LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 5/15 pp. 12-16
  • Nikkultivaw il-Personalità l-Ġdida fiż-Żwieġ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nikkultivaw il-Personalità l-Ġdida fiż-Żwieġ
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Niffaċċjaw l-​Pressjonijiet taż-​Żwieġ
  • Saħħaħ il-​Forza
  • Eżempji taʼ Kondotta Kuntrastanti
  • Saħħaħ ir-​Rabta taż-​Żwieġ
  • Iż-Żwieġ Jistaʼ Jirnexxi fid-Dinja taʼ Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Żommu “Ħabel bi Tlieta” fiż-Żwieġ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Agħmel iż-Żwieġ Tiegħek Unjoni Dejjiema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 5/15 pp. 12-16

Nikkultivaw il-Personalità l-Ġdida fiż-Żwieġ

“Għandkom tiġu mġeddin fil-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħkom, u għandkom tilbsu l-​personalità ġdida.”—EFESIN 4:23, 24.

1. Iż-​żwieġ għala m’għandux jittieħed ħafif ħafif?

IŻ-​ŻWIEĠ hu wieħed mill-​iktar passi serji li wieħed jieħu fil-​ħajja, u għalhekk qatt m’għandu jittieħed ħafif ħafif. Dan għala? Għaliex jirrikjedi rabta għal għomrok maʼ persuna oħra. Ifisser li taqsam ħajtek kollha kemm hi maʼ dik il-​persuna. Ġudizzju matur hu meħtieġ biex dik ir-​rabta tkun waħda b’saħħitha. Jitlob ukoll influwenza pożittiva li ‘tħaddem il-​moħħ u b’hekk issawwar il-​personalità ġdida.’—Efesin 4:23, 24; qabbel Ġenesi 24:10-58; Mattew 19:5, 6.

2, 3. (a) X’inhu meħtieġ biex tagħżel sieħeb jew sieħba bil-​għaqal? (b) X’inhu nvolut fi żwieġ?

2 Hemm raġuni tajba għala mhux tajjeb li tiżżewweġ taʼ malajr, billi tiġi mkaxkar bix-​xewqa qawwija tal-​laħam. Iż-​żmien huwa meħtieġ għall-​personalità adulta u l-​karattru adult biex jiżżviluppaw. Maż-​żmien tiġi ukoll l-​esperjenza u l-​għarfien li jistgħu jservu bħala pedament għal ġudizzju tajjeb. Imbagħad, jekk tagħżel sieħeb jew sieħba kompatibbli jistaʼ jkollok ammont akbar taʼ suċċess. Qawl Spanjol jistqarr b’mod ċar: “Aħjar timxi waħdek milli tkun miżżewweġ ħażin.”—Proverbji 21:9; Ekkleżjasti 5:2.

3 Li tagħżel is-​sieħeb jew is-​sieħba li tkun addattata għalik hu ovvjament fundamentali għal żwieġ taʼ suċċess. Għaldaqstant il-Kristjan irid iżomm f’moħħu l-​gwida tal-Bibbja, billi ma jiġix iggwidat biss b’attrazzjoni fiżika u minn pressjonijiet emozzjonali u romantiċi. Iż-​żwieġ hu wisq iżjed mill-​għaqda flimkien taʼ żewġt iġsma. Huwa l-​għaqda flimkien taʼ żewġ personalitajiet, żewġ familji u sfondi taʼ edukazzjoni, possibilment żewġ kulturi u lingwi. Il-​għaqda taʼ żewġ persuni fiż-​żwieġ ċertament li titlob għall-​użu xieraq tal-​ilsien; bil-​qawwa tal-​kliem, aħna jew inkissru jew nibnu. Għal dan kollu, aħna naraw ukoll il-​għerf tal-​parir taʼ Pawlu biex ‘niżżewġu biss fil-​Mulej,’ jiġifieri lil xi ħadd li jemmen bħalna.—1 Korintin 7:39; Ġenesi 24:1-4; Proverbji 12:18; 16:24.

