Fejn Tistaʼ Ssib Gwida Li Tafdaha?
“JIEN naf sewwa, O Jehovah, li għall-bniedem taʼ l-art il-mogħdija tiegħu ma tappartjenix lilu. Ma jappartjenix lill-bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-pass tiegħu. Ikkorreġini, O Jehovah.”—Ġeremija 10:23, 24.
Il-kittieb tal-Bibbja Ġeremija kiteb dak il-kliem xi 25 seklu ilu. Il-kundizzjoni tal-biki taʼ l-umanità wara eluf taʼ snin taʼ applikar taʼ gwida umana tagħti prova tal-verità li ma tistax tiċħadha taʼ din l-istqarrija. Imma forsi tistaqsi, ‘Gwida taʼ min jafdaha fejn tistaʼ tinstab?’
L-iskrittura kkwotata hawn fuq tindika sors taʼ gwida u direzzjoni taʼ min jorbot fuqhom li huwa bil-wisq akbar mill-bniedem—il-Ħallieq tal-bniedem, Alla Jehovah. Żgur li ħadd ma jaf kif inhu magħmul il-bniedem u l-ħtiġijiet tiegħu iktar mill-Ħallieq tagħna. Madankollu, huwa Alla interessat f’li jipprovdilna gwida u direzzjoni bħal dawn? Kif jagħmlu dan? Huwa dan prattiku għaż-żminijiet tagħna?
Iddisinnjati Biex Nirċievu Gwida Divina
Huwa fatt magħruf tajjeb li differenza prinċipali li tissepara lill-bniedem mill-annimali tiċċentra fuq l-istruttura, il-kapaċità, u l-funzjonijiet tal-moħħ uman. Fl-annimali kważi l-funzjonijiet ċerebrali kollha ġew ipprogrammati f’dak li ġie msejjaħ għerf istintiv. Dan ma jiġrix fil-każ tal-bnedmin.—Proverbji 30:24-28.
Differenti mill-imħuħ taʼ l-annimali, parti kbira mill-moħħ uman hija ħielsa minn programmi fissi. Alla żejjen lill-bnedmin bil-fakultà taʼ rieda ħielsa, li tagħmilhom kapaċi sabiex jieħdu deċiżjonijiet intelliġenti u biex juru kwalitajiet superjuri, bħalma huma l-imħabba, il-ġenerożità, in-nuqqas taʼ egoiżmu, il-ġustizzja, u l-għerf.
Huwa loġiku li taħseb li Alla kien se joħloq lill-bniedem b’kapaċità mentali bħal din mingħajr ma jipprovdi xi xorta taʼ gwida dwar kif l-aħjar tistaʼ tiġi wżata? Alla ta gwida diretta lill-ewwel bnedmin. (Ġenesi 2:15-17, 19; 3:8, 9) Saħansitra wara l-waqgħa tal-bniedem fid-dnub, Jehovah kompla jiggwida lil irġiel u nisa leali, b’mod l-iktar notevoli permezz tal-Kelma mnebbħa tiegħu stess, il-Bibbja. (Salm 119:105) Dan ippermetta lill-bnedmin biex jiffaċċjaw b’suċċess il-problemi taʼ kuljum tal-ħajja hekk kif jużaw ir-rieda ħielsa tagħhom bil-għaqal.
L-Oriġini Divin Tal-Kitba Tal-Bibbja
X’inhu dak li jagħmel lill-Bibbja sors taʼ gwida taʼ min jafdaha? L-ewwel ħaġa, tippreżenta informazzjoni li l-Ħallieq biss jistaʼ jipprovdiha. Hi tiddeskrivi fil-qosor l-istorja taʼ ġrajjiet li seħħew ferm qabel il-bidu tal-ħajja umana. Per eżempju, tipprovdi l-istorja taʼ kif l-art ġiet ippreparata fi stadji suċċessivi sakemm saret addattata biex issostni l-ħajja umana. (Ġenesi, kapitli 1, 2) Għalkemm dan ġie mniżżel fil-Bibbja iktar minn 3,000 sena ilu, huwa fi qbil mal-konċetti xjentifiċi moderni.
Ħafna qabel ma l-umanità inġenerali aċċettat li l-art kienet tonda, il-Bibbja ddikjarat: “[Alla] qiegħed jifrex it-Tramuntana fuq il-post vojt, billi jdendel l-art fuq xejn.” (Ġob 26:7) Iktar minn hekk, il-Bibbja tirrivela li “hemm Wieħed li qiegħed jgħammar ’il fuq miċ-ċirku taʼ l-art, li dawk li jgħammru fiha huma bħal ġradijiet.” (Isaija 40:22) Alla, il-Ħallieq, biss setaʼ jipprovdi dan id-dettall.
L-abbiltà biex wieħed jara bil-quddiem x’se jiġri m’huwiex għotja li ngħatat lill-bniedem. Minflok, il-Ħallieq ibassar il-futur permezz tal-paġni tal-Bibbja. Alla nebbaħ lill-profeta Isaija biex jikteb Dwaru: “Jiena l-Wieħed Divin u ma hemm ebda Alla ieħor, lanqas ħadd bħali; il-Wieħed li qiegħed iħabbar mill-bidu l-final, u minn żmien twil ilu l-affarijiet li ma ntgħamlux.”—Isaija 46:9, 10.
Il-Bibbja wriet li hi tistaʼ tbassar il-final mill-bidu b’eżattezza taʼ l-għaġeb. Per eżempju, bassret il-qawmien, il-waqgħa, u l-karatteristiċi tal-qawwiet dinjin prinċipali matul l-eluf taʼ snin taʼ storja umana. Dawn il-profeziji straordinarji kienu miktubin sekli qabel it-twettieq tagħhom, f’xi każi eluf taʼ snin qabel. B’hekk il-Bibbja tbassar b’eżattezza ġrajjiet taʼ llum, kif ukoll ir-riżultat finali tagħhom. Il-Bibbja hija unika wkoll għaliex tindika l-mod taʼ salvazzjoni matul il-qerda taʼ gvernijiet imperfetti magħmulin mill-bniedem f’Armageddon, “[il]-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” Is-Saltna t’Alla f’idejn Ibnu, Ġesù Kristu, se twettaq dak l-att hekk kbir.—Rivelazzjoni 16:14, 16; 17:9-18; Danjel, kapitli 2, 8.
Dejjem Taʼ Benefiċċju—Qatt Taʼ Ħsara
Is-sempliċi għerf uman huwa imperfett; għalhekk, il-parir tal-bniedem m’huwiex dejjem taʼ benefiċċju, saħansitra għalkemm jistaʼ jingħata b’intenzjonijiet tajbin. Dan ma jiġrix fil-każ tal-parir tal-Bibbja. Alla nnifsu jgħid: “Jien, Jehovah, jien . . . il-Wieħed li qiegħed jgħallmek biex tibbenefika lilek innifsek, il-Wieħed li qiegħed iġiegħlek tirfes fil-mogħdija li fiha għandek timxi. O kieku biss tagħti kas attwalment il-kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-paċi tiegħek kieku ssir sewwa sew bħal xmara, u t-tjieba tiegħek bħall-mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:17, 18.
Gwida divina tgħinna biex nistabbilixxu l-prijoritajiet u nżommu mal-valuri superjuri fil-ħajja. Waqt li s-soċjetà moderna tpoġġi enfasi fuq kisbiet u miri materjali, il-Bibbja tenfasizza kemm hu taʼ valur għalina li “nżommu għajnejna, mhux fuq l-affarijiet li jidhru, imma fuq l-affarijiet li ma jidhrux. Għax l-affarijiet li jidhru huma temporanji, imma l-affarijiet li ma jidhrux huma għal dejjem.” (2 Korintin 4:18) B’dan il-mod aħna niġu inkuraġġiti biex ikollna l-aqwa miri fil-ħajja, jiġifieri, miri spiritwali f’konnessjoni maʼ li nagħmlu r-rieda t’Alla, billi l-mira aħħarija tkun dik taʼ ħajja eterna f’sistema ġdida taʼ ġustizzja.
Hekk kif il-Kristjan jitħabat biex jiġri wara dawn il-miri taʼ livell għoli, il-parir tal-Bibbja jgħinu biex jgħix l-aqwa xorta taʼ ħajja possibbli f’din is-sistema mill-agħar taʼ affarijiet. L-għerf uman modern għandu t-tendenza li jinkuraġġixxi l-filosofija taʼ li taħdem mill-inqas u taqlaʼ l-iktar li tistaʼ. Mill-banda l-oħra, il-Bibbja tgħidilna li “dak li qiegħed jaħdem b’id merħija ma tantx se jkollu biex jgħix, imma id il-ħabrieki hija dik li tagħmlu għani.” L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani Ebrej: “Aħna fiduċjużi li għandna kuxjenza onesta, billi nixtiequ nġibu rwieħna bl-onestà fl-affarijiet kollha.”—Proverbji 10:4; Ebrej 13:18.
