Rebekka-Mara Bieżla li Kellha l-Biżaʼ t’Alla
IMMAĠINA li tistaʼ tagħżel mara għal ibnek. Kieku x’tip taʼ persuna tagħżel? Liema kwalifiki trid li jkollha? Kont int tfittex tfajla li kienet attraenti, intelliġenti, qalbha tajba, u bieżla? Jew kont l-ewwel tara jekk tilħaqx ċerti kwalifiki?
Abraham kellu jħabbat wiċċu maʼ din il-problema. Jehovah kien wiegħdu li kienu se jiġu barkiet kbar fuq id-dixxendenti tiegħu permezz taʼ ibnu Iżakk. Ejja niftħu l-Bibbja u naraw ir-rakkont minn meta Abraham kien diġà xjaħ u ibnu kien għadu ma żżewwiġx. (Ġenesi 12:1-3, 7; 17:19; 22:17, 18; 24:1) Ladarba dawn il-barkiet kienu se jiġu fuq Iżakk u fuq il-mara u xi wlied li kien għad irid ikollu fil-futur, Abraham għamel arranġamenti biex isib mara addattata għal Iżakk. Fuq kollox, hi kellha tkun qaddejja taʼ Jehovah. Ladarba ebda mara bħal din ma setgħet tinstab f’Kangħan, fejn kien joqgħod Abraham, hu kellu jfittex xi mkien ieħor. Il-persuna li fl-aħħar intgħażlet kienet Rebekka. Kif sabha? Kienet mara spiritwali? X’nistgħu nitgħallmu meta nikkunsidraw l-eżempju tagħha?
Tfittxija għal Mara li Kienet Tikkwalifika
Abraham bagħat lill-qaddej l-iktar anzjan li kellu, x’aktarx lil Eligħeżer, lejn il-Mesopotamja, pajjiż ’il bogħod, biex isib għarusa għal Iżakk minn fost il-qraba t’Abraham, li bħalu kienu aduraturi taʼ Jehovah. Din il-kwistjoni tant hi serja li Eligħeżer ikollu jieħu ġurament li hu ma kienx se jagħżel mara Kangħanija bħala għarusa għal Iżakk. L-insistenza t’Abraham hija xi ħaġa taʼ min jagħti kasha.—Ġenesi 24:2-10.
Wara li Eligħeżer wasal fil-belt fejn kienu joqogħdu l-qraba t’Abraham, hu ħa l-għaxar iġmla li kellu ħdejn bir. Immaġina din ix-xena! Kien fil-għaxija, u Eligħeżer jitlob: “Hawn jien wieqaf ħdejn l-għajn taʼ l-ilma u l-bniet tan-nies tal-belt ħerġin jimlew l-ilma. Agħmel li ż-żagħżugħa li ngħidilha: ‘Niżżel il-qolla tiegħek biex nixrob,’ u tgħidli: ‘Ixrob int, u jien nisqi l-iġmla tiegħek ukoll,’ tkun hi li int tkun għażilt għall-qaddej tiegħek Iżakk.”—Ġenesi 24:11-14.
Bħalma x’aktarx li taf kull mara li tgħix f’dawk l-inħawi, ġemel li jkun bil-għatx jistaʼ jixrob ħafna (sa 100 litru) ilma. Mela, mara li offriet li ttellaʼ l-ilma għal għaxar iġmla bilfors li kienet lesta li tidħol għal biċċa xogħol iebsa. Il-fatt li għamlet dan kollu waqt li oħrajn kienu qed josservawha bla ma joffru li jgħinuha ta prova taʼ kemm kellha enerġija, paċenzja, u umiltà, u kemm kienet qalbha tajba man-nies u l-annimali.
Imbagħad x’ġara? “Ġara li qabel ma temm jitkellem, hemm hi, Rebekka, li kienet twieldet lil Betwel bin Milka, mart Naħor, ħu Abraham, ħierġa biex timla l-ilma, bil-qolla fuq spallitha. U ż-żagħżugħa kienet sabiħa ħafna fil-għajn, xebba . . . u niżlet fl-għajn u mliet il-qolla tagħha, u telgħet. U l-qaddej mar jiġri jilqagħha u qalilha: ‘Jekk jogħġbok, ħallini nixrob qatra ilma mill-qolla tiegħek.’ U hi qaltlu: ‘Ixrob, ja sidi,’ u niżżlet minnufih il-qolla f’idha, u sqietu.”—Ġenesi 24:15-18.
Kienet Rebekka Tikkwalifika?
Rebekka, li nannuha kien jiġi ħu Abraham, kienet mara sabiħa u taʼ prinċipji għoljin. Kienet bniedma li tħobb tkellem lil kulħadd imma ma kienet tagħti kunfidenza żejda lil ħadd. Hi tat jixrob lil Eligħeżer meta dan talabha ftit ilma. Hekk kien xieraq li tagħmel, ladarba din kienet id-drawwa taʼ dak iż-żmien. Xi ngħidu għat-tieni ħaġa li Eligħeżer kien talab?
Rebekka tgħid: “Ixrob, ja sidi.” Imma dan ma kienx biżżejjed. Hi tkompli: “Ħa nimla wkoll għall-iġmla tiegħek, sakemm jixorbu sa jixbgħu.” Hi toffrilu iktar milli kien mistenni f’ċirkustanzi normali. B’ħeġġa kbira hi “minnufih ferrgħet il-qolla fil-ħawt, u reġgħet ġriet lejn il-bir biex timla, u mliet għall-iġmla kollha.” Dik enerġija li kellha! “U r-raġel baqaʼ jħares lejha [“iċċassat,” NW ].”—Ġenesi 24:19-21.
Malli sar jaf li din iż-żagħżugħa kienet tiġi minn Abraham, Eligħeżer jinżel wiċċu fl-art jiżżi ħajr lil Jehovah. Hu jistaqsiha jekk kellhomx post f’dar missierha fejn hu u dawk li kienu miegħu setgħu jqattgħu l-lejl. Rebekka tgħidlu li kellhom fejn iżommuhom u tmur tiġri lejn id-dar biex tgħidilhom bil-viżitaturi.—Ġenesi 24:22-28.
Wara li semgħu r-rakkont kollu minn fomm Eligħeżer, Laban, ħu Rebekka, u Betwel, missierha, indunaw li kollox kien ġej minn Alla. Ma kien hemm ebda dubju li Rebekka kienet il-waħda li ntgħażlet għal Iżakk. Huma jgħidu: “Ħudha u mur; u tkun hi l-mara għal bin sidek bħalma qal il-Mulej.” Rebekka kif tħossha? Meta staqsewha jekk tridx titlaq mill-ewwel, hi weġbithom b’kelma waħda bl-Ebrajk, li tfisser ‘lesta li mmur.’ Ħadd ma jġagħalha taċċetta l-proposta tiegħu. Abraham kien għamilha ċara lil Eligħeżer li hu kien jinħeles mill-ġurament tiegħu “jekk il-mara ma tkunx trid” tmur miegħu. Imma anki Rebekka tifhem li dan kollu kien ġej minn Alla. Għalhekk, bla ma qagħdet titnikker, hi telqet lill-familja tagħha biex tiżżewweġ bniedem li qatt ma kienet iltaqgħet miegħu. Din id-deċiżjoni kuraġġuża turi li l-fidi tagħha kienet tispikka. Tabilħaqq, hi l-mara ideali!—Ġenesi 24:29-59.
Meta Rebekka tiltaqaʼ maʼ Iżakk, hi tilbes il-velu bħala sinjal taʼ sottomissjoni. Iżakk jiħodha b’martu, u bla dubju minħabba l-kwalitajiet mill-aħjar tagħha, hu jsir iħobbha.—Ġenesi 24:62-67.
Tewmin Subien
Rebekka damet bla tfal xi 19-il sena. Fl-aħħar, hi jkun se jkollha tewmin, imma t-tqala tagħha kienet diffiċli, għax it-tewmin tant kienu jissaraw f’ġufha li kellha titlob lil Alla dwar dan. Forsi aħna nagħmlu bħalha meta nkunu għaddejjin minn żmien taʼ niket f’ħajjitna. Jehovah semaʼ lil Rebekka u serrħilha rasha. Hi kellha ssir l-omm taʼ żewġ popli, u “l-kbir [kien se] jaqdi liż-żgħir.”—Ġenesi 25:20-26.
Forsi dan il-kliem ma kienx l-unika raġuni għala Rebekka kienet tħobb iktar lil Ġakobb, binha ż-żgħir. Is-subien kienu differenti. Ġakobb kien “kwiet,” imma Għesaw tant kien indifferenti lejn l-affarijiet spiritwali li għal ikla waħda biegħ il-primoġenitura tiegħu, id-dritt li jiret il-wegħdi t’Alla, lil Ġakobb. Il-fatt li Għesaw iżżewweġ żewġ nisa Ħittin wera nuqqas t’apprezzament—jekk mhux ukoll stmerrija—għall-valuri spiritwali, u b’hekk nikket lill-ġenituri tiegħu.—Ġenesi 25:27-34; 26:34, 35.
Tikseb bi Sforz il-Barka għal Ġakobb
Il-Bibbja ma tgħidilniex jekk Iżakk kienx jaf li Għesaw kellu jaqdi lil Ġakobb. Kien x’kien il-każ, kemm Rebekka u kemm Ġakobb kienu jafu li l-barka kienet tiegħu. Rebekka taġixxi fil-pront hekk kif tismaʼ li Iżakk kellu l-intenzjoni li jbierek lil Għesaw x’ħin dan jiħodlu platt laħam tal-kaċċa. Hi kien għad għandha l-istess ħeġġa u determinazzjoni li kellha meta kienet għadha żagħżugħa. Għalhekk, ‘tordna’ lil Ġakobb iġibilha żewġ gidjien. Kienet se ssajjar ikla li togħġob lil żewġha. Imbagħad Ġakobb kellu jilbes u jagħmilha t’Għesaw biex jikseb il-barka. Ġakobb oġġezzjona. Żgur li missieru kien se jinduna bil-qerq u jisħtu! Rebekka tinsisti. “Is-saħta tiegħek fuqi, ibni,” tgħidlu hi. Imbagħad issajjarlu l-ikel, iġġiegħel lil Ġakobb jilbes taʼ Għesaw, u tibagħtu għand żewġha.—Ġenesi 27:1-17.
Il-Bibbja ma tgħidilniex għala Rebekka taġixxi hekk. Ħafna jikkundannaw il-mod kif aġixxiet, imma la l-Bibbja ma kkundannatu u lanqas Iżakk meta skopra li Ġakobb kien kiseb il-barka. Pjuttost, Iżakk ikabbar il-barka. (Ġenesi 27:29; 28:3, 4) Rebekka taf x’kien bassar Jehovah dwar is-subien tagħha. Għalhekk, hi taġixxi biex tkun ċerta li Ġakobb jirċievi l-barka li bi dritt hija tiegħu. Jidher ċar li dan hu fi qbil mar-rieda taʼ Jehovah.—Rumani 9:6-13.
Ġakobb Mibgħut Ħaran
Rebekka issa tħarbat il-pjan t’Għesaw billi tħeġġeġ lil Ġakobb biex jaħrab sakemm ħuh jgħaddilu l-għadab li kellu. Hi titlob il-kunsens taʼ Iżakk għall-pjan tagħha imma b’qalb tajba ma ssemmi xejn dwar l-għadab li kellu Għesaw. Minflok, hi tuża t-tattika u lil żewġha turih li kienet inkwetata għax ma riditx li Ġakobb ifettillu jiżżewweġ xi mara Kangħanija. L-idea nfisha li Ġakobb setaʼ jagħmel dan ikkonvinċiet lil Iżakk jordnalu biex ma jiżżewwiġx mara Kangħanija u bagħtu għand il-familja taʼ Rebekka biex isib mara li għandha l-biżaʼ t’Alla. Il-Bibbja ma ssemmix jekk Rebekka qattx reġgħet ratu lil Ġakobb, imma dak li għamlet hi żgur li kien premjanti ferm għall-ġens futur taʼ Iżrael.—Ġenesi 27:43–28:2.
Dak li nafu dwar Rebekka jġagħalna nammirawha. Kienet mara sabiħa ħafna, imma s-sbuħija vera tagħha kienet id-devozzjoni kbira li kellha lejn Alla. Dan hu li Abraham fittex fil-mara tat-tifel tiegħu. Il-kwalitajiet tajbin l-oħra li kellha x’aktarx li lanqas Abraham qatt ma stenniehom. Il-fidi u l-kuraġġ li wriet biex timxi mal-gwida t’Alla u ż-żelu, il-modestja, u l-ospitalità ġeneruża tagħha huma kwalitajiet li n-nisa Kristjani kollha jagħmlu tajjeb li jimitawhom. Dawn huma l-kwalitajiet li Jehovah innifsu jfittex f’mara li hi verament eżemplari.