Niffaċċjaw l-​Pressjonijiet taż-​Żwieġ

4. In-​nuqqas taʼ qbil u t-​tensjoni għala xi drabi jqumu fiż-​żwieġ?

4 Saħansitra b’pedament tajjeb, se jkun hemm mumenti taʼ nuqqas taʼ qbil, pressjoni, u tensjoni. Dawn huma normali għal kwalunkwe persuna, kemm jekk miżżewġa jew le. Problemi ekonomiċi u taʼ saħħa jistgħu jikkaġunaw stress fi kwalunkwe relazzjoni. Bidliet taʼ burdati jistgħu jwasslu għal nuqqas taʼ qbil minħabba l-​personalità fl-​aqwa żwiġijiet. Fattur ieħor hu li ħadd m’għandu kontroll perfett fuq ilsienu, kif stqarr Ġakbu: “Għax aħna lkoll nieħdu gambetta ħafna drabi. Jekk xi ħadd ma jiħux gambetta fil-​kelma, dan hu raġel perfett, kapaċi jrażżan ukoll lil ġismu kollu. . . . L-​ilsien huwa membru ċkejken u madankollu jagħmel ftaħir kbir. Ħares! Kemm trid ftit nar biex tqabbad bosk daqshekk kbir bin-​nar!”—Ġakbu 3:2, 5.

5, 6. (a) X’inhu meħtieġ meta jqum in-​nuqqas taʼ qbil fiż-​żwieġ? (b) Liema azzjoni forsi jkun hemm bżonn li tittieħed biex jitfejjaq xi ksur?

5 Meta jqumu l-​pressjonijiet fiż-​żwieġ, kif nistgħu nikkontrollaw is-​sitwazzjoni? Kif nistgħu nevitaw li nuqqas taʼ ftehim jiżżviluppa fi ġlieda u ġlieda f’relazzjoni mkissra? Dan hu fejn tidħol il-​forza li qiegħda tħaddem il-​moħħ. Dan l-​ispirtu li jqanqal jistaʼ jkun pożittiv jew negattiv, edifikanti u mxaqleb spiritwalment jew degradanti, maħkum minn inklinazzjonijiet tal-​laħam. Jekk huwa edifikanti, l-​individwu se jaġixxi biex ifejjaq il-​ferita, biex iżomm iż-​żwieġ tiegħu jew tagħha fil-​korsa. Argumenti u nuqqasijiet taʼ qbil m’għandhomx itemmu ż-​żwieġ. Il-​problema tistaʼ tiġi ċċarata u jiġu rrestawrati r-​rispett lejn xulxin u l-​ftehim billi jiġu applikati l-​pariri tal-​Bibbja.—Rumani 14:19; Efesin 4:23, 26, 27.

6 Taħt dawn iċ-​ċirkostanzi l-​kliem taʼ Pawlu hu ferm addattat: “Għaldaqstant, bħala l-​uħud magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, tlibbsu bl-​affezzjonijiet teneri taʼ mogħdrija, qalb tajba, umiltà tal-​moħħ, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin liberament jekk xi ħadd għandu x’jilmenta kontra ieħor. Saħansitra bħalma Jehovah ħafer lilkom liberament, hekk agħmlu intom ukoll. Imma, barra minn dawn l-​affarijiet kollha, tlibbsu bl-​imħabba, għax hi rabta perfetta taʼ għaqda.”—Kolossin 3:12-14.

7. Xi problema jistaʼ jkollhom xi wħud fiż-​żwieġ tagħhom?

7 Dak it-​test hu faċli biex jinqara, imma taħt il-​pressjoni tal-​ħajja moderna, mhux dejjem tant faċli biex tapplikah. X’tistaʼ tkun problema bażika? Xi drabi, mingħajr ma jirrealizza, Kristjan jistaʼ jkun qed igħix b’livell doppju. Fis-​Sala tas-​Saltna, hu jinsab fost l-​aħwa, u jaġixxi bil-​qalb tajba u bil-​konsiderazzjoni. Imbagħad, lura d-​dar, fir-​rutina domestika, hu forsi jinsa r-​relazzjoni spiritwali tiegħu. Hemm jeżistu biss ir-​raġel u martu, “hu” u “hi.” U taħt stress hu (jew hi) jispiċċa jgħid affarijiet neqsin mill-​qalb tajba li qatt ma jitlissnu fis-​Sala tas-​Saltna. X’ġara? Għal mument, il-​Kristjanità evaporat. Qaddej t’Alla nesa li hu (jew hi) għadu ħu (jew oħt) Kristjan id-​dar. Il-​forza li qiegħda tħaddem il-​moħħ saret negattiva minflok pożittiva.—Ġakbu 1:22-25.

