Abraham—Eżempju taʼ Fidi
“[Abraham kien] il-missier taʼ dawk kollha li jemmnu.”—RUMANI 4:11.
1, 2. (a) Kif baqaʼ jissemma Abraham fost il-Kristjani veri taʼ żmienna? (b) Abraham għala jissejjaħ “il-missier taʼ dawk kollha li jemmnu”?
KIEN il-missier taʼ nazzjon qawwi, raġel tan-negozju, profeta, u mexxej. Madankollu, fost il-Kristjani taʼ żmienna, hu baqaʼ jissemma l-iktar għal dik il-kwalità li qanqlet lil Alla Jehovah biex iħares lejh bħala ħabib—il-fidi soda tiegħu. (Isaija 41:8; Ġakbu 2:23) Kien jismu Abraham, u l-Bibbja ssejjaħlu “l-missier taʼ dawk kollha li jemmnu.”—Rumani 4:11.
2 Iżda qabel Abraham ma kienx hemm irġiel oħrajn li wrew fidi, bħal Abel, Ħenok, u Noè? Iva, imma l-patt biex jitbierku l-ġnus kollha taʼ l-art sar m’Abraham. (Ġenesi 22:18) Għalhekk, hu sar il-missier figurattiv taʼ dawk kollha li kienu se jpoġġu l-fidi tagħhom fiż-Żerriegħa mwiegħda. (Galatin 3:8, 9) Sa ċertu punt, Abraham jistaʼ jitqies bħala missierna, għax il-fidi tiegħu sservina bħala eżempju biex nimitawh. Ħajtu kollha kemm hi tistaʼ titqies bħala espressjoni taʼ fidi, għax kienet tikkonsisti minn għadd taʼ testijiet u provi. Tabilħaqq, żmien twil qabel ma Abraham iffaċċja dak li jistaʼ jissejjaħ l-akbar test tal-fidi tiegħu—il-kmand biex joffri lil ibnu Iżakk—Abraham ta prova tal-fidi tiegħu f’ħafna provi iżgħar. (Ġenesi 22:1, 2) Issa ejja neżaminaw xi wħud minn dawn l-ewwel provi tal-fidi u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom illum.
Il-Kmand biex Jitlaq minn Ur
3. Il-Bibbja x’tgħidilna dwar l-isfond t’Abram?
3 Il-Bibbja tintroduċina m’Abram (li iktar tard sar magħruf bħala Abraham) f’Ġenesi 11:26, li jgħid: “Teraħ kellu sebgħin sena meta wiled lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran.” Abram kien dixxendent taʼ Sem, li kellu l-biżaʼ t’Alla. (Ġenesi 11:10-24) Skond Ġenesi 11:31, Abram kien jgħix mal-familja tiegħu ‘f’Ur tal-Kaldin,’ belt sinjura li darba kienet teżisti fin-naħa tal-lvant tax-Xmara Ewfrat.a B’hekk, hu ma trabbiex bħala nomadu li jgħix fit-tined imma bħala wieħed li joqgħod f’belt li kellha ħafna x’toffri f’dak li hu lussu. Mis-swieq taʼ Ur kont tistaʼ tixtri prodotti importati. U fuq iż-żewġt iġnub tat-toroq tagħha, kont tistaʼ tara djar imbajdin u spazjużi, kompluti b’sistema taʼ komunikazzjoni taʼ l-ilma fuq ġewwa.
4. (a) Liema sfidi kienet tippreżenta Ur għal min ried iqim lil dak Alla veru? (b) Abram kif poġġa l-fidi tiegħu f’Jehovah?
4 Minbarra l-vantaġġi materjali tagħha, Ur kienet tippreżenta sfida serja għal kulmin ried jaqdi lil dak Alla veru. Kienet belt mgħaddsa fl-idolatrija u s-superstizzjoni. Tabilħaqq, il-pajsaġġ tagħha kien dominat b’tempju li kellu l-forma taʼ piramida għolja dedikat lil alla-qamar Nanna. Bla dubju Abram kellu ħafna pressjoni biex jieħu sehem f’din il-qima baxxa, forsi saħansitra minn xi qraba stess. Skond xi tradizzjonijiet Lhud, Teraħ, missier Abram, kien jagħmel l-idoli hu stess. (Ġożwè 24:2, 14, 15) Kien x’kien il-każ, Abram ma kienx jieħu sehem f’qima falza u baxxa. Sem, l-antenat xwejjaħ tiegħu, kien għadu ħaj u bla dubju kien qallu dak kollu li kien jaf dwar dak Alla veru. Ir-riżultat kien li Abram poġġa l-fidi tiegħu f’Jehovah mhux f’Nanna!—Galatin 3:6.
Prova tal-Fidi
5. Alla liema kmand u wegħda tah lil Abram waqt li kien għadu f’Ur?
5 Il-fidi t’Abram kienet se tiġi provata. Alla deherlu u kkmandah: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik. U jien nagħmlek ġens kbir, nbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka. Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek. U jitbierku bik it-tribujiet kollha taʼ l-art.”—Ġenesi 12:1-4 [12:1-3, NW]; Atti 7:2, 3.
6. Abram għala kien jeħtieġ fidi vera biex jitlaq minn Ur?
6 Abram kien imdaħħal fiż-żmien u ma kellux tfal. Kif setaʼ jintgħamel “ġens kbir”? U fejn kienet eżattament din l-art li kien ġie ordnat imur fiha? Alla ma qallux f’dak iż-żmien. Għalhekk, Abram kien jeħtieġ fidi vera biex iħalli l-belt sinjura taʼ Ur u l-lussu kollu tagħha. Il-ktieb Family, Love and the Bible jinnota hekk dwar iż-żminijiet tal-qedem: “L-agħar kastig li setaʼ jingħata lil xi membru tal-familja li kien isir ħati taʼ xi offiża serja kien li jitkeċċa, li jiġi mċaħħad ‘mid-dritt li jkun parti’ mill-familja. . . . Huwa għalhekk li kienet turija straordinarja taʼ ubbidjenza u fiduċja totali f’Alla meta, biex iwieġeb għas-sejħa t’Alla, Abraham telaq, mhux biss lil pajjiżu, imma wkoll lil niesu.”
7. Il-Kristjani llum kif jiffaċċjaw provi simili għal dawk li ffaċċja Abram?
7 Illum, il-Kristjani għandhom mnejn jiffaċċjaw provi simili. Bħal Abram, forsi nħossuna taħt pressjoni biex inpoġġu l-interessi materjali qabel kwistjonijiet teokratiċi. (1 Ġwann 2:16) Għandna mnejn ikollna oppożizzjoni minn membri tal-familja li ma jkunux jemmnu bħalna, inkluż xi qraba li jkunu nqatgħu mis-sħubija. Dawn jistgħu jipprovaw iħajruna biex nidħlu fi ħbiberija magħhom li tistaʼ tkun taʼ ħsara. (Mattew 10:34-36; 1 Korintin 5:11-13; 15:33) F’dan l-aspett Abram ħallielna eżempju mill-aqwa. Hu poġġa l-ħbiberija maʼ Jehovah qabel kollox—anki qabel ir-rabtiet tal-familja. Ma kienx jaf eżatt kif, meta, jew fejn kienu se jitwettqu l-wegħdi t’Alla. Madankollu, kien lest li jibbaża ħajtu fuq il-fiduċja f’dawk il-wegħdi. Illum, kemm jinkuraġġina dan biex inpoġġu s-Saltna fl-ewwel post f’ħajjitna!—Mattew 6:33.
8. Liema effett ħalliet il-fidi t’Abram fuq il-membri tal-familja immedjata tiegħu, u l-Kristjani x’jistgħu jitgħallmu minn dan?
8 Xi ngħidu għall-membri tal-familja immedjata t’Abram? B’mod evidenti, il-fidi u l-konvinzjoni t’Abram ħallew effett drammatiku fuqhom, għax kemm martu, Saraj, kif ukoll in-neputi tiegħu Lot, li kien orfni, tqanqlu biex jobdu s-sejħa t’Alla u jitilqu minn Ur. Iktar tard, ħu Abram, Naħor, u xi wħud minn nislu telqu minn Ur u marru joqogħdu f’Ħaran, fejn hemmhekk qiemu lil Jehovah. (Ġenesi 24:1-4, 10, 31; 27:43; 29:4, 5) Saħansitra Teraħ, missier Abram, aċċetta li jitlaq flimkien maʼ ibnu! Huwa għalhekk li l-Bibbja tagħtih il-kredtu, bħala l-kap tal-familja, għat-tluq lejn Kangħan. (Ġenesi 11:31) Mhux anki aħna jistaʼ jkollna daqsxejn suċċess jekk nagħtu xiehda bit-tattika lill-qraba tagħna?
9. Abram liema tħejjijiet kellu jagħmel għall-vjaġġ tiegħu, u dan għala setaʼ jinvolvi sagrifiċċji?
9 Qabel ma beda l-vjaġġ tiegħu, Abram kellu ħafna x’jagħmel. Hu ried ibigħ il-propjetà u l-affarijiet u jixtri t-tined, l-iġmla, l-ikel, u tagħmir meħtieġ ieħor. Abram setaʼ tilef b’mod finanzjarju biex jagħmel dan kollu malajr malajr, imma hu kien ferħan li qed jobdi lil Jehovah. Min jaf x’ġurnata importanti kienet dak in-nhar li tlestew it-tħejjijiet kollha u l-karavana t’Abram kienet wieqfa barra s-swar taʼ Ur, lesta għall-vjaġġ! Il-karavana mxiet mal-kurva tax-Xmara Ewfrat lejn il-majjistral. Wara li kienet ilha tivvjaġġa għal ġimgħat sħaħ, li matulhom kopriet maʼ l-1,000 kilometru, il-karavana waslet f’belt jisimha Ħaran fit-tramuntana tal-Mesopotamja. Din il-belt kienet magħrufa bħala post fejn il-karavani kienu jieħdu waqfa qasira.
10, 11. (a) Abram x’aktarx għala qagħad għal xi żmien f’Ħaran? (b) Liema inkuraġġiment jistaʼ jingħata lill-Kristjani li jieħdu ħsieb il-ġenituri xjuħ tagħhom?
10 Abram beda joqgħod f’Ħaran. X’aktarx hu għamel dan b’rispett lejn missieru Teraħ, li kien imdaħħal sew fiż-żmien. (Levitiku 19:32) Bl-istess mod illum, ħafna Kristjani għandhom il-privileġġ li jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom li forsi huma xjuħ jew morda. Xi Kristjani jkollhom saħansitra jagħmlu xi bidliet biex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Meta jiġri hekk, uħud bħal dawn jistgħu jibqgħu ċerti li s-sagrifiċċji li qed jagħmlu b’imħabba ‘jogħġbu lil Alla.’—1 Timotju 5:4.
11 Għadda ż-żmien. “Għomor Teraħ kien laħaq il-mitejn u ħames snin; u Teraħ miet f’Ħaran.” Bla dubju Abram kien imnikket ħafna b’din it-telfa, imma meta għadda ż-żmien tal-vistu, hu mill-ewwel reġaʼ qabad triqtu. “Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta ħareġ minn Ħaran. U ħa miegħu Abram ’il Saraj martu, u ’l Lot bin ħuh, u l-ġid kollu li kienu għamlu, u n-nies li kienu kisbu f’Ħaran. U ħarġu biex imorru fl-art taʼ Kangħan, u waslu f’art Kangħan.”—Ġenesi 11:32; 12:4, 5.
12. X’għamel Abram waqt li kien joqgħod f’Ħaran?
12 Hu interessanti li tinnota li waqt li kien f’Ħaran, Abram ‘kien għamel il-ġid.’ Għalkemm kien għamel xi sagrifiċċji materjali sabiex jitlaq minn Ur, Abram telaq minn Ħaran bħala raġel sinjur. Jidher ċar li dan seħħ bil-barka t’Alla. (Koħèlet 5:18 [5:19, NW]) Filwaqt li llum Alla ma jwigħedx li n-nies tiegħu se jkunu kollha sinjuri, hu jżomm il-wegħda tiegħu li jipprovdi l-bżonnijiet għal dawk li ‘ħallew darhom jew lil ħuthom’ minħabba s-Saltna. (Mark 10:29, 30) Abram ‘kiseb ukoll nies,’ jiġifieri, numru taʼ qaddejja. It-Targum taʼ Ġerusalemm u l-Parafrażi tal-Kaldin jgħidu li Abram ‘għamel il-proseliti.’ (Ġenesi 18:19) Tqanqlek il-fidi tiegħek biex titkellem mal-ġirien, maʼ sħabek fuq ix-xogħol, jew taʼ l-iskola? Minflok ma ssetilja u nesa l-kmand t’Alla, Abram kien użah tajjeb iż-żmien li qattaʼ f’Ħaran. Imma issa żmienu hemmhekk kien spiċċa. “U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej.”—Ġenesi 12:4.
In-Naħa l-Oħra taʼ l-Ewfrat
13. Abram meta qasam għan-naħa l-oħra tax-Xmara Ewfrat, u x’kien is-sinifikat taʼ dan l-att?
13 Għal darb’oħra Abram kellu jivvjaġġa. Wara li telqet minn Ħaran, il-karavana tiegħu mxiet lejn il-punent u vvjaġġat xi 90 kilometru. Jistaʼ jkun li Abram waqaf f’xi post fuq l-Ewfrat faċċata taʼ Karkemis, ċentru antik tal-kummerċ, in-naħa l-oħra tax-xmara. Dan kien post mill-aqwa fejn il-karavani kienu jaqsmu x-xmara.b Il-karavana t’Abram f’liema data qasmet ix-xmara? Il-Bibbja tindika li dan seħħ 430 sena qabel l-Eżodu tal-Lhud mill-Eġittu fl-14 taʼ Nisan, 1513 Q.E.K. Eżodu 12:41 jgħid: “Wara dawn l-erbaʼ mija u tletin sena, dak in-nhar stess li għalqu, ħarġu l-qtajjaʼ kollha tal-Mulej mill-Eġittu.” (Korsiv tagħna.) X’aktarx, mela, li l-patt Abrahamiku beda jopera fl-14 taʼ Nisan, 1943 Q.E.K., meta Abram b’ubbidjenza qasam għan-naħa l-oħra taʼ l-Ewfrat.
14. (a) X’setaʼ jara Abram bl-għajnejn tal-fidi? (b) In-nies t’Alla llum f’liema sens huma mberkin iżjed minn Abram?
14 Abram kien ħalla warajh belt sinjura. Madankollu, issa hu setaʼ jimmaġina “belt mibnija fis-sod,” gvern li jaħkem bit-tjieba fuq l-umanità. (Lhud 11:10) Iva, għalkemm ftit li xejn kellu tagħrif, Abram kien beda jifhem xi ftit mill-aspetti bażiċi taʼ l-iskop t’Alla biex jifdi l-umanità moribonda. Illum, aħna mberkin għax nistgħu nifhmu l-iskopijiet t’Alla ferm iżjed minn Abram. (Proverbji 4:18) Il-“belt,” jew il-gvern tas-Saltna, li Abram kien ittama fiha issa hija realtà—stabbilita fis-sema sa mill-1914. Għalhekk, m’għandniex aħna nitqanqlu biex naġixxu b’mod li juri l-fidi u l-fiduċja tagħna f’Jehovah?
Tibda r-Residenza Temporanja fl-Art Imwiegħda
15, 16. (a) Abram għala kellu bżonn il-kuraġġ biex jibni artal lil Jehovah? (b) Il-Kristjani llum kif jistgħu jkunu kuraġġużi bħal Abram?
15 Ġenesi 12:5, 6 jgħidilna: “Waslu f’art Kangħan. U Abram qasam l-art sas-santwarju taʼ Sikem, sal-balluta taʼ Mori.” Sikem kienet 50 kilometru fit-tramuntana taʼ Ġerusalemm u kienet tinsab f’wied fertili li ġie deskritt bħala “l-ġenna taʼ l-art imqaddsa.” Minkejja dan, “dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art.” Ladarba l-Kangħanin kienu mħassrin moralment, Abram kien se jkollu jieħu xi prekawzjonijiet biex jipproteġi lill-familja tiegħu mill-influwenza korrotta tagħhom.—Eżodu 34:11-16.
