Il-Foqra Jsiru Iktar Foqra
“Żgur li ebda soċjetà ma tistaʼ tiffjorixxi u tkun hienja jekk il-maġġuranza tal-membri tagħha huma foqra u mdejqin.”
L-EKONOMISTA Adam Smith għamel din l-istqarrija lura fis-seklu 18. Ħafna huma konvinti li l-verità taʼ dak li qal hija ħafna iktar ovvja llum. Il-kuntrast bejn l-għonja u l-foqra sar jispikka saħansitra iktar. Fil-Filippini, terz mill-popolazzjoni jgħaddu b’inqas minn 41ċ kuljum, ammont li spiss in-nies jaqilgħuh fi ftit minuti f’pajjiżi iktar sinjuri. Ir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem 2002 li għamlet il-Ġnus Magħquda jgħid li “5 fil-mija tan-nies l-iktar sinjuri għandhom dħul taʼ 114-il darba iktar mill-5 fil-mija tan-nies l-iktar foqra.”
Waqt li xi wħud jgħixu relattivament komdi, miljuni jgħixu bħala residenti illegali, billi jibnu gabubi kulfejn jistgħu. Oħrajn m’humiex daqshekk fortunati; jgħixu fit-toroq, u forsi jkollhom xi biċċa kartuna jew plastik biex tipproteġihom mill-kesħa taʼ l-art. Ħafna minnhom jagħmlu sforz kbir biex jiksbu l-għajxien kif jistgħu—iqallbu fil-miżbla, iġorru tagħbijiet tqal, jew jiġbru affarijiet għar-riċiklar f’xi karretta.
Mhux talli d-differenzi bejn l-għonja u l-foqra jinstabu f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw imma talli bħalma jistqarr il-Bank Dinji, “‘l-inħawi fejn hemm il-foqra’ huma komuni f’kull pajjiż.” Mill-Bangladexx sa l-Istati Uniti, ikunu kemm ikunu għonja xi wħud, hemm dawk li qed jissieltu biex ikollhom biżżejjed x’jieklu u saqaf fuq rashom. The New York Times ikkwotat rapport li sar mill-Uffiċċju taċ-Ċensiment taʼ l-Istati Uniti fis-sena 2001 li indika li d-differenza bejn l-għonja u l-foqra fl-Istati Uniti baqgħet dejjem tikber. Dan qal: “Għoxrin fil-mija taʼ l-iktar nies għonja tal-popolazzjoni rċivew nofs id-dħul kollu tal-familji s-sena l-oħra . . . Għoxrin fil-mija min-nies l-iktar foqra rċivew biss 3.5 fil-mija.” Is-sitwazzjoni hija l-istess jew agħar f’ħafna pajjiżi oħra. Rapport mill-Bank Dinji juri li madwar 57 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja jgħaddu b’inqas minn 82ċ kuljum.
Agħar minn hekk, fl-2002, miljuni taʼ nies ħassewhom disturbati minħabba rapporti dwar kif xi uffiċjali għoljin saru għonja f’ċirkustanzi dubjużi. Anki jekk ma sar xejn illegali direttament, ħafna ħassew li dawn l-uffiċjali tal-kumpaniji, bħalma stqarret ir-rivista Fortune, “qed isiru għonja b’mod eċċessiv, straordinarju, u diżgustanti.” Meta jqisu dak li qed jiġri fid-dinja, ħafna jibqgħu mbellhin kif dawn l-ammonti enormi, li huma stmati li jilħqu mijiet taʼ miljuni taʼ dollari għal xi ftit individwi, jistgħu jkunu ġustifikati meta hawn daqstant nies jgħixu fil-faqar.
Il-Faqar Se Jibqaʼ għal Dejjem?
Dan ma jfissirx li ħadd m’hu qed jipprova jagħmel xi ħaġa dwar l-istat imwiegħer tal-foqra. Ċertament li uffiċjali tal-gvern u organizzazzjonijiet t’għajnuna b’intenzjoni tajba għamlu proposti għal bidliet. Minkejja dan, il-fatti xorta m’humiex inkuraġġanti. Ir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem 2002 jgħid li “ħafna pajjiżi huma iktar foqra milli kienu 10, 20 u f’ċerti każi anki 30 sena ilu,” avolja saru ħafna sforzi nobbli biex isir titjib.
Allura l-foqra m’għandhom ebda tama? Aħna nistidnuk taqra l-artiklu li jmiss biex tikkunsidra ftit għerf prattiku li jistaʼ jgħin issa stess, kif ukoll xi soluzzjonijiet li forsi int qatt ma ħsibt dwarhom.