Ieqfu Sħaħ u b’Konvinzjoni Soda
In-New World Translation Apprezzata minn Miljuni fid-Dinja Kollha
RIEDET 12-il sena, 3 xhur, u 11-il ġurnata taʼ xogħol bir-reqqa. Madankollu, fit-13 taʼ Marzu, 1960, tlestiet l-aħħar parti mit-traduzzjoni l-ġdida tal-Bibbja. Din ġiet imsejħa n-New World Translation of the Holy Scriptures.
Sena wara, ix-Xhieda taʼ Jehovah ippubblikaw din it-traduzzjoni f’volum wieħed. Minn dik l-edizzjoni taʼ l-1961 ġew stampati miljun kopja. Illum, in-numru taʼ kopji stampati qabeż il-mitt miljun. Dan għamel lin-New World Translation waħda mill-iktar Bibbji li tqassmu maʼ kullimkien. Imma, x’kien li qanqal lix-Xhieda biex iħejju din it-traduzzjoni?
Għala Kien Hemm Bżonn taʼ Traduzzjoni Ġdida tal-Bibbja?
Matul is-snin, ix-Xhieda taʼ Jehovah użaw ħafna traduzzjonijiet Ingliżi differenti tal-Bibbja sabiex jifhmu u jxandru l-messaġġ taʼ l-Iskrittura Mqaddsa. Waqt li dawn il-verżjonijiet għandhom it-tajjeb tagħhom, taʼ spiss dawn huma influwenzati mit-tradizzjonijiet reliġjużi u d-duttrini tal-Kristjaneżmu. (Mattew 15:6) Għaldaqstant, ix-Xhieda taʼ Jehovah għarfu li kien hemm bżonn taʼ traduzzjoni tal-Bibbja li tippreżenta bl-eżatt dak li hemm fil-kitbiet oriġinali u ispirati.
L-ewwel pass biex tintlaħaq din il-ħtieġa ttieħed f’Ottubru taʼ l-1946 meta Nathan H. Knorr, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, ippropona li toħroġ traduzzjoni ġdida tal-Bibbja. Fit-2 taʼ Diċembru, 1947, il-Kumitat tat-Traduzzjoni tal-Bibbja New World daħal għax-xogħol biex jipprepara traduzzjoni li tkun eżatta maʼ l-oriġinal, tinkludi l-aħħar sejbiet li jkunu ġabru l-istudjużi mill-manuskritti Bibliċi li jkun għadhom kif instabu, u tuża lingwa li tistaʼ tinftiehem faċilment mill-qarrejja taʼ llum.
Meta fl-1950 ġie pubblikat l-ewwel volum—in-New World Translation of the Christian Greek Scriptures—deher ċar li t-tradutturi kienu laħqu l-objettivi tagħhom. Ċerti versi tal-Bibbja, li qabel ftit li xejn kienu jagħmlu sens, issa saru jinftiehmu ċar daqs il-kristall. Per eżempju, ikkunsidra l-kliem li tant ħabbel imħuħ li nsibu f’Mattew 5:3: “Henjin il-foqra fl-ispirtu.” Dan ġie tradott: “Henjin huma dawk konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” Il-kliem taʼ Ġesù tradott “is-sinjal tal-miġja” ġie tradott bħala “s-sinjal tal-preżenza.” (Mattew 24:3) U l-kliem taʼ l-appostlu Pawlu “l-misteru tar-reliġjon tagħna” jaqra, “is-sigriet sagru taʼ din id-devozzjoni lejn Alla.” (1 Timotju 3:16) Jidher ċar li n-New World Translation fetħet sfera ġdida f’dik li hi fehma Biblika.
Diversi studjużi baqgħu impressjonati. Per eżempju, l-istudjuż Britanniku Alexander Thomson innota li n-New World Translation tispikka fil-mod konsistenti kif tittraduċi l-verbi Griegi fl-imperfett. Biex nagħtu eżempju: Efesin 5:25 fin-New World Translation jaqra “Irġiel miżżewġin, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom” minflok ma jgħid biss “Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom.” “L-ebda verżjoni oħra ma jidher li għandha din il-karatteristika mill-aqwa b’mod tant komplet u regulari,” qal Thomson dwar in-New World Translation.
Aspett ieħor li jispikka fin-New World Translation huwa l-użu taʼ l-isem persunali t’Alla, Jehovah, kemm fil-parti Ebrajka kif ukoll fil-parti Griega taʼ l-Iskrittura. Ladarba l-isem Ebrajk t’Alla jidher kważi 7,000 darba f’dak li hu msejjaħ it-Testment il-Qadim waħdu, jidher ċar li l-Ħallieq tagħna jrid li l-adoraturi tiegħu jużaw ismu u li jkunu jafuh bħala persuna. (Eżodu 34:6, 7) In-New World Translation għenet lil miljuni taʼ nies biex jagħmlu hekk.
In-New World Translation Toħroġ b’Diversi Lingwi
Minn mindu ħarġet bl-Ingliż, ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja xxennqu biex ikollhom in-New World Translation bil-lingwa tagħhom—u bir-raġun. F’xi pajjiżi, kien diffiċli li takkwista traduzzjonijiet bil-lingwi lokali għaliex ir-rappreżentanti tas-soċjetajiet li jqassmu l-Bibbja ma ħadux pjaċir jaraw il-provvista tal-Bibbji tagħhom tispiċċa f’idejn ix-Xhieda taʼ Jehovah. Iktar minn hekk, dawn il-Bibbji bil-lingwa tal-pajjiż taʼ spiss jaħbu tagħlim vitali. Eżempju tipiku hu verżjoni b’waħda mil-lingwi taʼ l-Ewropa t’Isfel li taħbi referenza importanti għall-isem t’Alla. Dan tagħmlu billi minflok il-kliem taʼ Ġesù “Jitqaddes ismek” tpoġġi “Jalla n-nies jagħtuk ġieħ.”—Mattew 6:9.
Fl-1961, it-tradutturi kienu diġà bdew jaqilbu t-test Ingliż tan-New World Translation b’lingwi oħrajn. Wara biss sentejn, in-New World Translation of the Christian Greek Scriptures tlestiet b’sitt lingwi oħra. Sa dak iż-żmien, 3 minn kull 4 Xhieda mad-dinja kollha setgħu jaqraw il-Bibbja bil-lingwa tagħhom stess. Madankollu, kien għad hemm ħafna xogħol xi jsir jekk ix-Xhieda taʼ Jehovah riedu li miljuni taʼ nies oħrajn ikollhom kopja taʼ din il-Bibbja.
Fl-1989, din il-mira saret iktar faċli li tintlaħaq meta twaqqaf is-Servizzi tat-Traduzzjoni fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah. Dan id-dipartiment żviluppa metodu taʼ traduzzjoni li għaqqad flimkien l-istudju tal-kliem Bibliku mat-teknoloġija tal-kompjuter. B’din is-sistema, l-Iskrittura Griega Kristjana setgħet tiġi tradotta b’xi lingwi f’sena waħda u l-Iskrittura Ebrajka f’sentejn biss—frazzjoni miż-żmien kollu li normalment ikun meħtieġ għal proġett taʼ traduzzjoni tal-Bibbja. Mindu ġie żviluppat dan il-metodu, ġew pubblikati 29 edizzjoni tan-New World Translation tradotti mill-Ingliż b’lingwi mitkellma minn iktar minn elfejn miljun ruħ. Bħalissa qed isir xogħol bi 12-il lingwa oħra. Sa llum, in-New World Translation bl-Ingliż ġiet tradotta, sħiħa jew parti minnha, b’41 lingwa oħra.
Issa għaddew ’il fuq minn 50 sena mindu ħarġet l-ewwel parti tan-New World Translation. Dan kien fit-3 t’Awissu, 1950, fl-Assemblea Żjieda tat-Teokrazija li x-Xhieda taʼ Jehovah għamlu fil-Belt taʼ New York. F’dik l-okkażjoni, Nathan H. Knorr ħeġġeġ lil dawk li attendew il-konvenzjoni: “Ħudu din it-traduzzjoni. Aqrawha mill-bidu sa l-aħħar, xi ħaġa li se tieħdu gost tagħmluha. Studjawha, għaliex din se tgħinkom tifhmu aħjar il-Kelma t’Alla. Qassmuha lin-nies.” Aħna ninkuraġġuk biex taqra l-Bibbja kuljum, għax il-messaġġ tagħha jistaʼ jgħinek ‘tieqaf sħiħ u b’konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.’—Kolossin 4:12, NW.
[Tabella/Stampi f’paġna 8, 9]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
“Ħarġiet tan-New World Translation”
Għalkemm għall-ewwel inħarġet bl-Ingliż, issa n-New World Translation hija disponibbli, sħiħa jew parti minnha, b’41 lingwa oħra
L-Iskrittura Griega Kristjana Bibbja Sħiħa
1950 1
1960-69 6 5
1970-79 4 2
1980-89 2 2
1990-Sa llum 29 19