Għalfejn Din is-Segretezza Kollha?
“XEJN m’huwa taʼ piż daqs sigriet.” Jew għall-inqas hekk isostni proverbju Franċiż. Jistaʼ dan jispjega għala nħossuna tajjeb meta nkunu nafu xi sigriet imma xi kultant frustrati meta ma nistgħux nitkellmu dwaru? Madankollu, matul is-sekli ħafna nies għoġbithom is-segretezza, billi ngħaqdu flimkien fi gruppi sigrieti fit-tfittxija għal għan komuni.
Fost l-iktar bikrin minn dawn is-soċjetajiet sigrieti kien hemm il-kulti misterjużi misjubin fl-Eġittu, fil-Greċja, u f’Ruma. Iktar tard xi wħud minn dawn il-gruppi tbiegħdu mill-influwenza reliġjuża tagħhom u adottaw xejriet politiċi, ekonomiċi jew soċjali. Per eżempju, meta ġew ifformati għaqdiet fl-Ewropa Medjevali, il-membri tagħhom irrikorrew għas-segretezza primarjament għall-protezzjoni ekonomika tagħhom infushom.
Għaqdiet sigrieti fiż-żminijiet moderni taʼ spiss ġew ifformati għal raġunijiet xi ftit jew wisq onorabbli, possibbilment għal “skopijiet soċjali u benevolenti,” skond l-Encyclopædia Britannica, u “biex iwettqu programmi karitattivi u edukattivi.” Xi organizzazzjonijiet fraterni, klabbijiet taż-żgħażagħ, klabbijiet soċjali, u gruppi oħrajn huma wkoll sigrieti, jew għall-inqas sigrieti parzjalment. Ġeneralment, dawn il-gruppi ma jkollhomx intenzjoni li jagħmlu d-deni, ladarba l-membri tagħhom sempliċement isibu s-segretezza eċċitanti. Ir-riti sigrieti tal-bidu għandhom appell emozzjonali qawwi u jsaħħu l-għaqda taʼ sħubija u l-unità. Il-membri jakkwistaw sentiment taʼ li jappartjenu lil xi ħaġa u sens taʼ skop. Soċjetajiet sigrieti taʼ din ix-xorta normalment m’humiex taʼ theddida għal dawk li m’humiex membri. Dawn taʼ l-aħħar ma jkunu qegħdin jitilfu xejn għax ma jkunux jafu s-sigrieti.
Meta S-Segretezza Tindika L-Periklu
Mhux il-gruppi sigrieti kollha huma sigrieti sa l-istess grad. Imma dawk li għandhom “sigrieti ġewwa sigrieti,” bħalma tesprimiha l-Encyclopædia Britannica, huma taʼ periklu partikulari. Din tispjega li “bl-użu taʼ ismijiet speċjali, provi jew rivelazzjonijiet,” membri fl-ogħla gradi jirnexxilhom “jinqatgħu għalihom infushom,” u b’hekk jistimulaw “lil dawk tal-gradi iktar baxxi ħalli jagħmlu l-isforz neċessarju biex jilħqu l-gradi iktar għoljin.” Il-periklu inerenti fi gruppi bħal dawn huwa ovvju. Dawk fil-gradi iktar baxxi għandhom mnejn ikunu kompletament fl-għama taʼ l-objettivi reali taʼ l-organizzazzjoni, billi ma jkunux għadhom ipprogressaw għal dak il-livell taʼ rivelazzjoni. Huwa faċli li tiġi involut fi grupp li l-għanijiet u l-metodi tiegħu taʼ kif jilħaqhom, huma magħrufin minnek parzjalment u, tabilħaqq, forsi lanqas saħansitra ma tkun informat għalkollox bihom. Imma l-persuna li tkun ġiet introdotta fi grupp bħal dan għandha mnejn issibha diffiċli li tillibera lilha nfisha; hi tkun, biex ngħidu hekk, marbuta bil-ktajjen tas-segretezza.
Is-segretezza turi saħansitra periklu akbar, madankollu, meta grupp isegwi għanijiet illegali jew kriminali u għalhekk jipprova jaħbi l-istess eżistenza tiegħu. Jew jekk l-eżistenza u l-miri ġenerali tiegħu jiġu magħrufin, għandu mnejn li jipprova jżomm lill-membri tiegħu u l-pjani tiegħu għall-futur qarib, sigrieti. Dan huwa veru dwar gruppi terroristiċi b’motivazzjoni qawwija u li perjodikament jaħsdu d-dinja bl-attakki terroristiċi tagħhom.
Iva, is-segretezza tistaʼ tkun perikoluża, kemm għal individwi u kemm għas-soċjetà inġenerali. Aħseb ftit dwar il-gruppi sigrieti taʼ żgħażagħ li b’mod vjolenti jaħbtu għal vittmi innoċenti, l-assoċjazzjonijiet kriminali bħall-Mafja sigrieta, il-gruppi li jippromwovu s-supremazija tal-bojod bħall-Ku Klux Klan,a biex ma nsemmux il-ħafna gruppi terroristiċi madwar id-dinja li jkomplu jfixklu l-isforzi biex jiġu milħuqin il-paċi u s-sigurtà dinjin.
X’Inhuma Jagħmlu Issa?
Matul is-snin ħamsin, bħala riżultat tal-Gwerra Bierda, gruppi sigrieti ġew organizzati f’diversi pajjiżi fl-Ewropa tal-Punent biex jaqdu bħala l-bażi għall-movimenti tar-reżistenza, li ma jmorrux xi darba s-Sovjetiċi jipprovaw jikkonkwistaw lill-Ewropa tal-Punent. Skond ir-rivista taʼ l-aħbarijiet Ġermaniża Focus, per eżempju, “79 maħżen sigriet taʼ l-armi” ġew stabbiliti fl-Awstrija matul dan il-perijodu. Mhux il-pajjiżi Ewropej kollha kienu saħansitra konxji taʼ dawn il-gruppi. Rivista taʼ l-aħbarijiet b’mod realistiku rrapportat fil-bidu tas-snin disgħin: “Għadu mhux magħruf kemm għad baqaʼ minn dawn l-organizzazzjonijiet illum u x’setgħu kienu qegħdin jagħmlu dan l-aħħar.”
Iva, tabilħaqq. Min jistaʼ tassew ikun jaf kemm-il grupp sigriet għandhom mnejn f’dan il-mument stess qegħdin jikkaġunaw theddida akbar milli qatt nistgħu nimmaġinaw?
(w97 6/1)
[Nota taʼ taħt]
a Dan il-grupp Amerikan żamm xi ftit mill-elementi reliġjużi taʼ soċjetajiet sigrieti iktar bikrin billi uża salib jaqbad bħala s-simbolu tiegħu. Fil-passat, dan il-grupp għamel attakki bil-lejl, il-membri tiegħu lebsin ġagagi u lożor bojod u żvogaw ir-rabja tagħhom kontra s-suwed, il-Kattoliċi, il-Lhud, l-istranġieri, u l-għaqdiet tal-ħaddiema.