LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 8/1 pp. 4-7
  • Il-Gvern tas-Saltna t’Alla—Realtà Llum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Gvern tas-Saltna t’Alla—Realtà Llum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Amministratur Ewlieni tal-​Gvern tas-​Saltna
  • Is-​Sudditi tal-​Gvern tas-​Saltna t’Alla
  • Is-​Saltna t’Alla u l-​Edukazzjoni
  • Is-Saltna t’Alla Taħkem
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • X’Inhi s-​Saltna t’Alla?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Saltna “li Ma Tinqered Qatt”
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • X’inhi s-Saltna t’Alla?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 8/1 pp. 4-7

Il-​Gvern tas-​Saltna t’Alla—Realtà Llum

“Kif jistaʼ jkun li tant pajjiżi, b’tant kulturi differenti f’diversi livelli taʼ żvilupp, jaqblu? Intqal li l-​unika ħaġa li se tgħaqqad lir-​razza umana hija attakk minn pjaneta oħra.”—The Age, gazzetta Awstraljana.

ATTAKK minn pjaneta oħra? Għalkemm ma nafux jekk dan jistax jgħaqqad lill-​ġnus taʼ l-​art jew le, il-​profezija tal-​Bibbja fil-​fatt tgħid li riesqa kriżi li se ġġiegħel lill-​ġnus tad-​dinja jingħaqdu flimkien. U tabilħaqq, din il-​kriżi se tkun kaġunata minn forzi estraterrestrijali.

Is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem tkellem b’mod profetiku dwar din is-​sitwazzjoni fid-​dinja. Taħt ispirazzjoni divina hu kiteb: “Is-​slaten taʼ l-​art iqumu, u l-​kbarat jiftiehmu bejniethom kontra l-​Mulej u l-​Midluk tiegħu; ‘Ħa nkissru l-​ktajjen tagħhom, u ntajjru minn fuqna l-​irbit tagħhom!’” (Salm 2:2, 3; Atti 4:25, 26) Innota li l-​ħakkiema taʼ l-​art kellhom jiftiehmu bejniethom kontra Jehovah, il-​Ħallieq taʼ l-​univers, u l-​midluk tiegħu, jew is-​Sultan maħtur tiegħu, Ġesù Kristu. Dan kif kellu jiġri?

Skond il-​kronoloġija tal-​Bibbja u l-​profeziji mwettqin, fis-​sena 1914 is-​Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-​smewwiet b’Ġesù Kristu bħala Sultan.a F’dak iż-​żmien il-​ġnus tad-​dinja kellhom ħsieb wieħed f’moħħhom. Minflok ma baxxew rashom għas-​sovranità tas-​Saltna l-​ġdida t’Alla, huma kienu mitlufin f’taqbida għall-​poter—il-​Gwerra l-​Kbira, jew l-​ewwel gwerra dinjija.

Alla Jehovah x’jaħseb dwar dan il-​mod kif jirreaġixxu l-​ħakkiema umani? “Dak li hu fis-​smewwiet jidħak bihom, il-​Mulej biċ-​ċajt jeħodhom. Mbagħad ikellimhom bil-​herra, bil-​qilla tiegħu jkexkixhom.” Wara, Jehovah se jgħid lil Ibnu, is-​Sultan midluk tas-​Saltna: “Itlobni, u l-​ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-​art bi priża tiegħek. B’virga tal-​ħadid int tkissirhom, bħal ġarra tal-​fuħħar frak tagħmilhom.”—Salm 2:4, 5, 8, 9.

Din ir-​rebħa finali b’virga tal-​ħadid kontra l-​ġnus għedewwa se sseħħ f’Armageddon, jew Ħarmagedon. L-​aħħar ktieb tal-​Bibbja, l-​Apokalissi, jiddeskrivi din il-​ġrajja importanti ferm bħala l-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox,” u għaliha qed jinġabru flimkien “is-​slaten tad-​dinja kollha.” (Apokalissi 16:14, 16) Taħt l-​influwenza demonika, il-​ġnus taʼ l-​art sa fl-​aħħar se jingħaqdu flimkien bi skop wieħed—li jiggwerraw kontra Alla li Jistaʼ Kollox.

Iż-żmien meta l-​bnedmin se jiftiehmu bejniethom biex jiġġieldu kontra s-​sovranità t’Alla riesaq bl-​għaġla. L-​ironija hi li huma m’humiex se jibbenefikaw personalment minn din l-​“għaqda” tagħhom. Minflok, l-​aġir tagħhom se jwassal lill-​umanità kollha għall-​paċi tant mistennija. Dan kif? F’din il-​gwerra finali, is-​Saltna t’Alla se “tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha [tad-dinja], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Is-​Saltna t’Alla, mhux xi organizzazzjoni umana, se tkun il-​gvern li se jaqtaʼ x-​xewqa taʼ l-​umanità għall-​paċi dinjija.

L-​Amministratur Ewlieni tal-​Gvern tas-​Saltna

Din hija s-​Saltna li ħafna nies sinċieri ilhom jitolbu għaliha, billi jgħidu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 6:10) Is-​Saltna t’Alla m’hijiex xi kundizzjoni astratta tal-​qalb, imma hi gvern reali li wettaq għemejjel taʼ l-​għaġeb mindu ġie inawgurat fis-​sema fl-​1914. Ejja nikkunsidraw xi fatturi importanti illi juru li llum is-​Saltna t’Alla hija reali u qed taġixxi bis-​sħiħ.

L-ewwelnett, is-​Sultan li qiegħed fuq it-​tron taʼ din is-​Saltna hu Ġesù Kristu, u hu għandu l-​qawwa u l-​ħila li jieħu deċiżjonijiet u jkun ċert li jitwettqu. Fis-​sena 33 E.K., Alla Jehovah għamel lil Ġesù Kristu l-​Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana. (Efesin 1:22) Minn dakinhar ’l hawn, Ġesù beda jeżerċita l-​istat taʼ kap tiegħu, u b’hekk juri l-​ħila li għandu biex imexxi. Per eżempju, meta ġuħ kbir laqat lil-​Lhudija fl-​ewwel seklu, il-​kongregazzjoni Kristjana aġixxiet minnufih biex tgħin lill-​membri tagħha. Ġiet organizzata l-​għajnuna, u din intbagħtet minn Antjokja permezz taʼ Barnaba u Sawl.—Atti 11:27-30.

Illum nistgħu nistennew ħafna iktar minn hekk mingħand Ġesù Kristu, ladarba l-​gvern tas-​Saltna ġie stabbilit u qed jaħdem. Kulmeta jseħħ xi diżastru—terremoti, ġuħ, għargħar, uragani, maltempati, jew jiżbroffa vulkan—ix-​Xhieda taʼ Jehovah, bħala kongregazzjoni Kristjana, jirreaġixxu mill-​ewwel biex jgħinu lil sħabhom fit-​twemmin u lil oħrajn fl-​inħawi milqutin. Per eżempju, meta terremoti qerrieda laqtu lil El Salvador f’Jannar u Frar taʼ l-​2001, ġiet organizzata l-​għajnuna f’kull parti tal-​pajjiż, u gruppi taʼ Xhieda taʼ Jehovah mill-​Gwatemala, l-​Istati Uniti, u l-​Kanada taw l-​għajnuna tagħhom. F’qasir żmien reġgħu nbnew tliet postijiet taʼ qima kif ukoll iktar minn 500 dar.