16 Għat-tieni darba, “il-Mulej deher lil Abram u qallu: ‘Lil nislek għad nagħti din l-art.’” X’eċċitament! M’għandniex xi ngħidu, Abram kien jeħtieġ il-fidi biex jifraħ b’xi ħaġa li kienet se titgawda biss minn nislu fil-futur. Minkejja dan, Abram “bena artal lill-Mulej, li kien deherlu.” (Ġenesi 12:7) Studjuż tal-Bibbja jissuġġerixxi: ‘Il-fatt li wieħed jibni artal f’art partikulari kien mod formali kif jieħu l-pussess taʼ dik l-art. Dan kien isir fuq il-bażi li jekk hu jikseb l-art, imbagħad kien se jkun ħieles li jipprattika l-fidi tiegħu hemmhekk.’ Il-bini t’artal bħal dan kien ukoll att kuraġġuż. Mingħajr dubju, dan l-artal kien taʼ dak it-tip li wara ġie speċifikat fil-patt tal-Liġi, magħmul b’ġebel naturali (mhux minġur). (Eżodu 20:24, 25) Għalhekk, minħabba d-dehra differenti għall-aħħar tiegħu, dan l-artal kien se jispikka fost l-artali li kienu jużaw il-Kangħanin. B’dan il-mod, Abram ħa waqfa pubblika kuraġġuża bħala adoratur taʼ dak Alla veru, Jehovah, u dan għamlu minkejja li kien qed iġib fuqu nnifsu ostilità u x’aktarx kien anki qed jipperikola ħajtu. Xi ngħidu għalina llum? Hemm xi wħud minna—speċjalment żgħażagħ—li nżommu lura milli nuru l-ġirien tagħna jew lil sħabna taʼ l-iskola li nqimu lil Jehovah? Jalla l-eżempju kuraġġuż t’Abram jinkuraġġina lkoll biex inħossuna ferħanin bil-fatt li aħna qaddejja taʼ Jehovah!
17. Abram kif wera li kien jippriedka l-isem t’Alla, u dan dwar xiex ifakkarhom lill-Kristjani llum?
17 Kulfejn mar, Abram dejjem ta prijorità lill-qima taʼ Jehovah. “Minn hemm telaq lejn il-muntanja fuq in-naħa tal-lvant taʼ Betel, u waqqaf l-għarix tiegħu hemm, b’Betel fuq il-punent u Għaj fuq il-lvant. U bena hemm artal lill-Mulej u sejjaħ isem il-Mulej.” (Ġenesi 12:8) Il-frażi Ebrajka “sejjaħ isem” tfisser ukoll “tiddikjara (tippriedka) l-isem.” Bla dubju, Abram iddikjara b’kuraġġ l-isem taʼ Jehovah fost il-ġirien Kangħanin tiegħu. (Ġenesi 14:22-24) Dan ifakkarna fid-dmir tagħna llum li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ‘nistqarru ismu’ pubblikament.—Lhud 13:15; Rumani 10:10.
18. Kif kienet ir-relazzjoni t’Abram maʼ l-abitanti taʼ Kangħan?
18 Abram ma damx żmien twil f’dawn l-inħawi. “U Abram baqaʼ sejjer, miexi, miexi lejn in-Negeb”—parti fin-nofsinhar tal-muntanji taʼ Ġuda fejn kienet tagħmel ftit xita. (Ġenesi 12:9) Billi baqaʼ sejjer u wera li kien adoratur taʼ Jehovah f’kull post ġdid li mar, Abram u l-familja tiegħu “għarfu [“iddikjaraw pubblikament,” NW] li huma kienu barranin u għorba fuq l-art.” (Lhud 11:13) Matul dan kollu, huma dejjem evitaw li jagħmlu ħbieb iżżejjed mal-ġirien pagani tagħhom. Bl-istess mod, il-Kristjani llum m’għandhom ikunu ebda parti mid-dinja. (Ġwann 17:16) Filwaqt li aħna dħulin u nuru qalb tajba mal-ġirien u maʼ sħabna taʼ fuq ix-xogħol, noqogħdu attenti li ma ninvolvux ruħna f’kondotta li tirrifletti l-ispirtu taʼ din id-dinja mbiegħda minn Alla.—Efesin 2:2, 3.
19. (a) Il-ħajja taʼ ġiri minn post għal ieħor għala kienet taʼ sfida għal Abram u Saraj? (b) Liema sfidi oħrajn kienu qed jidhru fil-bogħod għal Abram?
19 Ejja ma ninsewx li ma kienx faċli għal Abram u Saraj biex jaddattaw ruħhom għad-diffikultajiet li kellhom jiffaċċjaw matul iż-żmien li damu jiġġerrew minn post għal ieħor. Huma kielu l-prodotti tal-merħliet tagħhom minflok l-ikel li kienu jixtru mis-swieq mimlijin b’kull xorta t’affarijiet f’Ur. Kellhom ukoll jgħixu fit-tined minflok f’dar sabiħa. (Lhud 11:9) Il-ħajja t’Abram kienet waħda attiva. Hu kellu ħafna x’jagħmel biex jieħu ħsieb il-merħliet u l-qaddejja tiegħu. Saraj bla dubju kienet tieħu ħsieb ix-xogħol li skond it-tradizzjoni taʼ dik il-kultura kienu jagħmluh in-nisa: tgħaġen id-dqiq, taħmi l-ħobż, tagħżel is-suf, u tħit il-ħwejjeġ. (Ġenesi 18:6, 7; 2 Slaten 23:7; Proverbji 31:19; Eżekjel 13:18) Xorta waħda, fil-bogħod kienu qed jidhru provi ġodda. Fi żmien qasir Abram u l-familja tiegħu kienu se jiġu wiċċ imbwiċċ maʼ sitwazzjoni li fiha ħajjithom stess kienet se tkun fil-periklu! Kienet se tkun b’saħħitha biżżejjed il-fidi t’Abram biex tkun tiflaħ għall-isfida?
[Noti taʼ taħt]
a Għalkemm illum l-Ewfrat tgħaddi xi sittax-il kilometru fuq il-lvant taʼ fejn qabel kien hemm il-belt taʼ Ur, l-evidenza turi li fl-imgħoddi x-xmara kienet tgħaddi man-naħa tal-punent tal-belt. B’hekk, iktar tard setaʼ jingħad li Abram kien ġej “min-naħa l-oħra tax-xmara [Ewfrat].”—Ġożwè 24:3.
b Sekli wara, is-Sultan Assirjan Assurnasirpal II uża xi ċattri biex jaqsam għan-naħa l-oħra taʼ l-Ewfrat viċin Karkemis. Il-Bibbja ma tgħidilniex jekk Abram kellux jagħmel hekk ukoll inkella jekk hu u l-karavana tiegħu qasmux sempliċement bil-mixi minn ġo l-ilma.
X’Innotajt?
• Abram għala jissejjaħ “il-missier taʼ dawk kollha li jemmnu”?
• Abram għala kien jeħtieġ il-fidi biex jitlaq minn Ur tal-Kaldin?
• Abram kif wera li hu kien jagħti prijorità lill-qima taʼ Jehovah?
[Mappa f’paġna 16]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-VJAĠĠ T’ABRAM
Ur
Ħaran
Karkemis
KANGĦAN
Il-Baħar il-Kbir
[Sors]
Ibbażata fuq mappa li għandha d-drittijiet miżmumin mill-Pictorial Archive (Near Eastern History) Est. and Survey of Israel
[Stampa f’paġna 15]
Abram kien jeħtieġ il-fidi biex iħalli l-kumditajiet li kienet toffri l-ħajja f’Ur
[Stampa f’paġna 18]
Billi kienu jgħixu fit-tined, Abram u l-familja tiegħu ‘ddikjaraw pubblikament li huma kienu barranin u għorba fuq l-art’