Ibqaʼ Sħiħ, u Irbaħ it-Tellieqa għall-Ħajja
KIEKU jkollok tivvjaġġa fuq il-baħar f’maltempata kbira, liema tip taʼ bastiment kont tippreferi? Tkun trid dgħajsa żgħira u mhux b’saħħitha jew vapur mibni tajjeb u b’saħħtu? Bla dubju kont tagħżel il-vapur, ladarba dan jistaʼ jikkumbatti aħjar mal-mewġ vjolenti.
Waqt li għaddejjin minn din is-sistema dinjija mqallba u perikoluża, aħna niffaċċjaw ċerti sfidi li jbeżżgħuna. Per eżempju, iż-żgħażagħ kultant jistgħu jħossuhom konfużi u inċerti minħabba l-ideat u x-xejriet imħawdin taʼ din id-dinja. Individwi li reċentement saru Kristjani forsi għadhom iħossuhom xi ftit inċerti. Anki xi wħud sodi li ilhom jaqdu lil Jehovah bil-lealtà għal bosta snin jistgħu jġarrbu provi minħabba li t-tamiet tagħhom ikunu għadhom ma twettqux kompletament.
Mhix xi ħaġa ġdida li xi ħadd iħossu hekk. Qaddejja leali taʼ Jehovah, bħal Mosè, Ġob, u David, kultant ħassewhom inċerti. (Numri 11:14, 15; Ġob 3:1-4; Salm 55:5 [55:4, NW]) Madankollu, fil-ħajja tagħhom kienet tispikka d-devozzjoni sħiħa lejn Jehovah. L-eżempju mill-aqwa tagħhom jinkuraġġina nżommu sħaħ bħalhom, imma Satana x-Xitan irid jiżvijana mit-tellieqa għall-ħajja taʼ dejjem. (Luqa 22:31) Għalhekk, aħna kif nistgħu nibqgħu sodi, “sħaħ fil-fidi”? (1 Pietru 5:9) Kif nistgħu nsaħħu lil sħabna fit-twemmin?
Jehovah Iridna Nżommu Sħaħ
Jekk aħna leali lejn Jehovah, hu dejjem se jkun lest biex jgħinna nibqgħu sodi. Is-salmista David iffaċċja ħafna sitwazzjonijiet diffiċli, imma dejjem ittama f’Alla, u b’hekk setaʼ jkanta: “[Jehovah] minn bir waħxi tellagħni, minn qalb il-ħama u t-tajn; fuq il-blat qegħedli riġlejja, u saħħaħli l-mixi tiegħi.”—Salm 40:3 (40:2, NW).
Jehovah jagħtina s-saħħa biex niġġieldu “it-taqbida t-tajba tal-fidi” ħalli nkunu nistgħu ‘nirbħu l-ħajja taʼ dejjem.’ (1 Timotju 6:12) Hu jipprovdi wkoll il-mezz biex aħna nibqgħu sodi u nirbħu l-ġlieda spiritwali tagħna. L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex ‘jitwettqu fil-Mulej u jissaħħu bil-qawwa tiegħu,’ u biex ‘jilbsu l-armatura t’Alla biex ikunu jifilħu jieqfu għat-tnassis tax-Xitan.’ (Efesin 6:10-17) Imma x’jistaʼ jtellfilna l-istabbilità? U kif nistgħu nirreżistu dawn l-influwenzi perikolużi?
Għassu Kontra Affarijiet li Jtellfuna milli Nibqgħu Sodi
Huwa għaqli li niftakru dan il-fatt vitali: Id-deċiżjonijiet li nieħdu eventwalment għandhom effett għat-tajjeb jew għall-ħażin fuq jekk nibqgħux Kristjani sodi jew le. Iż-żgħażagħ jiffaċċjaw deċiżjonijiet rigward affarijiet bħall-karriera, l-edukazzjoni supplimentari, u ż-żwieġ. L-adulti forsi jkollhom jiddeċiedu jekk imorrux jgħixu f’xi post ieħor jew jekk ikollhomx iktar minn impjieg wieħed. Aħna kuljum nieħdu deċiżjonijiet rigward kif nużaw il-ħin u ħafna affarijiet oħra. X’se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet għaqlin li se jikkontribwixxu biex aħna nibqgħu sodi bħala qaddejja taʼ Jehovah? Kristjana li ilha taqdi għal żmien twil qalet: “Jien nitlob l-għajnuna taʼ Jehovah meta jkolli nieħu xi deċiżjonijiet. Jien nemmen li huwa importanti li taċċetta u tapplika l-pariri li jingħataw mill-Bibbja, fil-laqgħat Kristjani, mill-anzjani, u fil-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja.”
Meta nkunu se nieħdu xi deċiżjonijiet, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Ħames jew għaxar snin oħra, se nkun kuntent bid-deċiżjonijiet li qed nieħu issa, jew se jiddispjaċini? Qiegħed jien nagħmel l-almu tiegħi biex inkun żgur li d-deċiżjonijiet li nieħu mhux se jtellfuni milli nibqaʼ sod spiritwalment imma li se jikkontribwixxu għall-progress spiritwali tiegħi?’—Filippin 3:16.
