It-Taqbida għal Bibbja bil-Grieg Modern
Forsi tissorprendi ruħek jekk tkun taf li fil-Greċja, il-pajjiż li kultant jissejjaħ il-benniena tal-ħsieb liberu, it-traduzzjoni tal-Bibbja bil-lingwa tan-nies komuni kienet iċ-ċentru taʼ taqbida twila u iebsa. Imma min se jirreżisti l-produzzjoni taʼ Bibbja Griega li faċli tifhimha? Għala se jkun hemm min jixtieq iwaqqafha?
HEMM min jaħseb li n-nies li jitkellmu bil-Grieg huma privileġġati, peress li oriġinarjament parti konsiderevoli mill-Iskrittura Mqaddsa nkitbet bil-lingwa tagħhom. Iżda l-Grieg modern huwa differenti ferm mill-Grieg tat-traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Ebrajka li tissejjaħ is-Settanta u minn dak taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana. Fil-fatt, għal dawn l-aħħar sitt sekli, il-biċċa l-kbira min-nies li jitkellmu bil-Grieg sabu li l-Grieg tal-Bibbja hu diffiċli għalihom daqs lingwa barranija. Kliem ġdid ħa post it-termini li kien hemm qabel, u l-vokabolarju, il-grammatika, u l-bini tas-sentenzi nbidlu.
Kollezzjoni taʼ manuskritti Griegi li huma datati mit-tielet sas-sittax-il seklu turi li sar sforz biex is-Settanta tiġi tradotta b’forma taʼ Grieg li kien jintuża iktar tard. Fit-tielet seklu, Girgor, isqof taʼ Neoċesarija (ċ. 213-ċ. 270 E.K.), qaleb il-ktieb taʼ Koħèlet mis-Settanta għal Grieg iktar sempliċi. Fis-seklu 11, Lhudi jismu Tobija bin Eligħeżer li kien jgħix fil-Maċedonja qaleb partijiet mill-Pentatewku tas-Settanta għall-Grieg komuni. Hu saħansitra uża ittri Ebrajċi għall-benefiċċju taʼ Lhud mill-Maċedonja li kienu jitkellmu bil-Grieg biss imma kienu kapaċi jaqraw il-kitba Ebrajka. Pentatewku sħiħ taʼ dan it-tip kien pubblikat f’Kostantinopli fl-1547.
Xaqq Dawl fid-Dlam
Wara li l-inħawi fejn kien mitkellem il-Grieg fl-Imperu Biżantin waqgħu f’idejn l-Ottomani fis-seklu 15, il-maġġuranza tan-nies t’hemmhekk tħallew neqsin mill-edukazzjoni. Il-Knisja Ortodossa, għalkemm kienet privileġġata ħafna taħt l-Imperu Ottoman, bi traskuraġni ħalliet lill-membri tagħha jsiru raħlin fqar u bla skola. Thomas Spelios, kittieb Grieg, ikkummenta hekk: “Il-mira predominanti tal-Knisja Ortodossa u tas-sistema edukattiva tagħha kienet li tipproteġi lill-fidili tagħha mill-invażjoni tal-propaganda Islamika u Kattolika Rumana. Minħabba f’hekk, l-edukazzjoni Griega kienet kemxejn staġnata.” F’atmosfera mudlama bħal din, dawk l-individwi li kienu jħobbu l-Bibbja ħassew il-ħtieġa li jipprovdu lin-nies imnikktin serħan u konsolazzjoni mill-ktieb Bibliku tas-Salmi. Mill-1543 sa l-1835, kien hemm 18-il traduzzjoni tas-Salmi bil-Grieg mitkellem.
L-ewwel traduzzjoni bil-Grieg taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana kollha tħejjiet fl-1630 minn Massimu taʼ Gallipoli, patri Grieg. Dan seħħ bid-direzzjoni u l-għajnuna taʼ Ċirillu Lukaris, patrijarka taʼ Kostantinopli li pprova jirriforma l-Knisja Ortodossa. Madankollu, fil-knisja Lukaris kellu l-għedewwa li ma ridux jaċċettaw attentati taʼ riforma jew jaqblu maʼ xi traduzzjoni tal-Bibbja għal-lingwa mitkellma.a Hu ġie mgħallaq bħala traditur. Minkejja dan, fl-1638 ġew stampati xi 1,500 kopja tat-traduzzjoni taʼ Massimu. B’reazzjoni għal din it-traduzzjoni, 34 sena wara, sinodu Ortodoss f’Ġerusalemm iddikjara li l-Iskrittura “m’għandhiex tinqara minn min ġie ġie imma biss minn dawk li jiflu l-affarijiet profondi taʼ l-ispirtu wara li jkunu għamlu riċerka xierqa.” Dan kien ifisser li l-Iskrittura kellha tinqara biss mill-membri tal-kleru li kellhom l-iskola.