8. X’jistaʼ jirriżulta meta l-​forza li qiegħda tħaddem il-​moħħ hija negattiva?

8 X’inhu r-​riżultat? Ir-​raġel jistaʼ jieqaf li ‘jgħammar maʼ martu skond il-​għarfien, billi jagħtiha unur bħal li kieku lil reċipjent iktar dgħajjef, il-​femminili.’ Il-​mara forsi ma tibqax tirrispetta lil żewġha; “l-​ispirtu kwiet u kalm” tagħha jintilef. Il-​forza li qiegħda tħaddem il-​moħħ saret fiżika minflok spiritwali. ‘Il-​ħsieb tal-​laħam’ ħa l-​kontroll. Mela, x’jistaʼ jsir biex dik il-​forza li tqanqal tinżamm spiritwali u pożittiva? Irridu nsaħħu l-​ispiritwalità tagħna.—1 Pietru 3:1-4, 7; Kolossin 2:18.

Saħħaħ il-​Forza

9. Liema għażliet għandna x’nagħmlu fil-​ħajja taʼ kuljum?

9 Il-​forza li tqanqal hija l-​inklinazzjoni mentali li tibda taħdem meta nkunu rridu nieħdu xi deċiżjonijiet jew nagħmlu xi għażliet. Il-​ħajja tippreżenta sensiela kontinwa taʼ għażliet​—tajbin jew ħżiena, egoisti jew m’humiex, morali jew immorali. X’se jgħinna biex nieħdu d-​deċiżjonijiet tajbin? Il-​forza li qiegħda tħaddem il-​moħħ jekk din tkun iċċentrata fuq li tagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah. Is-​salmista talab: “Struwini, O Jehovah, fil-​mogħdija tar-​regolamenti tiegħek, biex inkun nistaʼ nosservaha sat-​tmiem.”—Salm 119:33; Eżekjel 18:31; Rumani 12:2.

10. Kif nistgħu nsaħħu b’mod pożittiv il-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħna?

10 Relazzjoni b’saħħitha maʼ Jehovah se tgħinna biex nogħġbuh u nitbiegħdu minn dak li hu ħażin, inkluż in-​nuqqas taʼ fedeltà fiż-​żwieġ. Iżrael ġie nkuraġġit biex ‘jagħmlu dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Jehovah Alla [tagħhom].’ Imma Alla ta wkoll il-​parir: “O maħbubin taʼ Jehovah, obogħdu dak li hu ħażin.” Meta nqisu s-​sebaʼ wieħed mill-​Għaxar Kmandamenti: “Ma tridx tikkommetti adulterju,” l-​Iżraeliti kellhom jobogħdu l-​adulterju. Dak il-​kmandament wera l-​ħarsa stretta t’Alla dwar il-​fedeltà fiż-​żwieġ.—Dewteronomju 12:28; Salm 97:10; Eżodu 20:14; Levitiku 20:10.

11. Kif nistgħu nsaħħu iktar il-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħna?

11 Kif nistgħu nsaħħu iktar il-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħna? Billi napprezzaw attivitajiet u valuri spiritwali. Dak ifisser li rridu nwettqu l-​ħtieġa li nistudjaw il-​Kelma t’Alla regolarment u nitgħallmu li nitgħaxxqu f’li niddiskutu flimkien dwar il-​ħsibijiet u l-​pariri taʼ Jehovah. Is-​sentimenti taʼ qalbna għandhom ikunu bħal dawk tas-​salmista: “B’qalbi kollha fittixtek. Iġġagħalnix nitbiegħed mill-​kmandamenti tiegħek. F’qalbi jien żammejt bħala teżor il-​qawl tiegħek, sabiex inkun nistaʼ ma nidnibx kontra tiegħek. Struwini, O Jehovah, fil-​mogħdija tar-​regolamenti tiegħek, biex jien nistaʼ nosservaha sal-​aħħar. Agħmilni nifhem, biex inkun nistaʼ nosserva l-​liġi tiegħek u biex inkun nistaʼ nżommha bil-​qalb kollha.”—Salm 119:10, 11, 33, 34.