Xi wħud li huma mgħammdin u li jċedu għat-tentazzjonijiet jew iħallu lilhom infushom jaslu qrib li jiksru l-liġi t’Alla jgħixu ħajja xejn m’hi stabbli. Xi wħud li tkeċċew mill-kongregazzjoni minħabba li ma ddispjaċihomx li qabdu ħajja midinba ħadmu iebes biex jerġgħu jiġu aċċettati bħala parti mill-kongregazzjoni, biex imbagħad reġgħu ġew maqtugħin mis-sħubija—xi drabi ftit żmien biss wara—minħabba l-istess dnub. Jistaʼ jkun li huma ma talbux għall-għajnuna divina biex ikunu jistgħu ma ‘jaħmlux il-ħażen u jżommu mat-tajjeb.’ (Rumani 12:9; Salm 97:10) Ilkoll kemm aħna jeħtieġ li ‘naqbdu triq dritta għal riġlejna.’ (Lhud 12:13) Għalhekk, ejja nikkunsidraw xi ftit punti li jistgħu jgħinuna nibqgħu sodi spiritwalment.
Ibqaʼ Sħiħ Permezz t’Attivitajiet Kristjani
Mod wieħed kif nistgħu nibqgħu sħaħ fit-tiġrija tal-ħajja tagħna huwa li jkollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Iva, il-ministeru Kristjan tagħna huwa għajnuna imprezzabbli biex inżommu qalbna u moħħna ffokati fuq li nagħmlu r-rieda t’Alla u fuq ir-rigal taʼ ħajja taʼ dejjem. Fi qbil maʼ dan, Pawlu ħeġġeġ lill-Korintin: “Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.” (1 Korintin 15:58) Li ‘nżommu sħaħ’ ifisser li ‘ma niċċaqalqux.’ “Titħarrkux” tistaʼ tfisser ‘li ma tħallix lilek innifsek titlef id-direzzjoni.’ B’hekk, li jkollna ħafna x’nagħmlu fil-ministeru tagħna jistaʼ jkollu effett li jgħinna nibqgħu sodi fil-ħajja Kristjana tagħna. Il-fatt li ngħinu lil ħaddieħor isir jaf lil Jehovah jagħtina skop fil-ħajja u jġibilna l-ferħ.—Atti 20:35.
Pauline, mara Kristjana li ilha iktar minn 30 sena taqdi bħala missjunarja u f’aspetti oħra tal-ministeru full-time, tgħid: “Il-ministeru huwa protezzjoni minħabba li meta nagħti xiehda lil ħaddieħor inkun qed nikkonferma miegħi nnifsi li jien għandi l-verità.” Konvinzjoni simili tirriżulta minn sehem regulari f’attivitajiet Kristjani oħra, bħal li nattendu l-laqgħat għall-qima u nħabirku biex nagħmlu studju persunali tal-Bibbja.
Nibqgħu Sodi Permezz taʼ l-Imħabba taʼ l-Aħwa
Li nkunu parti mill-organizzazzjoni taʼ qaddejja veri madwar id-dinja jistaʼ jkollu effett kbir fuqna biex nibqgħu sodi. X’barka hi li nagħmlu parti minn fratellanza globali kollha mħabba! (1 Pietru 2:17) U nistgħu wkoll ngħinu lill-Kristjani sħabna biex jibqgħu sodi.
Ikkunsidra l-azzjonijiet tar-raġel rett Ġob li huma t’għajnuna għalina. Saħansitra, Elifaż il-ħabib falz taʼ Ġob kellu jammetti: “Min kien jogħtor kien iqajjmu kliemek, u l-irkubbtejn mitruħa jsaħħaħlu.” (Ġob 4:4) Qegħdin aħna nkunu t’għajnuna għal oħrajn b’dan il-mod? Individwalment, aħna għandna r-responsabbiltà li ngħinu lil ħutna spiritwali biex jibqgħu sħaħ fis-servizz t’Alla. Meta nkunu magħhom, nistgħu naġixxu bl-istess spirtu tal-kliem: “Qawwu l-idejn mitruħa; saħħu l-irkubbtejn imriegħda.” (Isaija 35:3) Għala ma tagħmilhiex il-mira tiegħek li ssaħħaħ u tħeġġeġ xi wieħed jew tnejn mill-Kristjani sħabek kulmeta tiltaqaʼ magħhom? (Lhud 10:24, 25) Kliem inkuraġġanti taʼ tifħir u gratitudni għall-isforzi kontinwi tagħhom biex jogħġbu lil Jehovah jistaʼ tassew jgħinhom jibqgħu sħaħ bil-prospett li joħorġu rebbiħin fit-tellieqa għall-ħajja.
