KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK?
Missjunarji “sa l-Iktar Parti Mbiegħda taʼ l-Art”
1 TAʼ ĠUNJU 2021
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Intom “tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed iwettqu dan ix-xogħol biż-żelu. Madankollu, xi partijiet mid-dinja, inkluż postijiet kbar fejn joqogħdu ħafna nies, għadhom ma rċivewx xhieda bir-reqqa. U xi pajjiżi veru għandhom ftit Xhieda. (Mattew 9:37, 38) X’qegħdin nagħmlu biex nilħqu kemm nistgħu nies?
Biex jgħinna nobdu l-kmand taʼ Ġesù, il-Kumitat tas-Servizz tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova jibgħat missjunarji f’postijiet fejn hemm il-bżonn madwar id-dinja. Fil-preżent, hemm 3,090 missjunarju madwar id-dinja.a Il-biċċa l-kbira minnhom irċivew taħriġ minn xi skola tal-Bibbja, bħall-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna. Il-missjunarji huma lesti li jitilqu djarhom u jmorru f’art barranija. Grazzi għall-maturità tagħhom, għat-taħriġ u l-esperjenza li rċivew, dawn il-missjunarji leali jgħinu biex tinxtered l-aħbar tajba u jagħtu eżempju mill-aħjar lil dixxipli ġodda.
Il-missjunarji jgħinu biex tiġi pritkata l-aħbar tajba fejn hemm bżonn kbir taʼ Xhieda
Ngħinu lill-Missjunarji Jgħinu Oħrajn
F’kull uffiċċju tal-fergħa, il-Field Ministers Desk tad-Dipartiment tas-Servizz jaħdem mal-Kumitat tal-Fergħa biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-missjunarji, bħal li jkollhom dar diċenti, kura tas-saħħa, u xi ħaġa tal-flus għall-ispejjeż tal-ħajja. Matul is-sena taʼ servizz tal-2020, ix-Xhieda taʼ Ġeħova nefqu kważi €23 miljun biex jgħinu lill-missjunarji. Grazzi għal din l-għajnuna, il-missjunarji jistgħu jiffokaw l-attenzjoni u l-enerġija kollha tagħhom fuq il-ministeru, kif ukoll biex isaħħu l-kongregazzjoni tal-lokal.
Il-missjunarji jgħinu biex jissaħħu l-kongregazzjonijiet
Ix-xogħol tal-ippritkar kif ibbenefika minn dawn il-missjunarji? Frank Madsen, li jaqdi fil-Kumitat tal-Fergħa tal-Malawi, jgħid: “Minħabba l-kuraġġ u t-taħriġ li rċivew, il-missjunarji għenu lil xi kongregazzjonijiet biex ikopru territorji diffiċli, bħal meta komunitajiet joqogħdu f’bini b’ħafna sigurtà u fejn in-nies jitkellmu lingwi barranin. Ukoll, l-isforz kbir tagħhom biex jitgħallmu l-lingwa u l-kultura tal-lokal hu taʼ eżempju għal oħrajn. Dan jgħin ukoll liż-żgħażagħ biex jaħsbu dwar li jidħlu fis-servizz full-time. Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova għall-missjunarji.”
Membru tal-Kumitat tal-Fergħa minn pajjiż ieħor jgħid: “Il-missjunarji huma eżempji ħajjin li l-poplu taʼ Ġeħova huwa magħqud mad-dinja kollha. Anke dawk li mhumiex Xhieda jistgħu jaraw ċar li l-kulturi ma jifirduniex, imma li t-tagħlim tal-Bibbja għinna nsiru poplu magħqud.”
Il-missjunarji kif għenu lill-pubblikaturi tal-lokal? Paulo, minn Timor-Leste, japprezza l-missjunarji li marru fil-kongregazzjoni tiegħu. Hu jgħid: “Tagħmel ħafna u ħafna sħana fejn noqogħdu aħna. Imma għalkemm il-missjunarji huma minn post kiesaħ, huma qatt ma jħallu lit-temp iwaqqafhom milli jippritkaw. Filgħodu dejjem ikunu preżenti għal-laqgħat tas-servizz tal-għalqa. Spiss narahom jagħmlu żjajjar lura f’nofsinhar, meta tkun ħafna sħana, u anke filgħaxijiet. Huma għenu lil ħafna nies jitgħallmu l-verità, inkluż lili. Huma jużaw ħajjithom kollha biex jaqdu lil Ġeħova biż-żelu u bl-entużjażmu, u dan jimmotiva lill-kongregazzjoni kollha biex taqdih iktar bis-sħiħ.”
Ketti, pijuniera regulari fil-Malawi, tgħid kif koppja missjunarja għenu lill-familja tagħha: “Meta koppja missjunarja ġiet fil-kongregazzjoni tagħna, jien biss kont Xhud fil-familja tiegħi. Imma din il-koppja appoġġatni ħafna, u saru ħbieb tal-familja tagħna. L-eżempju tajjeb tagħhom għenu lit-tfal tiegħi jaraw illi li jaqdu lil Ġeħova jġibilhom ferħ u sodisfazzjon fil-ħajja. Minħabba l-effett tajjeb li ħallew fuq il-familja tiegħi, it-tliet uliedi bniet qed jaqdu bħala pijunieri regulari u r-raġel beda jattendi l-laqgħat.”
Kif jiġu provduti l-ispejjeż biex jieħdu ħsieb il-missjunarji? Permezz taʼ donazzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja, li ħafna minnhom isiru bil-metodi li qegħdin fuq donate.jw.org. Dawn il-kontribuzzjonijiet ġenerużi huma apprezzati ferm.
a Dawn il-missjunarji jintbagħtu f’kongregazzjonijiet fejn hemm il-bżonn fix-xogħol tal-ippritkar, filwaqt li 1,001 missjunarju ieħor jaqdu fix-xogħol tas-circuit.