Il-Bibbja tagħti wkoll parir prattiku fuq l-arranġament tal-familja. Hija tistabbilixxi speċifikament l-irwol kemm tal-mara kif ukoll tar-raġel fl-arranġament taż-żwieġ, kif ukoll il-mod korrett kif trabbi u teduka lit-tfal. Hija tgħid: “L-irġiel miżżewġin għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom bħal ġisimhom stess. . . . Mill-banda l-oħra, il-mara għandha jkollha rispett profond lejn żewġha. Tfal, kunu ubbidjenti lejn il-ġenituri tagħkom . . . Intom, missirijiet, tkunux qegħdin tirritaw lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u r-regular mentali taʼ Jehovah.” Li wieħed isegwi l-parir superjuri tal-Ħallieq jikkontribwixxi bil-kbir għall-istabbilità u l-hena tal-familji.—Efesin 5:21–6:4.
Futur Fiż-Żgur Għal Dawk Li Jsegwu L-Gwida T’Alla
Il-Kelma miktuba t’Alla tindika s-soluzzjoni li Alla għandu għall-problemi kollha taʼ l-umanità. Fil-qrib ferm Alla Jehovah se jelimina lis-sistema preżenti taʼ affarijiet, bl-uġigħ, bl-inġustizzja u bit-tbatijiet kollha tagħha, u minflokha se jdaħħal is-sistema ġdida tiegħu taʼ tjieba. Il-Bibbja tiddeskrivi dan fit-2 Pietru 3:7-10, billi żżid fil-vers 13: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qegħdin nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn it-tjieba għandha tgħammar.” Dan jikkostitwixxi bil-kbir l-aqwa aħbar tajba li qatt tistaʼ tingħata lill-familja umana. Huwa preċiżament il-messaġġ li l-Bibbja tippreżenta u li x-Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw f’iktar minn 200 art u gżira tal-baħar.
Meta r-rieda t’Alla tiġi pprattikata fuq l-art kollha, il-familja umana kollha kemm hi se tibbenefika billi ssegwi l-gwida eċċellenti tal-Ħallieq tagħha, Jehovah. Qatt iktar ma se jkun hemm problemi taʼ faqar, kriminalità, u drogi. L-umanità qatt iktar ma se tiġi mifluġa bil-mard, xjuħija, u mewt. Il-familja umana se tkun mgħollija għall-perfezzjoni li l-ewwel ġenituri tagħna kellhom qabel ma rribellaw kontra l-gwida t’Alla.
L-aħħar ktieb tal-Bibbja kemm jiġborha fil-qosor b’mod tajjeb il-kundizzjoni taʼ dawk li jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-gwida divina! Rivelazzjoni 21:4, 5 jgħid: “[Alla] se jimsaħ għalkollox kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt mhix se tkun iżjed, u la għali u la għajjat u lanqas uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.” Il-Ħallieq tagħna ggarantieh dak, billi jgħid: “Ħares! Qiegħed nagħmel l-affarijiet kollha ġodda.” Hu jżid: “Dawn il-kelmiet huma leali u veri.”
Jekk aħna se nirċievu dawn il-barkiet, Alla x’jistenna minna? L-appostlu Pawlu jispjega li r-rieda t’Alla hi li “kull xorta taʼ nies għandhom jiġu salvati u jiġu għal għarfien eżatt tal-verità.” (1 Timotew 2:4) Ix-Xhieda taʼ Jehovah b’mod kordjali jistednuk biex tikseb dak l-għarfien eżatt tal-verità permezz taʼ studju bir-reqqa tal-Bibbja. Billi b’mod diliġenti titgħallem dwar ir-rieda divina, inti wkoll tistaʼ ssib permezz taʼ l-esperjenza li l-għerf divin huwa l-uniku gwida taʼ min joqgħod fuqha f’dawn iż-żminijiet perikolużi. L-urġenza taż-żminijiet jagħmilha iktar imperattiva minn qatt qabel biex issegwiha! (w94 4/15)