12. Liema affarijiet jistgħu jgħaqqduna f’li nirriflettu l-​moħħ taʼ Kristu?

12 Din il-​għamla taʼ apprezzament lejn il-​prinċipji taʼ tjieba taʼ Jehovah tinżamm mhux biss billi nistudjaw il-​Bibbja imma wkoll billi nieħdu sehem regolarment fil-​laqgħat Kristjani u billi nipparteċipaw fil-​ministeru Kristjan flimkien. Dawn iż-​żewġ influwenzi qawwijin jistgħu kontinwament isaħħu l-​forza li qiegħda tħaddem lill-​imħuħ tagħna biex b’hekk il-​mod taʼ ħajja mhux egoist tagħna dejjem se jirrifletti l-​moħħ taʼ Kristu.—Rumani 15:5; 1 Korintin 2:16.

13. (a) It-​talb għala huwa fattur imprezzabbli f’li jsaħħaħ il-​forza li qiegħda tħaddem il-​moħħ? (b) Ġesù liema eżempju ħalla f’dan ir-​rigward?

13 Fattur ieħor hu dak li jenfasizza Pawlu fl-​ittra tiegħu lill-​Efesin: “B’kull għamla taʼ talb u tħannin . . . ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni fl-​ispirtu.” (Efesin 6:18) Ir-​raġel u l-​mara miżżewġin għandhom bżonn jitolbu flimkien. Taʼ spiss dak it-​talb jiftaħ il-​qalb u jwassal għal konversazzjonijiet sinċieri li jsewwu kwalunkwe ksur. Fi żminijiet taʼ prova u taʼ tentazzjoni, għandna bżonn induru lejn Alla fit-​talb, billi nistaqsuh għall-​għajnuna, għas-​saħħa spiritwali biex nagħmlu dak li hu fi qbil mal-​moħħ taʼ Kristu. Saħansitra Ġesù li kien perfett f’ħafna okkażjonijiet dar lejn Missieru fit-​talb, billi staqsieh għas-​saħħa. It-​talb tiegħu kien mill-​qalb u bil-​qawwa. Bl-​istess mod illum, fi żminijiet taʼ tentazzjoni, nistgħu nsibu saħħa biex nieħdu d-​deċiżjoni ġusta billi nsejħu lil Jehovah biex igħinna nirreżistu x-​xewqa li nċedu għal-​laħam u niċħdu l-​wegħda taż-​żwieġ.—Salm 119:101, 102.

Eżempji taʼ Kondotta Kuntrastanti

14, 15. (a) Ġużeppi kif irreaġixxa għat-​tentazzjoni? (b) X’għen lil Ġużeppi jirreżisti t-​tentazzjoni?

14 Kif nistgħu niffaċċjaw it-​tentazzjoni? F’dan l-​aspett għandna distinzjoni ċara bejn il-​korsa li ħa Ġużeppi u dik taʼ David. Meta l-​mara taʼ Potifar b’mod persistenti pprovat tisseduċi lil Ġużeppi li kien raġel sabiħ u li b’mod evidenti dak iż-​żmien kien għadu mhux miżżewweġ, hu fl-​aħħar weġibha billi qal: “M’hemm ħadd akbar f’din id-​dar minni, u [żewġek] ma żamm lura minni assolutament xejn ħlief lilek, għaliex int martu. Mela kif nistaʼ nikkommetti dan il-​ħażen kbir u attwalment nidneb kontra Alla?”—Ġenesi 39:6-9.

15 X’għen lil Ġużeppi jieħu l-​korsa ġusta meta kien ikun tant faċli li jċedi? Hu kellu forza qawwija li kienet tħaddem lil moħħu. Kien konxju ħafna dwar ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah. Kien jaf li jekk jikkommetti żina maʼ din il-​mara infatwata kien se jkun attwalment dnub mhux biss kontra żewġha imma, iktar importanti, kontra Alla.—Ġenesi 39:12.

16. David kif irreaġixxa għat-​tentazzjoni?

16 B’kuntrast, xi ġralu David? Hu kien raġel miżżewweġ, b’ħafna nisa kif kien permess mil-​Liġi. Lejla waħda hu osserva mill-​palazz tiegħu mara qiegħda tinħasel. Kienet is-​sabiħa Batxiba, il-​mara taʼ Urija. David b’mod ċar kellu għażla taʼ azzjoni​—li jibqaʼ jħares fil-​waqt li x-​xenqa tikber f’qalbu jew li jdur lil hinn u jirrifjuta t-​tentazzjoni. X’għażel li jagħmel? Ġagħalhom iġibuhielu fil-​palazz tiegħu, u kkommetta adulterju magħha. Jerġaʼ agħar minn hekk, hu kompla billi kkaġuna l-​mewt taʼ żewġha.—2 Samwel 11:2-4, 12-27.

17. X’nistgħu nikkonkludu dwar l-​istat spiritwali taʼ David?

17 X’kienet il-​problema taʼ David? Mill-​qrara niedma tiegħu iktar tard f’​Salm 51, nistgħu naslu għal xi fatti. Hu qal: “Oħloq fija saħansitra qalb pura, O Alla, u qiegħed ġewwa fija spirtu ġdid, wieħed sod.” Huwa evidenti li fl-​okkażjoni tat-​tentazzjoni tiegħu, hu ma kellux spirtu pur u sod. Forsi hu kien ittraskura l-​qari tiegħu tal-​Liġi taʼ Jehovah, u bħala riżultat, l-​ispiritwalità tiegħu ddgħajfet. Jew forsi ħalla l-​pożizzjoni u l-​qawwa tiegħu bħala sultan li jikkorrompu l-​ħsieb tiegħu biex b’hekk waqaʼ vittma għal xewqa tal-laħam. Ċertament, il-​forza li kienet qiegħda tħaddem lil moħħu f’dak il-​mument kienet egoista u midinba. B’hekk, hu wasal li rrealizza li kellu bżonn “spirtu ġdid, wieħed sod.”—Salm 51:10; Dewteronomju 17:18-20.

18. Ġesù x’parir ta dwar l-​adulterju?

18 Xi żwiġijiet Kristjani ġew irrovinati għaliex wieħed mill-​imseħbin jew it-​tnejn li huma ħallew lilhom infushom li jaqgħu fi stat taʼ djufija spiritwali simili għal tas-​Sultan David. L-​eżempju tiegħu għandu jwissina kontra li nibqgħu nħarsu lejn mara oħra, jew raġel ieħor, bil-​passjoni, għax dan jistaʼ jwassal għall-​adulterju. Ġesù wera li hu kien jifhem fl-​emozzjonijiet umani f’dan ir-​rigward, għax qal: “Smajtu intom li ntqal, ‘Ma tridx tikkommetti adulterju.’ Imma jien ingħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex ikollu passjoni għaliha diġà kkommetta adulterju magħha f’qalbu.” F’kas bħal dan, il-​forza li qiegħda tħaddem il-​moħħ hija egoista u tal-​laħam, mhix spiritwali. X’jistgħu, allura, jagħmlu l-​Kristjani biex jevitaw l-​adulterju u jżommu ż-​żwiġijiet tagħhom henjin u sodisfaċenti?—Mattew 5:27, 28.

Saħħaħ ir-​Rabta taż-​Żwieġ

19. Żwieġ kif jistaʼ jiġi msaħħaħ?

19 Is-​Sultan Salamun kiteb: “Jekk xi ħadd jistaʼ jegħleb lil wieħed waħdu, tnejn flimkien jistgħu jieħdu waqfa kontra tiegħu. U ħabel bi tlieta ma jistax jinqataʼ fi tnejn malajr.” Ċertament, tnejn fi żwieġ armonjuż jistgħu jieqfu flimkien fi żmien taʼ nkwiet aħjar minn wieħed waħdu. Imma jekk ir-​rabta tagħhom hi bħal ħabel bi tlieta billi jkollha lil Alla fiha, iż-​żwieġ se jkun solidu. U Alla kif jistaʼ jkun fi żwieġ? Billi l-​koppja japplikaw il-​prinċipji u l-​pariri tiegħu għaż-​żwieġ.—Ekkleżjasti 4:12.

20. Liema pariri Bibliċi jistgħu jgħinu lil raġel miżżewweġ?

20 Ċertament, jekk raġel miżżewweġ japplika l-​pariri tat-​testi li ġejjin, iż-​żwieġ tiegħu se jkollu bażi aħjar għal suċċess:

“Intom l-​irġiel miżżewġin, komplu għammru bl-​istess manjiera magħhom skond il-​għarfien, billi tagħtuhom unur bħal li kieku lil reċipjent iktar dgħajjef, il-​femminili, ladarba intom ukoll werrieta magħhom tal-​favur mhux mistħoqq tal-​ħajja, sabiex it-​talb tagħkom ma jkunx imtellef.”—1 Pietru 3:7.

