Dariju—Sultan b’Sens taʼ Ġustizzja
RIGWARD il-proġetti taʼ kostruzzjoni li kien daħal għalihom, wieħed sultan famuż darba ftaħar: “Mad-dawra taʼ Babilonja bnejt sur sod biex idawwarha min-naħa tal-Lvant. Ħaffirt foss . . . Bil-bitum u l-briks bnejt sur b’saħħtu li, bħal xi muntanja, ħadd ma setaʼ jċaqilqu.” Iva, is-Sultan Babiloniż Nabukodonosor kien ħa sehem fi proġett estensiv taʼ bini u kien ħadem iebes biex isaħħaħ il-belt kapitali taʼ l-imperu tiegħu. Imma ż-żmien wera li ma kienx impossibbli daqs kemm kien immaġina hu li l-belt taʼ Babilonja tiġi mirbuħa.
Il-prova taʼ dan waslet fil-5 t’Ottubru tas-sena 539 Q.E.K. Akkumpanjat mill-armata tal-Medja, il-ħakkiem Persjan Ċiru II dak in-nhar ikkonkwista lil Babilonja u ta l-mewt lill-ħakkiem Kaldew tagħha, Beltassar. Min, issa, kien se jsir l-ewwel ħakkiem taʼ din il-belt li kienet għadha kif ġiet ikkonkwistata? Danjel, il-profeta t’Alla, li kien preżenti ġewwa l-belt meta din waqgħet, kiteb: “Dariju l-Medi ħa s-saltna meta kellu madwar tnejn u sittin sena.”—Danjel 5:30–6:1 [Danjel 5:30, 31, NW].
Min kien Dariju? Liema xorta taʼ ħakkiem wera li kien? Kif ittratta lill-profeta Danjel, li kien ilu fl-eżilju f’Babilonja għal iktar minn 70 sena?
Sultan bi Storja Vaga
L-informazzjoni storika li għandna dwar Dariju l-Medi hija vaga. Il-Medi ma ħallew tistaʼ tgħid xejn bil-miktub. Iktar minn hekk, il-mijiet taʼ eluf taʼ twavel kunejformi li ġew skavati fil-Lvant Nofsani jippreżentaw storja inkompleta u li fiha ħafna nieqes. Kitbiet sekulari antiki oħrajn li baqgħu jeżistu huma ftit fil-għadd u hemm differenza taʼ seklu jew iżjed bejnhom u l-ġrajjiet li jinvolvu lil Dariju.
Minkejja dan, l-evidenza tissuġġerixxi li wara li ħa taħt idejh lil Ekbatana, il-belt kapitali tal-Medja, il-ħakkiem Persjan Ċiru II kellu l-ħila jirbaħ il-lealtà tal-Medi. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-Medi u l-Persjani ġġieldu magħqudin taħt it-tmexxija tiegħu. Rigward ir-relazzjoni tagħhom, l-awtur Robert Collins josserva fil-ktieb tiegħu The Medes and Persians: “Fi żmien taʼ paċi, il-Medi kienu fl-istess pożizzjoni soċjali tal-Persjani. Taʼ spiss kienu jingħataw pożizzjonijiet għoljin fil-gvern ċiviku u karigi taʼ tmexxija fl-armata Persjana. Il-barranin kienu jirreferu għall-Medi u l-Persjani, mingħajr ma jagħmlu ebda differenza bejn l-ikkonkwistat u l-konkwistatur.” Il-Medja b’hekk ingħaqdet mal-Persja biex tifforma l-Imperu Medo-Persjan.—Danjel 5:28; 8:3, 4, 20.
Il-Medi ċertament li kellhom irwol ewlieni fil-waqgħa taʼ Babilonja. L-Iskrittura tippreżenta lil “Dariju, bin Assweru, min-nisel tal-Medi” bħala l-ewwel ħakkiem taʼ l-Imperu Medo-Persjan li saltan fuq Babilonja. (Danjel 9:1) Il-poter li kellu bħala sultan kien jinkludi l-awtorità li jistabbilixxi l-istatuti “skond il-liġi tal-popli tal-Medja u l-Persja, li ma tistax titħassar.” (Danjel 6:9 [Danjel 6:8, NW]) Dak li l-Bibbja tgħid dwar Dariju jagħtina wkoll ħjiel tal-personalità tiegħu kif ukoll raġuni rilevanti għan-nuqqas taʼ informazzjoni sekulari dwaru.
Danjel Jiġi Ffavorit
Ftit wara li ħa l-poter f’Babilonja, Dariju ħatar “mija u għoxrin satrapa, biex ikunu fuq is-saltna kollha,” tgħid il-Bibbja, “u fuqhom tliet kapijiet, li Danjel kien wieħed minnhom.” (Danjel 6:1, 2, Karm Żammit) Madankollu, il-pożizzjoni għolja taʼ Danjel xejn ma kienet tinżlilhom lill-uffiċjali l-oħrajn. L-integrità morali tiegħu bla dubju kellha t-tendenza li trażżan il-korruzzjoni, u dan x’aktarx kien iġagħalhom jinkeddu. L-uffiċjali għoljin żgur li ġew effettwati wkoll mill-invidja, ladarba s-sultan iffavorixxa lil Danjel u kien qed jikkontempla jagħmlux prim ministru.
Billi ttamaw li jtemmu din is-sitwazzjoni, iż-żewġ uffiċjali u s-satrapi kkomplottaw nassa legali. Marru quddiem is-sultan u ppreżentawlu editt biex jiffirmah li kellu jipprojbixxi li wieħed “jitlob lil xi Alla jew bniedem” ħlief lil Dariju għal 30 jum. Huma pproponew li kulmin jikser dan l-editt kellu jintefaʼ fil-ħofra taʼ l-iljuni. Lil Dariju ġagħluh jemmen li dan l-editt kien se jintgħoġob mill-uffiċjali mlaħħqin tal-gvern kollha, u din il-proposta dehret li kienet espressjoni tal-lealtà tagħhom lejn is-sultan.—Danjel 6:1-3, 6-8, KŻ.
Dariju ffirma d-digriet u ma damx ma ġie wiċċ imbwiċċ mal-konsegwenzi taʼ dan. Danjel sar l-ewwel wieħed li kiser dan l-editt, peress li hu kompla jitlob lil Alla Jehovah. (Qabbel Atti 5:29.) Ir-raġel leali Danjel intefaʼ fil-ħofra taʼ l-iljuni minkejja l-isforzi sinċieri tas-sultan biex isib mezz kif jiżgiċċa minn dan l-istatut li ma setax jitbiddel. Dariju esprima fiduċja li Alla taʼ Danjel kellu l-qawwa li jippreserva ħaj lill-profeta.—Danjel 6:10-18 [Danjel 6:9-17, NW].
Wara lejl taʼ sawm mingħajr m’għalaq għajn m’għajn, Dariju għaġġel lejn il-ħofra taʼ l-iljuni. Kemm feraħ meta sab li Danjel kien għadu ħaj, qawwi u sħiħ! B’ġustizzja li kienet titlob kastig, is-sultan fil-pront ikkmanda li dawk li kienu xlew lil Danjel, flimkien mal-familji tagħhom, jintefgħu fil-ħofra taʼ l-iljuni. Ukoll, hu ħareġ ordni li ‘fl-art kollha li fuqha kien isaltan, kulħadd kellu jibżaʼ u jitriegħed quddiem Alla taʼ Danjel.’—Danjel 6:19-28 [Danjel 6:18-27, NW].
Jidher ċar li Dariju kien jirrispetta lil Alla u lir-reliġjon taʼ Danjel u kien ħerqan biex jeżerċita l-ġustizzja ħalli jirranġa l-ħażin. Madankollu, il-fatt li kkastiga lil dawk li xlew lil Danjel żgur li qanqal il-mibegħda fil-bqija taʼ l-uffiċjali. Iktar minn hekk, il-proklamazzjoni taʼ Dariju li fiha ordna lil kulħadd fis-saltna biex “jitriegħed quddiem Alla taʼ Danjel” żgur li ġagħlet lill-membri tal-kleru potenti Babiloniż jinkeddu bil-kbir. Ladarba l-iskribi żgur li ġew influwenzati minn dawn il-fatturi, ma tkunx xi ħaġa stramba jekk l-istorja sekulari ddokumentata ġiet mibdula sabiex b’hekk tiġi eliminata l-informazzjoni dwar Dariju. Madankollu, ir-rakkont qasir fil-ktieb taʼ Danjel jiddeskrivi lil Dariju bħala ħakkiem b’sens taʼ imparzjalità u ġustizzja.