L-anzjani Kristjani jistgħu jagħmlu ħafna ġid jekk jinkuraġġixxu lil uħud ġodda. Dan jistaʼ jkun possibbli billi joffru suġġerimenti t’għajnuna u pariri Skritturali f’lokhom kif ukoll billi jaħdmu magħhom fil-ministeru. L-appostlu Pawlu kien jaħtaf kull opportunità biex isaħħaħ lil oħrajn. Hu kellu sebaʼ mitt sena sakemm jara lill-Kristjani f’Ruma biex ikun jistaʼ jgħinhom jissaħħu spiritwalment. (Rumani 1:11) Hu kkunsidra lil ħutu l-għeżież ġo Filippi bħala l-“ferħ u kuruna” tiegħu u ħeġġiġhom biex ‘iżommu sħaħ fil-Mulej.’ (Filippin 4:1) Meta semaʼ bit-tbatijiet li kienu qed jiffaċċjaw ħutu fit-Tessalonika, Pawlu bagħat lil Timotju biex ‘iwettaqhom u jagħmlilhom il-qalb sabiex ħadd minnhom ma jitħarrek fost it-tiġrib.’—1 Tessalonikin 3:1-3.
L-appostli Pawlu u Pietru għarfu u apprezzaw l-isforzi leali taʼ sħabhom fit-twemmin. (Kolossin 2:5; 1 Tessalonikin 3:7, 8; 2 Pietru 1:12) L-istess aħna, ejja niffokaw mhux fuq in-nuqqasijiet taʼ ħutna imma fuq il-kwalitajiet mill-aqwa tagħhom u s-suċċess tagħhom fil-ġlieda li qed jiġġieldu biex jibqgħu sħaħ u jonoraw lil Jehovah.
Jekk inkunu negattivi jew noqogħdu nikkritikaw nistgħu mingħajr ma nkunu nafu nagħmluha iktar diffiċli għal xi wħud biex jibqgħu sħaħ fil-fidi. Kemm hu xieraq li niftakru li ħutna jħossuhom “imdejjqa u mitluqa” f’din is-sistema dinjija! (Mattew 9:36) Fil-kongregazzjoni Kristjana, huma jistennew li jsibu faraġ u serħan. B’hekk, jalla lkoll kemm aħna nagħmlu l-aħjar tagħna biex nibnu lil sħabna fit-twemmin u ngħinuhom jibqgħu sħaħ.
Kultant ikun hemm min jittrattana b’tali mod li jistaʼ jġagħalna ma nibqgħux sħaħ daqskemm konna. Se nħallu aħna xi kumment aħrax jew att nieqes mill-imħabba jġagħalna nnaqqsu l-pass tagħna fis-servizz taʼ Jehovah? Mela jalla qatt ma nħallu lil ħadd iwaqqafna milli nibqgħu sħaħ!—2 Pietru 3:17.
Il-Wegħdi t’Alla Jgħinuna Nkunu Sodi
Il-wegħda taʼ Jehovah għal futur meraviljuż taħt il-ħakma tas-Saltna tagħtina tama li tgħinna nibqgħu nżommu sħaħ. (Lhud 6:19) U l-konvinzjoni li Alla dejjem iwettaq il-wegħdi tiegħu timmotivana biex ‘nishru u nżommu sħaħ fil-fidi.’ (1 Korintin 16:13; Lhud 3:6) Il-fatt li forsi xi wħud mill-wegħdi t’Alla jidhru li se jdumu biex jitwettqu jistaʼ jittestja l-fidi tagħna. Għalhekk, huwa importanti ħafna li ngħassu kontra li niġu żvijati minn tagħlim falz u nitilfu t-tama tagħna.—Kolossin 1:23; Lhud 13:9.
L-eżempju ħażin taʼ l-Iżraelin li mietu minħabba li ma kellhomx fidi fil-wegħdi taʼ Jehovah għandu jservi taʼ twissija għalina. (Salm 78:37) Minflok ma nkunu bħalhom, jalla nkunu sħaħ, u naqdu lil Alla b’sens t’urġenza f’dawn il-jiem tat-tmiem. Wieħed anzjan taʼ l-esperjenza qal: “Jien ngħix kull ġurnata daqslikieku l-jum kbir taʼ Jehovah ġej għada.”—Ġoel 1:15.
Iva, il-jum il-kbir taʼ Jehovah dalwaqt se jiġi. Madankollu, m’għandniex minn xiex nibżgħu jekk nibqgħu qrib t’Alla. Jekk inżommu sodi mal-livelli ġusti tiegħu u nibqgħu sħaħ, aħna nistgħu niġru b’suċċess it-tellieqa għall-ħajja eterna!—Proverbji 11:19; 1 Timotju 6:12, 17-19.
[Stampa f’paġna 23]
Qiegħed int tagħmel kulma tistaʼ biex tgħin lill-Kristjani sħabek jibqgħu sħaħ?
[Sors tal-Istampa f’paġna 21]
The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck