Ġerusalemm li Ġġib Unur lil Isimha
“Jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad noħloq jien. Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-hena.”—ISAIJA 65:18.
1. Esdra kif ħassu dwar il-belt magħżula t’Alla?
BĦALA student ħerqan tal-Kelma t’Alla, Esdra, il-qassis Lhudi, kien jgħożż il-konnessjoni li Ġerusalemm darba kellha mal-qima pura taʼ Jehovah. (Dewteronomju 12:5; Esdra 7:27) Imħabbtu lejn il-belt t’Alla hija rrivelata fil-porzjon mill-Bibbja li kien ġie mnebbaħ jikteb—l-Ewwel u t-Tieni Kronaki u Esdra. F’dawn ir-rekords storiċi, l-isem Ġerusalemm jinstab kważi l-kwart mill-iktar mit-800 darba li jidher fil-Bibbja kollha kemm hi.
2. Liema tifsir profetiku nistgħu naraw fis-sinjifikat taʼ l-isem Ġerusalemm?
2 Bl-Ebrajk Bibliku, “Ġerusalemm” tistaʼ tinftiehem bħala li qiegħda f’għamla tal-lingwa Ebrajka li tissejjaħ id-doppja. Id-doppja tintuża l-iktar għal oġġetti li jiġu f’pari, bħal għajnejn, widnejn, idejn, u saqajn. F’din l-għamla doppja, l-isem Ġerusalemm jistaʼ jitqies bħala profetiku għal paċi li l-poplu t’Alla kellu jesperjenza f’sinjifikat doppju—spiritwalment u fiżikament. L-Iskrittura ma tirrivelax jekk Esdra fehemx dan bis-sħiħ. Iżda, bħala qassis, hu għamel l-aħjar tiegħu biex jgħin lil-Lhud igawdu paċi m’Alla. U ċertament li ħadem iebes sabiex Ġerusalemm iġġib unur lis-sinjifikat taʼ isimha, jiġifieri, “Pussess [jew, Pedament] taʼ Paċi Doppja.”—Esdra 7:6.
3. Kemm jgħaddu snin sakemm nerġgħu niġu introdotti maʼ l-attivitajiet taʼ Esdra, u f’liema ċirkustanzi nsibuh?
3 Il-Bibbja ma tgħidx fejn kien Esdra matul it-12-il sena li għaddew bejn iż-żjara tiegħu f’Ġerusalemm u l-wasla taʼ Neħemija fil-belt. Il-qagħda spiritwali fqira tan-nazzjon matul dak iż-żmien tissuġġerixxi li Esdra ma kienx hemmhekk. Madankollu, insibu lil Esdra jaqdi mill-ġdid bħala qassis leali f’Ġerusalemm eżatt wara li nbnew mill-ġdid is-swar tal-belt.
Jum Meraviljuż taʼ Assemblea
4. Liema sinjifikat kellu l-ewwel jum tas-sebaʼ xahar taʼ Iżrael?
4 Is-swar taʼ Ġerusalemm tlestew eżatt fil-ħin għax-xahar importanti taʼ festi, Tixri, is-sebaʼ xahar fil-kalendarju reliġjuż taʼ Iżrael. L-ewwel jum taʼ Tixri kien festa speċjali tal-qamar ġdid imsejħa Festa tad-Daqq taʼ Trombi. F’dak il-jum, qassisin kienu jdoqqu t-trombi fil-waqt li kienu jiġu offruti sagrifiċċji lil Jehovah. (Numri 10:10; 29:1) Dan il-jum ħejja lill-Iżraeliti għall-Jum l-Espjazzjoni annwali fl-10 taʼ Tixri u l-Festa ferriħija tal-Ġabra mill-15 sal-21 taʼ l-istess xahar.
5. (a) Esdra u Neħemija kif għamlu użu tajjeb minn “l-ewwel tas-sebaʼ xahar”? (b) L-Iżraeliti għala bkew?
5 Fl-“ewwel tas-sebaʼ xahar,” “il-poplu kollu” nġemaʼ, x’aktarx minħabba li ġie inkuraġġit biex jagħmel dan minn Neħemija u Esdra. Kienu inklużi rġiel, nisa, u dawk kollha “li kienu jifhmu dak li jisimgħu.” B’hekk, tfal żgħar kienu preżenti u attenti waqt li Esdra, wieqaf fuq podju, qara l-Liġi “mis-sebħ sa nofsinhar.” (Neħemija 8:1-4) F’intervalli regulari, il-Leviti għenu lin-nies jifhmu dak li kien qed jinqara. Dan ġab id-dmugħ f’għajnejn l-Iżraeliti hekk kif irrealizzaw kemm kienu naqsu bl-ikrah huma u missirijiethom milli jobdu l-Liġi t’Alla.—Neħemija 8:5-9.
6, 7. Il-Kristjani x’jistgħu jitgħallmu minn dak li għamel Neħemija biex ma jħallix lil-Lhud jibku?
6 Imma dan ma kienx il-waqt għal biki taʼ niket. Kien jum taʼ festa, u l-poplu kien għadu kif lesta l-bini mill-ġdid tas-swar taʼ Ġerusalemm. Għalhekk, Neħemija għenhom ikollhom l-attitudni xierqa billi qalilhom: “Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewwdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom.” B’ubbidjenza, “il-poplu kollu telaq biex jiekol u jixrob, u jibgħat jaqsam maʼ ħaddieħor, u biex jagħmel festa b’ferħ kbir, għax kien fehem dak kollu li kienu għallmuh.”—Neħemija 8:10-12.
7 In-nies t’Alla llum jistgħu jitgħallmu ferm minn dan ir-rakkont. Dawk ipprivileġġati li jkollhom parti fil-laqgħat u fl-assembleat għandhom iżommu f’moħħhom dan li ssemma. Minbarra li jipprovdu pariri korrettivi li xi drabi huma neċessarji, dawn l-okkażjonijiet jenfasizzaw il-barkiet u l-benefiċċji li jiġu meta wieħed iwettaq il-ħtiġijiet t’Alla. Jingħata tifħir għal xogħlijiet eċċellenti li jkunu saru u jiġi pprovdut inkuraġġiment biex ilkoll nissaportu. In-nies t’Alla għandhom jitilqu minn laqgħat bħal dawn b’ferħ fi qlubhom minħabba l-istruzzjoni edifikanti li jkunu ħadu mill-Kelma t’Alla.—Lhud 10:24, 25.
Laqgħa Ferriħija Oħra
8, 9. Liema laqgħa speċjali seħħet fit-tieni jum tas-sebaʼ xahar, u x’riżultat kellha għall-poplu t’Alla?
8 Fit-tieni jum taʼ dak ix-xahar speċjali, “ltaqgħu għand Esdra l-iskriba, il-kapijiet tal-familji tal-poplu kollu, il-qassisin, u l-Leviti, biex jistudjaw kliem il-Liġi.” (Neħemija 8:13) Esdra kien ikkwalifikat tajjeb biex jikkonduċi din il-laqgħa, ladarba hu “kien ingħata minn qalbu għall-istudju tal-Liġi tal-Mulej, għall-osservanza tagħha, u għat-tagħlim tad-digrieti u l-preċetti tagħha lil Iżrael.” (Esdra 7:10) Bla dubju, din il-laqgħa ġibdet l-attenzjoni lejn oqsma fejn il-poplu t’Alla kellu bżonn jikkonforma iżjed mill-qrib mal-patt tal-Liġi. Ħaġa li kienet tikkonċernahom immedjatament kienet il-ħtieġa li jagħmlu tħejjijiet xierqa biex jiċċelebraw il-Festa taʼ l-Għerejjex li kienet riesqa.
9 Din il-festa li kienet iddum ġimgħa, inżammet kif suppost, billi l-poplu kollu għammar f’postijiet taʼ kenn temporanji magħmulin mill-friegħi u l-weraq taʼ diversi siġar. In-nies waqqfu dawn l-għerejjex fuq il-bjut u fil-btieħi tagħhom, fil-btieħi tat-tempju, u fil-pjazez taʼ Ġerusalemm. (Neħemija 8:15, 16) Kemm kienet opportunità eċċellenti din biex jiġu miġburin in-nies u tinqralhom il-Liġi t’Alla! (Qabbel Dewteronomju 31:10-13.) Dan kien isir kuljum, “mill-ewwel jum sa l-aħħar jum” tal-festa, u rriżulta f’“ferħ kbir” min-naħa tal-poplu t’Alla.—Neħemija 8:17, 18.
M’Għandniex Nittraskuraw id-Dar t’Alla
10. Għala ġiet organizzata laqgħa speċjali fl-24 jum tas-sebaʼ xahar?
10 Hemm il-ħin u l-post xieraq biex jiġu kkoreġuti nuqqasijiet serji fost il-poplu t’Alla. Milli jidher, billi rrealizzaw li dan kien ħin addattat, Esdra u Neħemija organizzaw jum taʼ sawm fl-24 tax-xahar taʼ Tixri. Għal darb’oħra nqrat il-Liġi t’Alla, u n-nies stqarrew dnubiethom. Imbagħad il-Leviti rrevedew il-modi kif Alla aġixxa bi ħniena mal-poplu xxellerat tiegħu, għamlu espressjonijiet sbieħ taʼ tifħir lil Jehovah, u għamlu “ftehim bil-miktub” ivverifikat permezz tas-siġill tal-prinċpijiet, il-Leviti, u l-qassisin tagħhom.—Neħemija 9:1–10:1 [Neħemija 9:1-38, NW].
11. Il-Lhud maʼ liema “ftehim bil-miktub” intrabtu?
11 In-nies in ġenerali ħadu ġurament li jwettquh il-“ftehim bil-miktub.” Huma kienu se ‘jimxu skond il-Liġi t’Alla veru.’ U qablu li ma jagħmlux rabtiet taʼ żwieġ man-“nies taʼ l-art.” (Neħemija 10:29-31 [Neħemija 10:28-30, NW]) Iktar minn hekk, il-Lhud intrabtu li josservaw is-Sabat, li jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja annwali b’appoġġ għall-qima vera, li jipprovdu njam għall-artal tas-sagrifiċċju, li jagħtu l-ewwel imwieled mill-merħliet tagħhom għas-sagrifiċċji, u li jġibu l-ewwel prodott taʼ arthom fil-kmamar taʼ l-ikel tat-tempju. Jidher ċar li kienu ddeterminati li ‘ma jitilqux it-tempju t’Alla tagħhom.’—Neħemija 10:33-40 [Neħemija 10:32-39, NW].
12. X’inhu involut f’li ma nittraskurawx id-dar t’Alla llum?
12 Illum in-nies taʼ Jehovah jridu joqogħdu attenti li ma jittraskurawx il-privileġġ tagħhom li ‘jaqdu’ fil-btieħi tat-tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah. (Apokalissi 7:15) Dan jinvolvi talb regulari mill-qalb għall-avvanz tal-qima taʼ Jehovah. Li ngħixu fi qbil maʼ talb bħal dan jirrikjedi preparazzjoni għal-laqgħat Kristjani u parteċipazzjoni fihom, li nieħdu sehem f’arranġamenti biex nippridkaw l-aħbar tajba, u li ngħinu lil nies li juru interess billi nerġgħu nżuruhom u, jekk inhu possibbli, nikkonduċu studji tal-Bibbja magħhom. Ħafna li ma jridux jittraskuraw id-dar t’Alla jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji għax-xogħol taʼ l-ippridkar u l-manutenzjoni taʼ postijiet taʼ qima vera. Aħna wkoll forsi nkunu nistgħu nagħtu l-appoġġ tagħna fil-bini taʼ postijiet għal-laqgħat li huma meħtiġin b’mod urġenti kif ukoll biex inżommuhom indaf u preżentabbli. Mod importanti kif nuru mħabba għad-dar spiritwali t’Alla huwa billi naħdmu għall-paċi fost kredenti sħabna u li ngħinu lil kulmin hu fil-bżonn taʼ għajnuna materjali jew spiritwali.—Mattew 24:14; 28:19, 20; Lhud 13:15, 16.
Inawgurazzjoni Ferriħija
13. Liema kwistjoni urġenti kienet tirrikjedi l-attenzjoni qabel ma setgħu jiġu inawgurati s-swar taʼ Ġerusalemm, u ħafna liema eżempju eċċellenti pprovdew?
13 Il-“ftehim bil-miktub” issiġillat fi żmien Neħemija ħejja lill-poplu t’Alla tal-qedem għall-jum taʼ l-inawgurazzjoni tas-swar taʼ Ġerusalemm. Imma kwistjoni urġenti oħra kienet għadha teħtieġ l-attenzjoni. Issa magħluqa bi swar kbar li kien fihom 12-il bieb, Ġerusalemm kellha bżonn popolazzjoni akbar. Għalkemm xi Iżraeliti kienu jgħixu hemmhekk, “il-belt kienet kbira u l-medda tagħha kienet ġmielha, imma n-nies li kienu jgħixu fiha kienu ftit.” (Neħemija 7:4) Biex isolvu din il-problema, “il-poplu tellaʼ x-xorti biex wieħed minn kull għaxra minnhom iġibuh joqgħod Ġerusalemm, il-belt qaddisa.” Ir-rispons volontarju għal dan l-arranġament qanqal lill-poplu biex ibierek “l-irġiel li minn rajhom iddeċidew li joqogħdu Ġerusalemm.” (Neħemija 11:1, 2) X’eżempju eċċellenti għal adoraturi veri llum li ċ-ċirkustanzi tagħhom jippermettulhom imorru joqogħdu fejn hemm bżonn akbar għal għajnuna Kristjana matura!
14. X’seħħ dak in-nhar li ġew inawgurati s-swar taʼ Ġerusalemm?
14 Malajr bdew tħejjijiet importanti għall-jum il-kbir taʼ l-inawgurazzjoni tas-swar taʼ Ġerusalemm. Inġabru mużiċisti u kantanti mill-ibliet taʼ Ġuda li kienu mad-dawra taʼ Ġerusalemm. Dawn ġew ifformati f’żewġ korijiet kbar taʼ radd il-ħajr, li kull wieħed kellu jkun segwit minn purċissjoni. (Neħemija 12:27-31, 36, 38) Il-korijiet u l-purċissjonijiet telqu minn post fuq is-sur li kien l-iktar imbiegħed mit-tempju, probabbli minn Bieb il-Wied, u mmarċjaw f’direzzjonijiet opposti sakemm iltaqgħu fid-dar t’Alla. “Dak in-nhar il-poplu offra sagrifiċċji kbar, u kulħadd kien ferħan għax Alla kien imliehom b’ferħ kbir. Ferħu wkoll in-nisa tagħhom u wliedhom, u l-għajat taʼ ferħ f’Ġerusalemm kien jinstemaʼ mill-bogħod.”—Neħemija 12:43.
15. Id-dedikazzjoni tas-swar taʼ Ġerusalemm għala ma kinitx raġuni għal ferħ permanenti?
15 Il-Bibbja ma tagħtix id-data taʼ din iċ-ċelebrazzjoni ferriħija. Bla dubju, din kienet punt prinċipali, jekk mhux il-quċċata, tar-restawr taʼ Ġerusalemm. M’għandniex xi ngħidu, kien hemm bżonn taʼ ħafna xogħol taʼ bini ġewwa l-belt. Maż-żmien, iċ-ċittadini taʼ Ġerusalemm tilfu l-waqfa spiritwali eċċellenti tagħhom. Per eżempju, meta Neħemija żar il-belt għat-tieni darba, hu sab li d-dar t’Alla kienet qiegħda tiġi ttraskurata mill-ġdid u li l-Iżraeliti kienu għal darb’oħra qed jiżżewġu nisa pagani. (Neħemija 13:6-11, 15, 23) Dawn l-istess kundizzjonijiet ħżiena huma kkonfermati fil-kitbiet tal-profeta Malakija. (Malakija 1:6-8; 2:11; 3:8) Għalhekk, id-dedikazzjoni tas-swar taʼ Ġerusalemm ma kinitx raġuni għal ferħ permanenti.
Raġuni għal Ferħ Etern
16. Liema ġrajjiet kulminanti qed jantiċipa l-poplu t’Alla?
16 Illum, il-poplu taʼ Jehovah jixxennaq għaż-żmien meta Alla jittrijonfa fuq l-għedewwa tiegħu kollha. Dan se jibda bil-qerda taʼ “Babilonja l-Kbira”—belt figurattiva li tħaddan kull għamla taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 18:2, 8) Il-qerda tar-reliġjon falza se tindika l-ewwel fażi tat-tribulazzjoni l-kbira li ġejja. (Mattew 24:21, 22) Qed naraw quddiemna wkoll ġrajja verament memorabbli—iż-żwieġ fis-sema tal-Mulej Ġesù Kristu maʼ l-għarusa tiegħu fformata minn 144,000 ċittadin taʼ “Ġerusalemm il-Ġdida.” (Apokalissi 19:7; 21:2) Ma nistgħux ngħidu eżatt meta se titlesta dik l-għaqda kulminanti, imma ċertament li se tkun avveniment ferrieħi.—Ara The Watchtower, tal-15 t’Awissu, 1990, paġni 30-1.
17. X’nafu dwar it-tlestija taʼ Ġerusalemm il-Ġdida?
17 Li nafu żgur hu li t-tlestija taʼ Ġerusalemm il-Ġdida hija viċin ferm. (Mattew 24:3, 7-14; Apokalissi 12:12) Kuntrarju għall-belt taʼ Ġerusalemm taʼ l-art, din qatt ma se tkun raġuni għal diżappunt. Dan hu għaliex iċ-ċittadini kollha tagħha huma segwaċi taʼ Ġesù Kristu midlukin bl-ispirtu, ittestjati, u msoffijin. Bil-fedeltà tagħhom sal-mewt, kull wieħed u waħda minnhom se jkunu wrew li huma leali eternament lejn is-Sovran Universali, Alla Jehovah. Dan għandu tifsir sinjifikanti għall-bqija taʼ l-umanità—il-ħajjin u l-mejtin!
18. Għala għandna ‘nifirħu u naqbżu bil-ferħ għal dejjem’?
18 Ikkunsidra x’se jiġri meta Ġerusalemm il-Ġdida titfaʼ l-attenzjoni tagħha fuq il-bnedmin li jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:2-4) Barra minn hekk, Alla se juża dan l-arranġament imqabbel maʼ belt biex jgħolli lill-umanità għall-perfezzjoni umana. (Apokalissi 22:1, 2) X’raġunijiet taʼ l-għaġeb huma dawn biex ‘nifirħu u naqbżu bil-ferħ għal dejjem minħabba f’dak li Alla qed joħloq issa’!—Isaija 65:18.
19. X’inhi l-ġenna spiritwali li l-Kristjani ġew miġburin fiha?
19 Madankollu, bnedmin nedmin m’għandhomx għalfejn jistennew sa dak iż-żmien biex jirċievu għajnuna mingħand Alla. Fis-sena 1919, Jehovah beda jiġbor il-membri finali tal-144,000 f’ġenna spiritwali, fejn joktor il-frott taʼ l-ispirtu t’Alla—bħall-imħabba, il-ferħ, u l-paċi. (Galatin 5:22, 23) Fattur li jispikka taʼ din il-ġenna spiritwali kien u għadu l-fidi taʼ l-abitanti midlukin tagħha, li kienu u għadhom produttivi b’mod taʼ l-għaġeb f’li jkunu minn taʼ quddiem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla maʼ l-art abitata kollha. (Mattew 21:43; 24:14) Bħala riżultat, kważi sitt miljuni min-“nagħaġ oħra,” li għandhom tama għall-art, ukoll tħallew jidħlu fil-ġenna spiritwali u jgawdu xogħol produttiv. (Ġwann 10:16) Huma kkwalifikaw għal dan billi ddedikaw lilhom infushom lil Alla Jehovah fuq il-bażi tal-fidi tagħhom fis-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. Is-sħubija tagħhom mal-membri prospettivi taʼ Ġerusalemm il-Ġdida tassew uriet li kienet barka. B’hekk, permezz tal-kuntatti tiegħu maʼ Kristjani midlukin, Jehovah poġġa pedament sod għal “art ġdida”—soċjetà taʼ bnedmin li għandhom il-biżaʼ t’Alla li se jirtu l-qasam taʼ l-art tas-Saltna tas-sema.—Isaija 65:17; 2 Pietru 3:13.
20. Ġerusalemm il-Ġdida kif se ġġib unur lis-sinjifikat taʼ isimha?
20 Il-kundizzjonijiet paċifiċi li n-nies taʼ Jehovah jgawdu issa fil-ġenna spiritwali tagħhom dalwaqt se jiġu esperjenzati f’ġenna fiżika fuq l-art. Dan se jseħħ meta Ġerusalemm il-Ġdida tinżel mis-sema biex tbierek lill-umanità. B’sinjifikat doppju, in-nies t’Alla se jgawdu l-kundizzjonijiet paċifiċi mwegħdin f’Isaija 65:21-25. Bħala adoraturi magħqudin taʼ Jehovah fil-ġenna spiritwali, il-midlukin li għad iridu jieħdu posthom f’Ġerusalemm il-Ġdida tas-sema u dawk min-“nagħaġ oħra” qegħdin issa jesperjenzaw paċi mogħtija minn Alla. U din il-paċi se testendi għal ġol-Ġenna fiżika, meta ‘r-rieda t’Alla se sseħħ maʼ l-art kollha, saħansitra bħalma sseħħ fis-sema.’ (Mattew 6:10) Iva, il-belt glorjuża tas-sema t’Alla se ġġib unur lill-isem Ġerusalemm bħala l-‘Pedament Solidu taʼ Paċi Doppja.’ Għall-eternità kollha, din se żżomm wieqfa bħala kreditu taʼ tifħir għall-Ħallieq Grandjuż tagħha, Alla Jehovah, u għas-Sultan u Għarus tagħha, Ġesù Kristu.
Tiftakar Int?
◻ X’kien ir-riżultat meta Neħemija ġabar lill-poplu f’Ġerusalemm?
◻ Il-Lhud tal-qedem x’kellhom jagħmlu sabiex ma jittraskurawx id-dar t’Alla, u x’inhu mistenni minna?
◻ “Ġerusalemm” kif inhi involuta biex iġġib ferħ u paċi dejjiema?
[Mappa f’paġna 23]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
BIBIEN TAʼ ĠERUSALEMM
In-numri jirrappreżentaw l-għoli f’metri kif inhu llum
BIEB IL-ĦUT
BIEB IL-BELT IL-QADIMA
BIEB EFRAJM
BIEB IL-KANTUNIERA
Il-Ħajt il-Wiesaʼ
Il-Pjazza
BiEB IL-WIED
IT-TIENI KWARTIER
Il-Ħajt Bikri tat-Tramuntana
Il-BELT TAʼ DAVID
BIEB ID-DEMEL
Il-Wied taʼ Geħinnom
Il-Kastell
BIEB IN-NAGĦAĠ
BIEB L-GĦASSA
Il-Limiti tat-Tempju
BIEB L-ISPEZZJONI
BIEB IŻ-ŻWIEMEL
L-OFEL
Pjazza
BIEB L-ILMA
Għajn Giħon
BIEB L-GĦAJN
Ġnien is-Sultan
En-rogel
Il-Wied (Ċentrali) tat-Tiropew
Il-Wied taʼ Kedron
740
730
730
750
770
770
750
730
710
690
670
620
640
660
680
700
720
740
730
710
690
670
Dik li x’aktarx kienet il-medda tas-swar taʼ Ġerusalemm fi żmien il-qerda tal-belt u meta Neħemija ħa t-tmexxija fil-bini mill-ġdid tas-swar