Is-​Sudditi tal-​Gvern tas-​Saltna t’Alla

Mindu ġiet stabbilita fl-​1914, is-​Saltna t’Alla fis-​sema bdiet tiġbor u torganizza s-​sudditi tagħha min-​nies taʼ madwar id-​dinja. Dan qed isir bħala twettiq taʼ profezija straordinarja dokumentata minn Isaija: “Għad jiġri fl-​aħħar jiem li l-​għolja tad-​dar tal-​Mulej [il-qima vera u eżaltata tiegħu] togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji, . . . lejha għad jiġru l-​ġnus kollha.” Il-​profezija turi li “kotra taʼ popli” kellhom jitilgħu fuq dik l-​għolja u jħaddnu l-​istruzzjonijiet u l-​liġijiet taʼ Jehovah.—Isaija 2:2, 3.

Din l-​attività rriżultat fl-​iktar moviment sinifikanti fi żmienna—fratellanza internazzjonali taʼ iktar minn 6,000,000 Kristjan f’iktar minn 230 pajjiż fuq l-​art. Min jara l-​konvenzjonijiet internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah spiss jibqaʼ mistagħġeb bl-​imħabba, bil-​paċi, u bl-​għaqda li hemm fost il-​folol kbar taʼ nies, u kif dawn jegħlbu kull tfixkil li joħolqu n-​nazzjonalità, il-​kultura, u l-​lingwa. (Atti 10:34, 35) Ma taqbilx li jekk gvern hu kapaċi jiġbor flimkien lil mijiet taʼ gruppi etniċi fil-​paċi u fl-​armonija, bilfors li hu effettiv u stabbli—u reali?

Is-​Saltna t’Alla u l-​Edukazzjoni

Kull gvern għandu livelli li ċ-​ċittadini tiegħu huma mistennijin jilħqu, u kulmin jixtieq jgħix taħt dan il-​gvern irid jilħaq dawn il-​livelli. Bl-​istess mod, is-​Saltna t’Alla għandha l-​livelli tagħha u kulmin jikkwalifika bħala sudditu jrid jilħaqhom. Madankollu, m’hemmx dubju li biex tant nies minn ambjenti ferm differenti jaċċettaw u jimxu fuq l-​istess livelli, hemm bżonn taʼ biċċa xogħol enormi. Hawnhekk, allura, insibu fattur ieħor li juri kemm is-​Saltna t’Alla hi reali—il-​programm effettiv tagħha taʼ edukazzjoni li mhux biss jilħaq u jbiddel il-​moħħ imma wkoll il-​qalb.

Il-gvern tas-​Saltna kif iwettaqha din l-​isfida kbira? Permezz tal-​metodu appostoliku taʼ l-​ippridkar minn dar għal dar u t-​tagħlim tal-​Kelma t’Alla fuq bażi individwali. (Atti 5:42; 20:20) Kemm hija effettiva din l-​għamla taʼ edukazzjoni? F’gazzetta Kanadiża li toħroġ kull ġimgħa, qassis Kattoliku li jismu Jacques Johnson, kiteb dwar l-​isforzi tiegħu biex jikkonvinċi waħda mara ħalli ma tibqax tistudja max-​Xhieda taʼ Jehovah. “Kont konfondut għall-​aħħar u rrealizzajt li kont qed niġġieled gwerra mitlufa,” qal hu. “Bdejt nirrealizza li matul diversi xhur dawn ix-​Xhieda taʼ Jehovah nisa kienu fformaw relazzjonijiet sinifikanti maʼ din l-​omm żagħżugħa li ma setgħetx toħroġ mid-​dar. Huma bnew rabta magħha billi għenuha, għamlu ħbieb magħha, u stabbilew għaqda taʼ veru mill-​qalb. Din malajr saret membru attiv fir-​reliġjon tagħhom u jien ftit li xejn stajt nagħmel biex dan ma jseħħx.” Bħalma l-​qalb taʼ din li qabel kienet Kattolika tqanqlet bil-​messaġġ tal-​Bibbja li jgħallmu x-​Xhieda taʼ Jehovah u bil-​kondotta Kristjana tagħhom, hekk ukoll qed jitqanqlu l-​qlub taʼ miljuni taʼ nies madwar id-​dinja.

Din l-​għamla taʼ edukazzjoni—l-​edukazzjoni tas-​Saltna—hija bbażata fuq il-​Bibbja, u żżomm mal-​valuri u l-​livelli tagħha dwar il-​morali. Din tgħallem lin-​nies iħobbu u jonoraw lil xulxin minkejja l-​ambjent li trabbew fih. (Ġwanni 13:34, 35) Tgħin ukoll lin-​nies biex iwieġbu għall-​parir: “Timxux max-​xejra taʼ din id-​dinja, iżda nbidlu skond it-​tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-​rieda taʼ Alla, x’inhu t-​tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” (Rumani 12:2) Billi ħallew warajhom il-​mod kif kienu jgħixu u bdew jimxu bil-​ferħ fuq il-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​gvern tas-​Saltna, miljuni taʼ nies sabu l-​paċi u l-​hena issa u prospetti sbieħ għall-​futur.—Kolossin 3:9-11.

Xi ħaġa taʼ l-​għaġeb li qed tgħin biex iġġib din l-​għaqda madwar id-​dinja hija din ir-​rivista, It-​Torri taʼ l-​Għassa. Permezz taʼ metodi organizzati taʼ traduzzjoni u apparat għall-​ippubblikar f’ħafna lingwi, l-​artikli prinċipali fit-​Torri taʼ l-​Għassa jiġu pubblikati fl-​istess żmien f’135 lingwa, u iktar minn 95 fil-​mija mill-​qarrejja madwar id-​dinja jistgħu jistudjaw il-​materjal bil-​lingwa tagħhom stess u fl-​istess żmien.

Wieħed kittieb Mormon għamel lista taʼ l-​iktar suċċessi missjunarji impressjonanti li m’għandhomx x’jaqsmu mar-​reliġjon tiegħu. Hu niżżel it-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!, pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah, bħala l-​aqwa rivisti t’evanġelizzazzjoni u qal: “Ħadd ma jistaʼ xi darba jakkuża lit-​Torri taʼ l-​Għassa jew lil Stenbaħ! li dawn jinkuraġġixxu lin-​nies ikunu sodisfatti bihom infushom u daqshekk—għall-​kuntrarju, huma jagħmlu lin-​nies konxji, xi ħaġa li rari sibtha f’pubblikazzjonijiet reliġjużi oħra. It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! tieħu pjaċir taqrahom għax huma bbażati fuq il-​fatti, fuq riċerka tajba ħafna, u fuq affarijiet realistiċi.”

Rajna evidenza iktar minn biżżejjed li s-​Saltna t’Alla hija reali u qed taġixxi bis-​sħiħ. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaqsmu bil-​ferħ u b’ħeġġa kbira “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna” mal-​ġirien tagħhom, u jistidnuhom isiru sudditi tagħha. (Mattew 24:14) Jogħġbok prospett bħal dan? Int tistaʼ tgawdi l-​barkiet li jiġu milli tissieħeb maʼ dawk li qed jitgħallmu l-​livelli tas-​Saltna u li qed jagħmlu ħilithom biex jgħixu skond dawn il-​livelli. Aħjar minn hekk, int tistaʼ tgawdi l-​prospett li tgħix taħt il-​ħakma tas-​Saltna fid-​dinja ġdida mwiegħda fejn se “tgħammar il-​ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni dettaljata, ara kapitlu 10, “Is-​Saltna t’Alla Taħkem,” fil-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah, paġni 90-7.

[Stampa f’paġna 5]

Fl-​1914 il-​ġnus kienu mitlufin jitqabdu fi gwerra dinjija

[Stampi f’paġna 6]

L-​għajnuna volontarja li tingħata hija evidenza taʼ l-​imħabba Kristjana fl-​azzjoni

[Stampa f’paġna 7]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja jibbenefikaw mill-​istess programm taʼ edukazzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja