Il-Prezz tal-Fidwa li Ħallas Kristu—It-Triq t’Alla għas-Salvazzjoni
“Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.”—ĠWANN 3:16.
1, 2. Iddeskrivi s-sitwazzjoni diffiċli li żviluppat rigward ir-razza umana.
IMMAĠINA li qed issofri minn marda li żgur toqtlok jekk ma tiġix operat. Kif kont tħossok li kieku l-prezz taʼ l-operazzjoni kien ferm iżjed milli stajt taffordja? Xi ngħidu jekk lanqas saħansitra r-riżorsi tal-familja tiegħek u dawk taʼ ħbiebek flimkien ma jistgħu jħallsu għaliha? Li tkun iffaċċjat minn dilemma bħal din, fejn ħajtek tkun mhedda, ikun ferm frustranti!
2 Dan jagħti stampa taʼ sitwazzjoni li żviluppat rigward ir-razza umana. L-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, inħolqu perfetti. (Dewteronomju 32:4) Kellhom il-prospett li jgħixu għal dejjem u li jwettqu l-iskop t’Alla: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha.” (Ġenesi 1:28) Madankollu, Adam u Eva rribellaw kontra l-Ħallieq tagħhom. (Ġenesi 3:1-6) Id-diżubbidjenza tagħhom ġabet id-dnub mhux biss fuq Adam u Eva nfushom imma wkoll fuq nisilhom li kien għadu ma twelidx. Ir-raġel leali Ġob qal iktar tard: “Xi ħadd, mela, jistaʼ jislet is-safi mill-imniġġes? Ħadd!”—Ġob 14:4.
3. Il-mewt kif infirxet fuq il-bnedmin kollha?
3 Id-dnub huwa għalhekk bħal marda li infettat lil kull wieħed u waħda minna, għax il-Bibbja tgħid li “il-bnedmin kollha dinbu.” (Korsiv tagħna.) Din il-kundizzjoni għandha konsegwenzi li jheddu l-ħajja. Tabilħaqq, “Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt.” (Rumani 3:23; 6:23) Ħadd minna ma jistaʼ jiskappa. Il-bnedmin kollha jidinbu, u għalhekk il-bnedmin kollha jmutu. Bħala dixxendenti taʼ Adam, aħna twelidna f’din il-qagħda mwiegħra. (Salm 51:7 [Salm 51:5, NW]) “Kien permezz taʼ bniedem wieħed,” kiteb Pawlu, “li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Iżda dan ma jfissirx li aħna m’għandna ebda tama għas-salvazzjoni.
Id-Dnub u l-Mewt Eliminati
4. Il-bnedmin għala ma jistgħux waħedhom jeliminaw il-mard u l-mewt?
4 X’hemm bżonn biex jiġu eliminati d-dnub u l-konsegwenza tiegħu, il-mewt? Żgur li xi ħaġa ferm iżjed milli jistaʼ jipprovdi kwalunkwe bniedem. Is-salmista ilmenta: “Għoli wisq il-prezz taʼ ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed, biex wieħed jgħix għal dejjem u ma jara qatt il-qabar.” (Salm 49:9, 10 [Salm 49:8, 9, NW]) Veru, forsi nistgħu ntawlu ħajjitna bi ftit snin permezz taʼ dieta tajba u kura medika, iżda ħadd minna ma jistaʼ jfejjaq il-kundizzjoni midinba li writna. Ħadd minna ma jistaʼ jreġġaʼ lura l-effetti li jdgħajfu li ġġib magħha x-xjuħija u jirrestawra l-ġisem tagħna għall-perfezzjoni li Alla riedu li jkollu oriġinalment. Pawlu żgur li ma kienx qed jesaġera meta kiteb li minħabba d-dnub taʼ Adam, il-ħolqien uman “jinsab taħt il-frugħa”—jew kif tittraduċiha The Jerusalem Bible, “ma tħalliex jilħaq l-iskop tiegħu.” (Rumani 8:20) B’ferħ, iżda, il-Ħallieq ma abbandunaniex. Għamel provvediment biex ineħħi d-dnub u l-mewt darba għal dejjem. Kif?