Fl-1703, Serafin, patri Grieg mill-gżira taʼ Lesbos, ipprova jippubblika reviżjoni tat-traduzzjoni taʼ Massimu f’Londra. Meta ma seħħewx il-wegħdi għall-għajnuna finanzjarja mingħand il-qorti rjali Ingliża, hu stampa r-reviżjoni minn butu stess. F’introduzzjoni mqanqla, Serafin enfasizza l-ħtieġa li “kull Kristjan devot” jaqra l-Bibbja, u akkuża lill-kbarat fost il-membri tal-kleru tal-knisja li “jixtiequ jaħbu l-imġiba ħażina tagħhom billi jżommu lin-nies fl-injoranza.” Kif wieħed jistenna, l-għedewwa Ortodossi tiegħu ordnaw li jiġi arrestat fir-Russja u eżiljat lejn is-Siberja, fejn miet fl-1735.
Waqt li kkummenta dwar il-ġuħ spiritwali kbir tan-nies li kienu jitkellmu bil-Grieg matul dan iż-żmien, membru tal-kleru Grieg għamel din l-istqarrija li ġejja dwar reviżjoni li saret iktar tard tat-traduzzjoni taʼ Massimu: “Il-Griegi rċivew din il-Bibbja Mqaddsa, flimkien maʼ l-oħrajn, bl-imħabba u bix-xenqa. U qrawha. U ħassew li l-uġigħ f’qalbhom ittaffa, u l-fidi tagħhom f’Alla . . . tkebbset.” Madankollu, il-mexxejja spiritwali tagħhom beżgħu li jekk in-nies jifhmu l-Bibbja, allura l-membri tal-kleru kienu se jinkixfu minħabba t-twemmin u l-għemejjel mhux Skritturali tagħhom. Għalhekk, fl-1823 u jerġaʼ fl-1836, il-patrijarkat taʼ Kostantinopli ħareġ digriet biex jinħarqu l-kopji kollha taʼ dawn it-traduzzjonijiet tal-Bibbja.
Traduttur Kuraġġuż
F’dan l-ambjent t’oppożizzjoni ħarxa u xenqa ħerqana għal għarfien mill-Bibbja, feġġ individwu prominenti li kien se jkollu rwol fundamentali fit-traduzzjoni tal-Bibbja għall-Grieg modern. Dan l-individwu kuraġġuż kien Neofitos Vamvas, lingwist distint u studjuż tal-Bibbja magħruf, li ġeneralment hu meqjus bħala wieħed mill-“Għalliema tan-Nazzjon.”
Vamvas ra biċ-ċar li l-Knisja Ortodossa kienet taħti għall-injoranza spiritwali tan-nies. Hu kien jemmen b’mod sod li, sabiex iqajjem lin-nies spiritwalment, kien hemm bżonn li l-Bibbja tiġi tradotta għall-Grieg mitkellem fi żmienu. Fl-1831, bl-għajnuna taʼ studjużi oħrajn, hu beda jittraduċi l-Bibbja għall-Grieg letterarju. It-traduzzjoni sħiħa tiegħu ġiet pubblikata fl-1850. Peress li l-Knisja Ortodossa Griega ma riditx tappoġġah, hu ħadem id f’id mas-Soċjetà Biblika Britannika u Barranija (British and Foreign Bible Society [BFBS]) biex jippubblika u jqassam it-traduzzjoni tiegħu. Il-knisja ttimbratu bħala “Protestant,” u malajr sab ruħu mwarrab mis-soċjetà.
It-traduzzjoni taʼ Vamvas saret mill-King James Version u wirtet in-nuqqasijiet taʼ din il-verżjoni peress li t-tagħlim Bibliku u l-għarfien lingwistiku kienu limitati dak iż-żmien. Madankollu, għal bosta snin kienet l-eqreb ħaġa għal Bibbja bil-Grieg modern li n-nies setgħu jsibu. Taʼ interess, din tinkludi l-isem persunali t’Alla erbaʼ darbiet, fil-forma “Ieová.”—Ġenesi 22:14; Eżodu 6:3; 17:15; Mħallfin 6:24.
