-pretensjonijiet morali tal-Punent urew li kienu foloz; ‘Il-Kristjaneżmu’ ġie mikxuf bħala li ma kienx ħlief ħrafa. Ma kienx iktar possibbli li titkellem dwar ‘il-Punent Kristjan.’”
Wieħed jistaʼ jifhem li r-riforma s-sewda żdiedet wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Imma xi ngħidu dwar l-Afrikani li baqgħu fil-knejjes tal-Kristjaneżmu? Ġew huma minn dak iż-żmien imgħallmin il-verità mill-Bibbja?
Twemmin tal-Antenati Afrikani
Il-missjunarji tal-Kristjaneżmu kkundannaw il-prattiċi reliġjużi Afrikani, bħalma hi dik li jikkonsultaw mas-sħaħar biex iberrdu lill-antenati mejtin tagħhom. Fl-istess ħin, il-missjunarji insistew li l-bnedmin kollha kellhom ruħ immortali. Huma wkoll ġabu ’l quddiem il-venerazzjoni taʼ Marija u l-“qaddisin.” Dan it-tagħlim ikkonferma t-twemmin Afrikan li l-antenati mejtin tagħhom kienu ħajjin. Ukoll, billi vveneraw immaġnijiet reliġjużi, bħalma hu s-salib, il-missjunarji taw ġustifikazzjoni għall-użu Afrikan tal-amuleti bħala mezz taʼ protezzjoni minn spirti ħżiena.
Il-professur C. G. Baëta jispjega fil-ktieb tiegħu Christianity in Tropical Africa: “Huwa possibbli għal wieħed Afrikan li jkanta b’saħħtu kollha fil-knisja, ‘Refuġju ieħor m’għandi l-ebda wieħed’, waqt li għadu jġorr amuleta x’imkien fuq persuntu, jew li jkun jistaʼ jmur mill-knisja dritt għal għand is-saħħar tiegħu, mingħajr ma jħoss li hu qed jittradixxi xi prindipju.”−Qabbel Dewteronomju 18:10-12 u l-1 Ġwann 5:21.
Ħafna missjunarji qalu lill-Afrikani li l-antenati pagani tagħhom kienu qed jiġu ttormentati f’infern tan-nar u l-istess destin kien se jmiss lilhom jekk huma jirrifjutaw li jaċċettaw it-tagħlim missjunarju. Imma d-duttrina tat-turment etern hija f’konflitt mal-istqarrijiet ċari f’dik l-istess Bibbja li l-missjurarJi tant stinkaw biex jittraduċu fil-lingwi Afrikani.—Ġenesi 3:19; Ġeremija 19:5; Rumani 6:23.
Fil-fatt, il-Bibbja tistqarr li l-erwieħ umani midinbin imutu u li “l-mejtin . . . m’huma konxji taʼ xejn affattu.” (Ekkleżjasti 9:5, 10; Eżekjel 18:4) Inkwantu għall-Afrikani li ma kellhomx l-opportunità jisimgħu l-verità tal-Bibbja, għandhom il-prospett taʼ li jiġu inklużi fl-“irxoxt [li ġej] kemm tat-twajbin u kemm taʼ dawk li m’humiex twajbin.” (Atti 24:15) Uħud irxoxtati bħal dawn se jiġu mgħallmin dwar il-provvedimenti t’Alla għas-salvazzjoni. Imbagħad, jekk huma jwieġbu b’apprezzament għall-imħabba t’Alla, huma se jiġu ppremjati bil-ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art.—Salm 37:29; Luqa 23:43; Ġwann 3:16.
Minflok ma għallem dawn il-veritajiet tal-għaġeb tal-Bibbja, il-Kristjaneżmu żvija lill-Afrikani bit-tagħlim falz u bl-ipokrezija reliġjuża. Ċertament, l-irwol li kellhom il-missjunarji tal-Kristjaneżmu fil-konkwista kolonjali tal-Afrika ma jsib ebda appoġġ fil-Bibbja. Għall-kuntrarju, Ġesù qal li s-Saltna tiegħu “ma hi ebda parti minn din id-dinja” u li l-veri segwaċi tiegħu kellhom bl-istess mod ma jkunu “ebda parti mid-dinja.” (Ġwann 15:19; 18:36) Il-Kristjani tal-bidu kienu ambaxxaturi taʼ Ġesù Kristu, mhux tal-gvernijiet dinjin.—2 Korintin 5:20.
B’hekk, il-hsad Afrikan tal-Kristjaneżmu inġenerali huwa wieħed tal-biki, ikkaratterizzat minn nuqqas taʼ għaqda, nuqqas taʼ fiduċja, u “paganiżmu Kristjan” li jaħsdek. Il-vjolenza li mmarkat lil ħafna partijiet “Kristjani” tal-Afrika ċertament li mhix fi qbil mat-tagħlim tal-“Prinċep tal-Paċi.” (Isaija 9:6) Il-frott tax-xogħol tal-Kristjaneżmu fl-Afrika qiegħed f’kuntrast dirett mal-kliem taʼ Ġesù dwar il-veri segwaċi tiegħu. F’talba lil Missieru tas-sema, Ġesù talab li “huma jistgħu jiġu pperfezzjonati f’ħaġa waħda biex id-dinja jistaʼ jkollha l-għarfien li int bgħattni.”—Ġwann 17:20, 23; 1 Korintin 1:10.
Ifisser dan li x-xogħol missjunarju kollu fl-Afrika kien taʼ falliment? Bl-ebda mod. Il-frott mill-aħjar tax-xogħol missjunarju Kristjan veru fl-Afrika u mad-dinja kollha se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss u taʼ warajh.