5. Il-Liġi li ngħatat lil Iżrael kif kienet tirrifletti stima kbira lejn il-ġustizzja?
5 Jehovah “jħobb id-dritt u s-sewwa.” (Salm 33:5) Il-kodiċi tal-Liġi li ta lil Iżrael tirrifletti stima qawwija għall-bilanċ u l-imparzjalità fil-ġustizzja. Per eżempju, ġewwa din il-ġabra taʼ liġijiet, naqraw li ‘ħajja titħallas b’ħajja.’ Fi kliem ieħor, li kieku Iżraelit qatel lil xi ħadd, kien ikollu jħallas b’ħajtu stess għal dik il-ħajja li jkun neħħa. (Eżodu 21:23; Numri 35:21) B’hekk dan kien jibbilanċja l-miżien tal-ġustizzja divina.—Qabbel Eżodu 21:30.
6. (a) Adam f’liema sens setaʼ jissejjaħ qattiel? (b) Adam liema xorta taʼ ħajja tilef, u liema xorta taʼ sagrifiċċju kien meħtieġ biex jibbilanċja l-miżien tal-ġustizzja?
6 Meta Adam dineb, hu sar qattiel. F’liema sens? Fis-sens li kien se jgħaddi l-kundizzjoni midinba tiegħu—u għalhekk il-mewt—lid-dixxendenti kollha tiegħu. Huwa minħabba d-diżubbidjenza taʼ Adam li f’dan l-istess waqt, ġisimna qed jiddeterjora, u miexi pass wara l-ieħor lejn il-qabar. (Salm 90:10) Id-dnub taʼ Adam għandu saħansitra implikazzjoni iżjed serja. Ftakar, dik li Adam tilef għalih innifsu u għal nislu ma kinitx ħajja ordinarja taʼ xi 70 jew 80 sena. Tilef ħajja perfetta—fil-fatt, ħajja taʼ dejjem. Mela jekk ‘ħajja trid titħallas b’ħajja,’ liema xorta taʼ ħajja trid titħallas biex tissodisfa l-ġustizzja f’dan il-każ? Loġikament, trid tkun ħajja umana perfetta—ħajja li, bħal dik taʼ Adam, kellha l-potenzjal li tipproduċi nisel uman perfett. Jekk kellha tiġi offruta bħala sagrifiċċju, ħajja umana perfetta mhux biss kienet se tibbilanċja l-miżien tal-ġustizzja imma wkoll kienet se tagħmel possibbli t-tneħħija għalkollox tad-dnub u l-konsegwenza tiegħu, il-mewt.
Titħallas l-Ispiża tad-Dnub
7. Iddeskrivi xi tfisser il-frażi “prezz li tħallas għall-fidwa.”
7 Il-prezz meħtieġ biex jifdina mid-dnub huwa magħruf fil-Bibbja bħala “l-prezz tal-fidwa.” (Salm 49:8 [Salm 49:7, NW]) Bil-Malti dan it-terminu jistaʼ jirreferi għall-ħlas li jintalab biex jinħeles xi ħadd li jkun ġie maħtuf. M’għandniex xi ngħidu, il-ħlas għall-fidwa li pprovda Jehovah ma jinvolvi l-ebda ħtif. Il-konċett li jitħallas prezz jibqaʼ l-istess. Fil-fatt, il-forma tal-verb tal-kelma Ebrajka tradotta “prezz tal-fidwa” litteralment tfisser “jgħatti.” Biex ipatti għad-dnub, il-prezz tal-fidwa jrid jaqbel preċiż maʼ dak li suppost jgħatti—il-ħajja umana u perfetta taʼ Adam.
8. (a) Iddeskrivi l-prinċipju taʼ xiri lura. (b) Il-prinċipju taʼ xiri lura kif inhu rrelatat magħna bħala midinbin?
8 Dan huwa fi qbil maʼ prinċipju li nsibu fil-Liġi Mosajka—il-prinċipju taʼ xiri lura. Jekk wieħed Iżraelit kien jaqaʼ fil-faqar u jbigħ lilu nnifsu fil-jasar lil xi ħadd mhux Iżraelit, qarib setaʼ jixtrih lura (jew, jifdih) billi jħallas prezz li kien jitqies bħala taʼ valur daqs l-irsir. (Levitiku 25:47-49) Il-Bibbja tgħid li bħala bnedmin imperfetti aħna “lsiera tad-dnub.” (Rumani 6:6; 7:14, 25) X’kien hemm bżonn biex aħna ninxtraw lura? Bħalma rajna, it-telfien taʼ ħajja umana perfetta kien jirrikjedi li titħallas ħajja umana perfetta—xejn iżjed u xejn inqas.
9. Jehovah kif għamel provvediment biex jitgħatta d-dnub?
9 M’għandniex xi ngħidu, aħna l-bnedmin nitwieldu imperfetti. Ebda wieħed minna m’hu daqs Adam; ebda wieħed minna ma jistaʼ jħallas il-prezz tal-fidwa li titlob il-ġustizzja. Bħalma ssemma fil-bidu, huwa bħallikieku għandna marda li thedded il-ħajja u ma nistgħux naffordjaw inħallsu għall-operazzjoni li tistaʼ tfejjaqna. F’sitwazzjoni bħal din, ma konniex inkunu grati kieku xi ħadd jidħol għalina u jħallsilna l-ispiża? Dan hu preċiż dak li għamel Jehovah! Hu għamel provvediment biex jifdina mid-dnub, darba għal dejjem. Iva, hu lest li jagħtina dak li aħna qatt ma stajna niksbu bis-saħħa tagħna nfusna. Kif? “Id-don li tana Alla,” kiteb Pawlu, “huwa l-ħajja taʼ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 6:23) Ġwanni ddeskriva lil Ġesù bħala “l-Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġwann 1:29) Ejjew naraw kif Jehovah uża lil Ibnu l-maħbub biex iħallas il-prezz tal-fidwa.
“Fidwa [li Tikkorrispondi] għal Kulħadd”
10. Profeziji rigward “żerriegħa” kif waslu li jiffokaw fuq Ġużeppi u Marija?
10 Preċiż wara r-ribelljoni f’Għeden, Jehovah ħabbar l-iskop tiegħu li jipproduċi żerriegħa, jew ‘nisel,’ li kellu jħallas biex jifdi lill-umanità mid-dnub. (Ġenesi 3:15) Permezz taʼ serje taʼ rivelazzjonijiet divini, Jehovah identifika l-linja tal-familja li kellha tipproduċi din iż-żerriegħa. Maż-żmien dawn ir-rivelazzjonijiet iffokaw fuq Ġużeppi u Marija, koppja għarajjes li kienu jgħixu fil-Palestina. F’ħolma, intqal lil Ġużeppi li Marija kienet tqila permezz taʼ l-ispirtu qaddis. L-anġlu qal: “Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.”—Mattew 1:20, 21.
11. (a) Jehovah kif irranġa biex Ibnu jitwieled bħala bniedem perfett? (b) Ġesù għala setaʼ jipprovdi ‘fidwa li tikkorrispondi’?
11 Din bl-ebda mod ma kienet xi tqâla ordinarja, għax Ġesù kellu eżistenza fis-sema qabel ma sar bniedem. (Proverbji 8:22-31; Kolossin 1:15) Il-qawwa mirakoluża taʼ Jehovah ttrasferiet il-ħajja taʼ Ġesù għal ġol-ġuf taʼ Marija, u b’hekk sar possibbli li dan l-Iben maħbub t’Alla jitwieled bħala bniedem. (Ġwann 1:1-3, 14; Filippin 2:6, 7) Jehovah mexxa l-affarijiet b’tali mod li Ġesù ma ċċappasx bid-dnub taʼ Adam. Għall-kuntrarju, Ġesù twieled perfett. Għalhekk, kien jippossiedi dak li tilef Adam—ħajja umana perfetta. Finalment, bniedem li setaʼ jħallas l-ispiża tad-dnub! U dak hu preċiż li għamel Ġesù fl-14 taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K. F’dak il-jum storiku, Ġesù ħalla lilu nnifsu jingħata l-mewt mill-avversarji tiegħu, u b’hekk ipprovda “fidwa [li tikkorrispondi] għal kulħadd.”—1 Timotju 2:6.
Il-Valur taʼ Ħajja Umana Perfetta
12. (a) Iddeskrivi d-differenza kruċjali bejn il-mewt taʼ Ġesù u dik taʼ Adam. (b) Ġesù kif sar “Missier għal dejjem” għall-bnedmin ubbidjenti?
12 Hemm differenza bejn il-mewt taʼ Ġesù u dik taʼ Adam—differenza li tenfasizza l-valur tal-prezz li tħallas għall-fidwa. Il-mewt taʼ Adam kienet mistħoqqa, għax hu m’obdiex apposta lill-Ħallieq tiegħu. (Ġenesi 2:16, 17) B’kuntrast, il-mewt taʼ Ġesù kienet totalment mhix mistħoqqa, għax “ma kien għamel ebda dnub.” (1 Pietru 2:22) Għalhekk, meta miet Ġesù, kellu xi ħaġa taʼ valur enormi li l-midneb Adam ma kellux f’mewtu—id-dritt għal ħajja umana perfetta. B’hekk, il-mewt taʼ Ġesù kellha valur sagrifikali. Meta telaʼ s-sema bħala persuna spirtu, hu ppreżenta lil Jehovah l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu. (Lhud 9:24) Billi għamel dan, Ġesù xtara lill-umanità midinba u sar il-Missier il-ġdid tagħhom, wieħed li ħa l-post taʼ Adam. (1 Korintin 15:45) Bix-xieraq, Ġesù jissejjaħ “Missier għal dejjem.” (Isaija 9:5 [Isaija 9:6, NW]) Aħseb ftit x’ifisser dan! Adam, missier midneb, firex il-mewt fuq id-dixxendenti kollha tiegħu. Ġesù, Missier perfett, juża l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu biex jagħti l-ħajja taʼ dejjem lill-bnedmin ubbidjenti.
13. (a) Agħti tixbieha taʼ kif Ġesù kkanċella d-dejn miġjub minn Adam. (b) Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù għala ma jgħattix id-dnub taʼ l-ewwel ġenituri tagħna?
13 Iżda, kif setgħet il-mewt taʼ raġel wieħed tgħatti d-dnubiet taʼ ħafna? (Mattew 20:28) F’artiklu taʼ ftit tas-snin ilu, tajna din it-tixbieha dwar il-ħlas għall-fidwa: “Immaġina fabbrika kbira b’mijiet taʼ impjegati. Manager diżonest ifalli n-negozju; il-fabbrika tagħlaq il-bibien tagħha. Mijiet issa huma bla xogħol u ma jistgħux iħallsu l-kontijiet tagħhom. Sħabhom fiż-żwieġ, uliedhom, u, iva, il-kredituri, kollha se jbatu minħabba l-korruzzjoni taʼ dak ir-raġel wieħed! Imbagħad jiġi benefattur tat-tajjeb li jħallas id-dejn tal-kumpanija u jerġaʼ jiftaħ il-fabbrika. It-tneħħija taʼ dak id-dejn wieħed, mill-banda l-oħra, iġġib serħan sħiħ għall-ħafna impjegati, għall-familji tagħhom, u għal dawk il-kredituri. Imma l-manager li kien hemm se jkollu sehem mill-prosperità l-ġdida? Le, hu qiegħed il-ħabs u b’hekk b’mod permanenti bla xogħol! Bl-istess mod, it-tneħħija tad-dejn wieħed taʼ Adam iġġib benefiċċji għal miljuni mid-dixxendenti tiegħu—imma mhux lil Adam.”
14, 15. Adam u Eva għala jistgħu jissejħu midinbin apposta, u s-sitwazzjoni tagħna kif inhi differenti minn tagħhom?
14 Dan huwa ġust. Ftakar, Adam u Eva dinbu apposta. Għażlu li ma jobdux lil Alla. B’kuntrast, aħna nitwieldu bid-dnub. M’għandniex għażla. Minkejja kemm naħdmu iebes, ma nistgħux nevitaw kompletament li nidinbu. (1 Ġwann 1:8) Xi drabi għandna mnejn inħossuna bħal Pawlu li kiteb: “Meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin. Skond il-bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-liġi taʼ Alla; iżda nilmaħ fil-membri taʼ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi. Msejken bniedem li jien!”—Rumani 7:21-24.
15 Madankollu, minħabba l-prezz li tħallas għall-fidwa, aħna għandna t-tama! Ġesù hu ż-żerriegħa li permezz tiegħu, bħalma wiegħed Alla, ‘se jitbierku l-ġnus kollha taʼ l-art.’ (Ġenesi 22:18; Rumani 8:20) Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù jiftaħ il-bieb għal opportunitajiet meraviljużi għal dawk li jeżerċitaw fidi fih. Ejjew nikkunsidraw xi ftit minnhom.
Nibbenefikaw mill-Prezz tal-Fidwa li Ħallas Kristu
16. Minkejja l-kundizzjoni midinba tagħna, liema benefiċċji nistgħu ngawdu issa minħabba l-prezz tal-fidwa li ħallas Ġesù?
16 Ġakbu, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, jirrikonoxxi li “aħna lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit.” (Ġakbu 3:2) Madankollu, minħabba l-prezz tal-fidwa li ħallas Kristu, l-iżbalji tagħna jistgħu jinħafru. Ġwanni jikteb: “Jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna.” (1 Ġwann 2:1, 2) M’għandniex xi ngħidu, m’għandniex inħarsu lejn id-dnub b’mod indifferenti. (Ġuda 4; qabbel l-1 Korintin 9:27.) Madankollu, jekk niżbaljaw, nistgħu niftħu qalbna maʼ Jehovah, fiduċjużi li hu ‘lest li jaħfer.’ (Salm 86:5; 130:3, 4; Isaija 1:18; 55:7; Atti 3:19) B’hekk, il-prezz li tħallas għall-fidwa jgħinna naqdu lil Alla b’kuxjenza safja u jagħmilha possibbli għalina li navviċinawh fit-talb f’isem Ġesù Kristu.—Ġwann 14:13, 14; Lhud 9:14.
17. Minħabba l-prezz li tħallas għall-fidwa, liema barkiet futuri huma possibbli?
17 Il-prezz tal-fidwa li ħallas Kristu jiftaħ it-triq għat-twettiq taʼ l-iskop t’Alla—li bnedmin ubbidjenti jgħixu għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art. (Salm 37:29) Pawlu kiteb: “Fih [f’Ġesù] il-wegħdiet taʼ Alla kollha saru ‘iva’.” (2 Korintin 1:20) Veru, il-mewt “saltnet.” (Rumani 5:17) Il-prezz li tħallas għall-fidwa jipprovdi bażi biex Alla jeqred lil dan “l-aħħar għadu.” (1 Korintin 15:26; Apokalissi 21:4) Il-prezz tal-fidwa li ħallas Ġesù jistaʼ jkun taʼ benefiċċju saħansitra għal dawk li mietu. “Tiġi siegħa,” qal Ġesù, “meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu [leħen Ġesù] u joħorġu.”—Ġwann 5:28, 29; 1 Korintin 15:20-22.
18. Id-dnub liema effett traġiku kellu fuq il-bnedmin, u dan kif se jitreġġaʼ lura fid-dinja l-ġdida t’Alla?
18 Aħseb ftit x’għaxqa tkun li nesperjenzaw il-ħajja kif suppost li kellha tkun—ħielsa mill-ansjetajiet li tant jgħakksuna llum! Id-dnub tellfilna l-armonija, mhux biss m’Alla, imma wkoll maʼ moħħna, qalbna, u ġisimna stess. Madankollu, il-Bibbja twiegħed li fid-dinja l-ġdida t’Alla, “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” Iva, mard fiżiku u emozzjonali qatt iktar ma jibqaʼ jgħakkes lill-umanità. Għala? Isaija jwieġeb: “Il-poplu li hemm fiha tinħafirlu ħżunitu.”—Isaija 33:24.
Il-Prezz li Tħallas għall-Fidwa—Espressjoni taʼ Mħabba
19. Kif għandna nirreaġixxu individwalment għall-prezz tal-fidwa li ħallas Kristu?
19 L-imħabba qanqlet lil Jehovah biex jibgħat lil Ibnu l-maħbub. (Rumani 5:8; 1 Ġwann 4:9) Mill-banda l-oħra, l-imħabba qanqlet lil Ġesù biex ‘iduq il-mewt għal kulħadd.’ (Lhud 2:9; Ġwann 15:13) Bir-raġun kollu, Pawlu kiteb: “L-imħabba taʼ Kristu ġġegħelna . . . Miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.” (2 Korintin 5:14, 15) Jekk aħna napprezzaw dak li Ġesù għamel għalina, se nirreaġixxu. Wara kollox, il-prezz li tħallas għall-fidwa jagħmilha possibbli għalina li ninħelsu mill-mewt! Żgur li ma nkunux irridu li bl-azzjonijiet tagħna nimplikaw li nqisu s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala li hu taʼ valur ordinarju.—Lhud 10:29.
20. Liema huma xi modi li bihom nosservaw ‘kelmet’ Ġesù?
20 Kif nistgħu nuru apprezzament mill-qalb għall-prezz li tħallas għall-fidwa? Ftit qabel ma ġie arrestat, Ġesù qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti.” (Ġwann 14:23) ‘Kelmet’ Ġesù tinkludi l-kmand tiegħu li aħna nieħdu sehem b’żelu biex inwettqu l-inkarigu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom.” (Mattew 28:19) Ubbidjenza lejn Ġesù tirrikjedi wkoll li aħna nuru mħabba għal ħutna spiritwali.—Ġwann 13:34, 35.
21. Għala għandna nattendu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar fl-1 t’April?
21 Wieħed mill-aħjar modi kif aħna nistgħu nuru apprezzament għall-prezz li tħallas għall-fidwa huwa billi nattendu l-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu, li din is-sena se jinżamm fl-1 t’April.a Dan ukoll huwa parti minn ‘kelmet’ Ġesù, għax meta waqqaf din iċ-ċelebrazzjoni, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Bl-attendenza tagħna għal dan l-iktar avveniment importanti u billi noqogħdu attenti b’mod ħerqan għal dak kollu li kkmanda Ġesù, aħna se nuru l-konvinzjoni soda tagħna li l-prezz tal-fidwa li ħallas Ġesù hu t-triq t’Alla għas-salvazzjoni. Verament, “f’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni.”—Atti 4:12.
[Nota taʼ taħt]
a Din is-sena, l-1 t’April jikkorrispondi maʼ l-14 taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K., id-data li fiha miet Ġesù. Iċċekkja max-Xhieda taʼ Jehovah tal-lokal għall-ħin u l-post taċ-ċelebrazzjoni tal-Mafkar.
Tiftakar Int?
◻ Il-bnedmin għala ma jistgħux ipattu għall-kundizzjoni midinba tagħhom?
◻ Ġesù b’liema mod hu “fidwa [li tikkorrispondi] għal kulħadd”?
◻ Ġesù kif uża d-dritt li kellu għal ħajja umana perfetta għall-vantaġġ tagħna?
◻ Liema barkiet jiġu fuq l-umanità minħabba l-prezz tal-fidwa li ħallas Kristu?
[Stampa f’paġna 15]
Bniedem perfett biss—l-ekwivalenti taʼ Adam—setaʼ jibbilanċja l-miżien tal-ġustizzja
[Stampa f’paġna 16]
Ladarba Ġesù kellu d-dritt għal ħajja umana perfetta, il-mewt tiegħu kellha valur sagrifikali