X’kienet ir-reazzjoni ġenerali tan-nies għal din il-verżjoni u għal verżjonijiet oħrajn tal-Bibbja li kienu faċli biex tifhimhom? Sempliċement impressjonanti! Fuq dgħajsa lil hinn minn waħda mill-gżejjer Griegi, bejjiegħ tal-kotba tal-BFBS “tant resqu lejh dgħajjes mimlijin tfal li ġew għal [Bibbji], li kellu . . . jordna lill-kaptan biex isalpa” sabiex ma jkollux iħalli f’post wieħed il-provvista kollha taʼ Bibbji li kellu! Imma l-oppożizzjoni ma qagħditx b’idejha fuq żaqqha.
Qassisin Ortodossi wissew lin-nies kontra dawn it-traduzzjonijiet. Per eżempju, fil-belt taʼ Ateni ġew konfiskati ħafna Bibbji. Fl-1833, l-isqof Ortodoss taʼ Kreta ta n-nar lill-kopji kollha tat-“Testment il-Ġdid” li sab f’monasterju. Kien hemm qassis li ħeba kopja waħda, u n-nies fl-irħula viċin ħbew il-kopji tagħhom sakemm l-isqof telaq minn fuq il-gżira.
Xi snin wara, fuq il-gżira taʼ Korfù, it-traduzzjoni tal-Bibbja taʼ Vamvas ġiet projbita mis-Sinodu Qaddis tal-Knisja Ortodossa Griega. Il-bejgħ tagħha ġie projbit, u l-kopji li kienu jeżistu ġew meqrudin. Fuq il-gżejjer taʼ Kijos, Siros, u Mikonos, l-ostilità tal-kleru lokali wasslet biex jinħarqu ħafna Bibbji. Imma kienet għadha ġejja iktar restrizzjoni fuq it-traduzzjoni tal-Bibbja.
Reġina Tinteressa Ruħha fil-Bibbja
Matul is-snin sebgħin tas-seklu dsatax, ir-Reġina Olga tal-Greċja rrealizzat li l-Griegi in ġenerali xorta kellhom ftit li xejn għarfien dwar il-Bibbja. Peress li kienet temmen li l-għarfien dwar l-Iskrittura kien se jipprovdi faraġ u serħan lin-nazzjon, hi fittxet li jkollha l-Bibbja tradotta b’lingwa iktar sempliċi minn dik tal-verżjoni taʼ Vamvas.
Fil-privat, l-arċisqof t’Ateni u Prokopios, il-kap tas-Sinodu Qaddis, inkuraġġew lir-reġina f’din l-impriża. Madankollu, meta hi applikat għand is-Sinodu Qaddis għal approvazzjoni uffiċjali, ma ngħatatx permess. Minkejja dan, hi ppersistiet u bagħtet applikazzjoni ġdida, iżda fl-1899 din reġgħet ġiet rifjutata. Waqt li injorat din id-diżapprovazzjoni, hi ddeċidiet li tippubblika edizzjoni limitata minn butha stess. Dan sar fl-1900.
Opponenti Akkaniti
Fl-1901, The Acropolis, gazzetta prominenti t’Ateni, ippubblikat l-Evanġelju taʼ Mattew tradott bil-Grieg Demotiku (tal-poplu) minn Alexander Pallis, traduttur li kien jaħdem f’Liverpool, l-Ingilterra. Il-motiv ċar taʼ Pallis u l-kollegi tiegħu kien li ‘jedukaw lill-Griegi’ u li “jgħinu lin-nazzjon jirkupra” mit-triq għan-niżla.
L-istudenti tat-teoloġija Ortodossa u lgħalliema tagħhom lil din it-traduzzjoni sejħulha “twaqqigħ għaċ-ċajt tar-relikwi l-iktar prezzjużi tan-nazzjon,” profanazzjoni tal-Kitba Mqaddsa. Il-Patrijarka Ġojakim III taʼ Kostantinopli ħareġ dokument b’diżapprovazzjoni għal din it-traduzzjoni. Il-kontroversja ħadet xejra politika u ntużat b’mod qarrieq mill-kampijiet politiċi taʼ kontra xulxin.
Parti influwenti mill-istampa t’Ateni bdiet tattakka t-traduzzjoni taʼ Pallis, u lil dawk li kienu jappoġġawha ttimbrathom bħala “atei,” “tradituri,” u “aġenti taʼ potenzi barranin” li riedu jneħħu l-istabbilità tas-soċjetà Griega. Mill-5 sat-8 taʼ Novembru, 1901, imxewxin minn elementi konservattivi għall-aħħar tal-Knisja Ortodossa Griega, l-istudenti rvellaw f’Ateni. Huma attakkaw l-uffiċċji taʼ The Acropolis, immarċjaw kontra l-palazz, ħadu taħt idejhom l-Università t’Ateni, u esiġew li l-gvern jirriżenja. Fl-aqwa taʼ l-irvellijiet, tmienja min-nies inqatlu fi ġlied maʼ l-armata. L-għada, ir-re esiġa li jirriżenja l-Arċisqof Prokopios, u jumejn wara l-Kabinett kollu rriżenja.
Xahar wara, l-istudenti reġgħu organizzaw dimostrazzjoni u ħarqu fil-pubbliku kopja tat-traduzzjoni taʼ Pallis. Huma ħarġu riżoluzzjoni kontra ċ-ċirkulazzjoni taʼ din it-traduzzjoni u talbu pieni ħorox għal kulmin jagħmel attentat bħal dan fil-futur. Dan serva bħala skuża biex jiġi projbit l-użu taʼ kwalunkwe verżjoni tal-Bibbja bil-Grieg modern. Mument ikrah tabilħaqq!
“Il-Kelma tal-Mulej Tibqaʼ għal Dejjem”
Il-projbizzjoni kontra l-użu tal-Bibbja bil-Grieg modern ġiet annullata fl-1924. Minn dakinhar ’l hawn, il-Knisja Ortodossa Griega sofriet telfa kompleta fl-isforzi tagħha biex ma tħallix li l-Bibbja tkun f’idejn in-nies. Sadanittant, ix-Xhieda taʼ Jehovah kienu minn taʼ quddiem fit-tagħlim tal-Bibbja fil-Greċja, bħalma kienu f’ħafna pajjiżi oħrajn. Mill-1905 ’l hawn, huma użaw it-traduzzjoni taʼ Vamvas biex jgħinu lil eluf taʼ nies li jitkellmu bil-Grieg jiksbu għarfien tal-verità Biblika.
Matul is-snin, ħafna studjużi u professuri għamlu sforzi taʼ min ifaħħarhom biex jipproduċu Bibbja bil-Grieg modern. Illum, hemm madwar 30 traduzzjoni tal-Bibbja, sħiħa jew parti minnha, li jistgħu jinqraw mill-Griegi komuni. Ġawhra vera fosthom hija l-verżjoni Griega tan-New World Translation of the Holy Scriptures, maħruġa fl-1997 għall-benefiċċju tas-16-il miljun ruħ madwar id-dinja li jitkellmu bil-Grieg. Din it-traduzzjoni, prodotta mix-Xhieda taʼ Jehovah, tittraduċi l-Kelma t’Alla b’mod li din tinqara u tinftiehem faċilment, u żżomm fedelment mat-test oriġinali.
It-taqbida għal Bibbja bil-Grieg modern turi fatt importanti. Din tindika b’mod ċar li minkejja l-isforzi ostili taʼ xi bnedmin, “il-kelma tal-Mulej tibqaʼ għal dejjem.”—1 Pietru 1:25.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar tagħrif dwar Ċirillu Lukaris, ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Frar, 2000, paġni 26-9.
[Stampa f’paġna 27]
Fl-1630, Ċirillu Lukaris idderieġa l-ewwel traduzzjoni bil-Grieg taʼ l-Iskrittura Kristjana kollha
[Sors]
Bib. Publ. Univ. de Genève
[Stampi f’paġna 28]
Xi traduzzjonijiet għall-Grieg mitkellem: Is-Salmi stampati: (1) fl-1828 minn Ilarion, (2) fl-1832 minn Vamvas, (3) fl-1643 minn Julianus. “It-Testment il-Qadim” stampat: (4) fl-1840 minn Vamvas
Ir-reġina Olga
[Sorsi]
Bibbji: National Library of Greece; ir-Reġina Olga: Culver Pictures
[Sors tal-Istampa f’paġna 26]
Papiru: Riprodott bil-permess ġentili taʼ The Trustees of the Chester Beatty Library, Dublin
[sors tal-Stampa f’paġna 29]
Papiru: Riprodott bil-permess ġentili taʼ The Trustees of the Chester Beatty Library, Dublin