“Irġiel miżżewġin, komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, sewwa sew bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha. B’dan il-​mod l-​irġiel miżżewġin għandhom iħobbu lin-​nisa tagħhom bħall-​iġsma tagħhom stess. Dak li jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu.”—Efesin 5:25, 28.

“[Żewġha] jqum, u jfaħħarha. Hemm ħafna wlied bniet li wrew kapaċità, imma int​—int tlajt fuqhom ilkoll.”—Proverbji 31:28, 29.

“Jistaʼ raġel jimxi fuq il-​ġamar u saqajh infushom ma jkunux mismutin? Bl-​istess mod għal kulmin qiegħed ikollu relazzjonijiet mal-​mara taʼ sieħbu, ebda wieħed li qiegħed imissha ma se jibqaʼ mhux ikkastigat. Kulmin qiegħed jikkommetti adulterju . . . qiegħed iġib lil ruħu għal rovina.”—Proverbji 6:28, 29, 32.

21. Liema pariri Bibliċi jistgħu jgħinu lil mara miżżewġa?

21 Jekk mara miżżewġa tagħti kas tat-​tagħlim Bibliku li ġej, dan se jikkontribwixxi biex iż-​żwieġ tagħha jibqaʼ:

“Intom in-​nisa miżżewġin, kunu sottomessi lejn żwieġkom stess, sabiex, jekk xi wħud m’humiex ubbidjenti lejn il-​kelma, jistgħu jintrebħu mingħajr kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għaliex ikunu raw b’għajnejhom il-​kondotta safja tagħkom flimkien maʼ rispett profond [u] l-​ispirtu kwiet u kalm [tagħkom].”—1 Pietru 3:1-4.

“Ħalli r-​raġel jagħti lill-​mara tiegħu dak li hu tagħha [sesswalment]; imma ħalli l-​mara tagħmel l-​istess mar-​raġel tagħha. . . . Toqogħdux iċċaħħdu lil xulxin minnu, ħlief bi qbil bejn it-​tnejn għal żmien maħtur.”—1 Korintin 7:3-5.

22. (a) Liema fatturi oħrajn jistgħu jeffettwaw lil żwieġ għat-​tajjeb? (b) Jehovah kif iħares lejn id-​divorzju?

22 Il-​Bibbja turi wkoll li l-​imħabba, il-​qalb tajba, il-​mogħdrija, il-​paċenzja, li tifhem, li tinkuraġġixxi, u li tfaħħar huma aspetti essenzjali oħrajn tal-​ġawhra taż-​żwieġ. Żwieġ mingħajrhom hu bħal pjanta mingħajr dawl tax-​xemx u mingħajr ilma​—bil-​mod biex tiffjorixxi. Għalhekk ejjew inħallu l-​forza li qiegħda tħaddem lill-​imħuħ tagħna tqanqalna biex ninkuraġġixxu u niffriskaw lil xulxin fiż-​żwieġ tagħna. Ftakar li Jehovah ‘jobgħod l-​iddivorzjar.’ Jekk l-​imħabba Kristjana qiegħda tiġi pprattikata, m’għandux ikun hemm lok għall-​adulterju u għall-​falliment taż-​żwieġ. Għala? Għaliex “l-​imħabba ma tfalli qatt.”—Malakija 2:16; 1 Korintin 13:4-8; Efesin 5:3-5.

Tistaʼ Tispjega?

◻ X’inhu fundamentali għal żwieġ hieni?

◻ Il-​forza li qiegħda tħaddem il-​moħħ kif tistaʼ teffettwa liż-​żwieġ?

◻ X’nistgħu nagħmlu biex insaħħu l-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħna?

◻ Ġużeppi u David kif aġixxew differenti meta ġew ittantati?

◻ Liema pariri Bibliċi se jgħinu lill-​irġiel u n-​nisa miżżewġin biex isaħħu r-​rabta taż-​żwieġ?

[Stampi f’paġna 13]

Ingħixu aħna b’livelli doppji—qalbna tajba fil-​kongregazzjoni u ħorox fid-​dar?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja