LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 8/1 pp. 13-18
  • Nikkultivaw Ħarsa Bħal taʼ Kristu lejn il-Kobor

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nikkultivaw Ħarsa Bħal taʼ Kristu lejn il-Kobor
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Evita l-​Ħarsa tad-​Dinja Lejn il-​Kobor
  • Il-​Kobor Jiġi minn Servizz Imqanqal mill-​Imħabba
  • Imita l-​Umiltà taʼ Kristu
  • Kif Niksbu l-​Ħarsa bħal taʼ Kristu Lejn il-​Kobor
  • Il-​Barkiet mill-​Kobor bħal taʼ Kristu
  • Il-Kobor taʼ Jehovah Hu Bla Tarf
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Faħħru lil Ġeħova, Alla Tagħna!
    Għannu lil Ġeħova
  • Faħħru lil Ġeħova Alla tagħna!
    Kanta mill-qalb lil Ġeħova
  • “Kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom”
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2018
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 8/1 pp. 13-18

Nikkultivaw Ħarsa Bħal taʼ Kristu lejn il-​Kobor

“Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom.”—MATTEW 20:26.

1. Id-​dinja kif tħares lejn il-​kobor?

ĦDEJN il-​belt Eġizzjana antika taʼ Tebe (illum imsejħa Karnak), xi 500 kilometru ’l isfel mill-​Kajr, hemm statwa tal-​Fargħun Amenhotep III li hi twila 18-il metru. Dak li jkun bilfors iħossu daqs tikka meta jħares lejn din l-​istatwa immensa. Dan il-​monument, li bla dubju kellu l-​iskop li jqanqal lin-​nies biex iqimu lil dan il-​ħakkiem, huwa simbolu taʼ kif id-​dinja tħares lejn il-​kobor—li wieħed jagħmel lilu nnifsu jidher kemm jistaʼ jkun kbir u importanti u jġiegħel lil oħrajn iħossuhom daqs tikka.

2. Ġesù liema eżempju ħalla għas-​segwaċi tiegħu, u liema mistoqsijiet irridu nistaqsu lilna nfusna?

2 Ara l-​kuntrast li hemm bejn din il-​ħarsa tal-​kobor u dik li għallem Ġesù Kristu. Għalkemm hu kien “il-​Mulej u l-​Imgħallem” tas-​segwaċi tiegħu, Ġesù għallimhom li biex wieħed ikun kbir irid jaqdi lil oħrajn. Fl-​aħħar jum taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù wera xi jfisser dak li għallem billi ħasel saqajn id-​dixxipli tiegħu. X’servizz umli kien dan! (Ġwanni 13:4, 5, 14) Int x’tippreferi, li taqdi jew li tkun moqdi? Qiegħed l-​eżempju taʼ Kristu jqanqal fik ix-​xewqa li tkun umli bħalma kien hu? Mela, ejja neżaminaw il-​kuntrast li hemm bejn il-​ħarsa taʼ Kristu lejn il-​kobor u l-​ħarsa li hi komuni fid-​dinja.

Evita l-​Ħarsa tad-​Dinja Lejn il-​Kobor

3. Liema eżempji Bibliċi juru r-​riżultati koroh li jkollhom dawk li għandhom kilba għall-​glorja mill-​bnedmin?

3 Hemm ħafna eżempji fil-​Bibbja li juru li l-​ħarsa tad-​dinja lejn il-​kobor twassal għal diżastru. Aħseb ftit dwar Ħaman, li kellu setgħa kbira u kien prominenti fil-​qorti rjali Persjana fi żmien Ester u Mordekaj. Il-​kilba taʼ Ħaman għall-​glorja wasslet għall-​umiljazzjoni u l-​mewt tiegħu. (Ester 3:5; 6:10-12; 7:9, 10) Xi ngħidu għal Nabukodonosor, bniedem kburi għall-​aħħar, li ġġennen meta kien fl-​aqwa tal-​qawwa tiegħu? Il-​ħarsa mgħawġa tiegħu lejn il-​kobor dehret fil-​kliem: “Hijiex din Babilonja l-​kbira li jien, bil-​qawwa taʼ setegħti, bnejt bħala għamara taʼ sultan għal sebħ ġieħi?” (Danjel 4:27 [4:30, NW]) Imbagħad hemm il-​kburi Erodi Agrippa I, li aċċetta l-​glorja li ma kinitx tixraqlu minflok ma ta glorja lil Alla. Dan “dar għalih id-​dud u miet.” (Atti 12:21-23) Minħabba li m’apprezzawx il-​ħarsa taʼ Jehovah lejn il-​kobor, dawn l-​irġiel kollha spiċċaw biex tilfu setgħethom u ġew umiljati.

4. Min hemm wara l-​ispirtu kburi tad-​dinja?

4 M’hemm xejn ħażin li nkunu rridu nużaw ħajjitna b’tali mod li jġibilna unur u rispett. Iżda x-​Xitan jieħu vantaġġ minn din ix-​xewqa billi jinkuraġġixxi spirtu taʼ kburija, li jirrifletti l-​ambizzjonijiet tiegħu stess. (Mattew 4:8, 9) Qatt tinsa li hu “alla taʼ din id-​dinja,” u li hu determinat li jinkuraġġixxi lin-​nies fuq l-​art biex jaħsbuha bħalu. (2 Korintin 4:4; Efesin 2:2; Apokalissi 12:9) Peress li l-​Kristjani jafu minfejn jiġi dan it-​tip taʼ ħsibijiet, huma jevitaw il-​ħarsa tad-​dinja lejn il-​kobor.

5. Tassew li l-​ambizzjoni, il-​fama, u l-​għana jiggarantixxu sodisfazzjon dejjiemi? Spjega.

5 Waħda mill-​ideat li x-​Xitan jinkuraġġixxi hi dik li fama fid-​dinja, tifħir mill-​bnedmin, u but mimli liri, awtomatikament iwasslu għal ħajja hienja. Minnu dan? Tassew li l-​ambizzjoni, il-​fama, u l-​għana jiggarantixxu ħajja mimlija sodisfazzjon? Il-​Bibbja twissina biex ma nitqarrqux b’dan il-​mod taʼ ħsieb. L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Rajt ukoll li t-​taħbit kollu u l-​ħerqa għax-​xogħol m’humiex ħlief għira taʼ wieħed għal ieħor. Dan ukoll frugħa u ġiri wara r-​riħ.” (Koħèlet 4:4) Ħafna wħud li ddedikaw ħajjithom biex javanzaw fid-​dinja jistgħu jgħidu kemm dan il-​parir Bibliku huwa minnu. Eżempju wieħed hu taʼ raġel li għen biex jiġi disinjat, mibni, u ttestjat rokit li ħa l-​bniedem fuq il-​qamar. Hu rrifletta: “Ħdimt iebes u sirt kapaċi ħafna f’dak li kont nagħmel. Però dan kien kollu għalxejn, jew fieragħ, għaliex ma ġablix hena u paċi tal-​moħħ dejjiema.”a Il-​mod kif id-​dinja tħares lejn il-​kobor, kemm jekk fis-​settur tan-​negozju, taʼ l-​isports, jew tad-​divertiment, ma jiggarantix sodisfazzjon dejjiemi.

Il-​Kobor Jiġi minn Servizz Imqanqal mill-​Imħabba

6. X’juri li Ġakbu u Ġwanni kellhom ħarsa żbaljata lejn il-​kobor?

6 Ġrajja li seħħet fil-​ħajja taʼ Ġesù turi x’jinvolvi l-​kobor veru. Ġesù u d-​dixxipli tiegħu kienu qed jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm għall-​Qbiż tas-​sena 33 E.K. Fi triqithom, Ġakbu u Ġwanni, tnejn mill-​kuġini taʼ Ġesù, urew ħarsa żbaljata lejn il-​kobor. Permezz t’ommhom, huma għamlu din ir-​rikjesta lil Ġesù: ‘Ordna li noqogħdu wieħed fuq il-​lemin tiegħek u l-​ieħor fuq ix-​xellug fis-​Saltna tiegħek.’ (Mattew 20:21) Fost il-​Lhud, kienet xi ħaġa taʼ unur kbir li tkun fuq il-​leminija jew ix-​xellugija taʼ individwu. (1 Slaten 2:19) Ġakbu u Ġwanni b’ambizzjoni pprovaw jaħtfu l-​aqwa postijiet. Huma riedu l-​jedd għal dawn il-​pożizzjonijiet t’awtorità. Ġesù kien jaf x’qed iberren f’moħħhom u ħa din l-​opportunità biex jikkoreġi l-​ħarsa żbaljata tagħhom lejn il-​kobor.

7. Ġesù kif spjega l-​mod kif wieħed isir verament kbir mill-​ħarsa Kristjana?

7 Ġesù kien jaf li f’din id-​dinja kollha kburija bniedem jiġi kunsidrat kbir jekk jikkontrolla u jikkmanda lil oħrajn u li malli jfaqqaʼ subgħajh kulħadd jaqtagħlu xewqtu. Imma fost is-​segwaċi taʼ Ġesù, il-​livell taʼ kobor jitkejjel permezz taʼ servizz umli. Ġesù qal: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-​ewwel fostkom, għandu jkun l-​ilsir tagħkom.”—Mattew 20:26, 27.

8. Xi jfisser li tkun qaddej, u liema mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?

8 Il-​kelma Griega fil-​Bibbja tradotta “qaddej” tirreferi għal xi ħadd li hu bieżel u persistenti fl-​isforzi tiegħu biex jaqdi għan-​nom taʼ l-​oħrajn. Ġesù kien qed jgħallem lezzjoni importanti lid-​dixxipli tiegħu: M’huwiex il-​fatt li tordna lin-​nies biex jaqduk li jagħmlek kbir; imma li taqdi lil oħrajn għax tħobbhom, dak hu li tassew jagħmlek kbir. Staqsi lilek innifsek: ‘Kif kont nirreaġixxi li kieku kont Ġakbu jew Ġwanni? Kont nifhmu l-​punt li l-​kobor veru jiġi milli taqdi lil oħrajn għax tħobbhom?’—1 Korintin 13:3.

9. Ġesù liema eżempju ħalla fil-​mod kif ittratta m’oħrajn?

9 Ġesù wera lid-​dixxipli tiegħu li l-​mod kif id-​dinja tkejjel il-​kobor m’huwiex l-​istess bħalma jkejlu Kristu. Hu qatt ma wera attitudni superjuri lejn dawk li kien jaqdihom, jew iġagħalhom iħossuhom inferjuri. Nies taʼ kull xorta—irġiel, nisa, u tfal, l-​għonja, il-​foqra, u s-​setgħana, kif ukoll midinbin magħrufin—ħassewhom komdi miegħu. (Mark 10:13-16; Luqa 7:37-50) In-​nies spiss jitilfu l-​paċenzja maʼ dawk li għandhom il-​limitazzjonijiet. Ġesù kien differenti. Avolja d-​dixxipli tiegħu kultant kienu jaġixxu bla ħsieb u jargumentaw, hu għallimhom bil-​paċenzja u wriehom li kien tabilħaqq umli u kollu ħlewwa.—Żakkarija 9:9; Mattew 11:29; Luqa 22:24-27.

10. Il-​ħajja kollha taʼ Ġesù kif irriflettiet servizz bla egoiżmu għal oħrajn?

10 L-​eżempju bla egoiżmu li ħalla dan l-​Iben ewlieni t’Alla wera xi jfisser tassew il-​kobor veru. Ġesù ma ġiex fuq l-​art biex ikun moqdi imma biex jaqdi lil oħrajn, ifejjaq “kull xorta taʼ mard” u jeħles lin-​nies minn taħt il-​kontroll tad-​demonji. Għalkemm kien jgħejja u kellu bżonn il-​mistrieħ, hu dejjem poġġa l-​interessi taʼ l-​oħrajn qabel tiegħu, u saħansitra ħareġ barra minn triqtu biex ifarraġhom. (Mark 1:32-34; 6:30-34; Ġwanni 11:11, 17, 33) L-​imħabba tiegħu qanqlitu jgħin lin-​nies spiritwalment, billi vvjaġġa mijiet taʼ kilometri minn toroq kollhom trab biex jippriedka l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Mark 1:38, 39) Mingħajr ebda dubju, Ġesù ta importanza kbira lis-​servizz tiegħu lil oħrajn.

Imita l-​Umiltà taʼ Kristu

11. Liema kwalitajiet huma meħtieġa mill-​aħwa rġiel li jinħatru biex jaqdu bħala indokraturi fil-​kongregazzjoni?

11 Fl-​aħħar tas-​seklu 19, ġie enfasizzat l-​ispirtu xieraq li għandhom jikkultivaw l-​indokraturi Kristjani meta bdew jintgħażlu xi rġiel biex ikunu rappreżentanti li jivvjaġġaw ħalli jaqdu l-​bżonnijiet tal-​poplu t’Alla. Kien hemm il-​ħtieġa, skond iż-​Zion’s Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1894, taʼ rġiel “ġwejdin—li ma jmorrux jitkabbru . . . , b’attitudni umli li ma jfittxux li jagħtu importanza lilhom infushom, imma lil Kristu—mhux biex juru kemm jafu, imma biex juru l-​Kelma tiegħu fis-​sempliċità u l-​qawwa tagħha.” Jidher ċar li l-​Kristjani qatt m’għandhom ifittxu li jiksbu r-​responsabbiltà sabiex jissodisfaw l-​ambizzjoni persunali tagħhom jew biex jiksbu l-​prominenza, il-​qawwa, jew il-​kontroll fuq l-​oħrajn. Indokratur umli jżomm f’moħħu li r-​responsabbiltajiet tiegħu huma “xogħol sabiħ,” mhux pożizzjoni għolja li ġġib glorja lilu nnifsu. (1 Timotju 3:1, 2) L-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali kollha għandhom jagħmlu kulma jistgħu biex jaqdu umilment għan-​nom taʼ l-​oħrajn u biex ikunu minn taʼ quddiem fis-​servizz sagru, billi jħallu eżempju li jixraqlu jiġi imitat mill-​oħrajn.—1 Korintin 9:19; Galatin 5:13; 2 Timotju 4:5.

12. Liema mistoqsijiet għandhom jistaqsu lilhom infushom dawk li qed jirsistu għall-​privileġġi fil-​kongregazzjoni?

12 Kull ħu li jirsisti għall-​privileġġi għandu mnejn ikollu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Infittex jien opportunitajiet biex naqdi lil oħrajn, jew għandi t-​tendenza li nkun irrid lil min jaqdini? Lest jien nagħmel xogħlijiet t’għajnuna li ma jiġux notati mill-​ewwel minn oħrajn?’ Per eżempju, żagħżugħ forsi jixtieq jagħti t-​taħditiet fil-​kongregazzjoni Kristjana imma għandu mnejn joqgħod lura milli jgħin lix-​xjuħ. Forsi jieħu pjaċir bis-​sħubija taʼ rġiel responsabbli fil-​kongregazzjoni però ma jiħux sehem minn qalbu fl-​ippridkar. Żagħżugħ bħal dan jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu: ‘Niffoka jien primarjament fuq aspetti tas-​servizz t’Alla li bihom naqlaʼ l-​prosit u t-​tifħir? Qiegħed jien nistinka biex nidher?’ Żgur li min ifittex il-​glorja għalih innifsu ma jkunx qed jimita lil Kristu.—Ġwanni 5:41.

13. (a) L-​eżempju umli taʼ indokratur kif jistaʼ jeffettwa lil oħrajn? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-​umiltà m’hijiex għażla għall-​Kristjani?

13 Meta naħdmu iebes biex nimitaw l-​umiltà taʼ Kristu, aħna nitqanqlu biex naqdu lil oħrajn. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ indokratur li jivvjaġġa li kien qed jispezzjona x-​xogħol f’wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Minkejja l-​iskeda mimlija daqs bajda u r-​responsabbiltà kbira li kellu, dan l-​indokratur waqaf jgħin lil wieħed ħu żagħżugħ li kien qed jitħabat biex jissettja magna li tillega l-​kotba. “Ma ridtx nemmen!” jirrakkonta l-​ħu. “Hu qalli li kien jaħdem fuq l-​istess tip taʼ magna meta kien għadu żagħżugħ jaqdi f’Betel, u jiftakar kemm kien diffiċli li jissettja l-​magna eżatt skond kif ikollu bżonn. Hu ħadem ftit miegħi fuq il-​magna avolja kellu tant affarijiet importanti oħra x’jagħmel. Dan verament laqatni.” Dan il-​ħu, li issa jaqdi bħala indokratur f’wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah, għadu jiftakar dan l-​għemil umli. Jalla qatt ma nħossuna tant superjuri li ma jixirqilniex nagħmlu affarijiet li jeħtieġu l-​umiltà, jew inħossu li aħna importanti wisq biex nagħmlu xogħlijiet li m’humiex daqshekk importanti. Minflok għandna nilbsu l-​“umiltà.” Din m’hijiex kwistjoni taʼ għażla. Hija parti mill-​“bniedem il-​ġdid” li l-​Kristjani għandhom jilbsu.—Filippin 2:3; Kolossin 3:10, 12; Rumani 12:16.

Kif Niksbu l-​Ħarsa bħal taʼ Kristu Lejn il-​Kobor

14. Il-​fatt li nimmeditaw fuq ir-​relazzjoni tagħna m’Alla u maʼ sħabna l-​bnedmin kif se jgħinna nikkultivaw il-​ħarsa xierqa lejn il-​kobor?

14 Kif nistgħu niksbu l-​ħarsa xierqa lejn il-​kobor? Mod wieħed hu billi nimmeditaw fuq ir-​relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah. Il-​maestà, il-​qawwa, u l-​għerf tiegħu huma ferm ogħla minn dawk taʼ sempliċi bnedmin fraġli. (Isaija 40:22) Jekk nimmeditaw fuq ir-​relazzjoni tagħna maʼ sħabna l-​bnedmin se niġu megħjunin ukoll biex nikkultivaw l-​umiltà. Per eżempju, nistgħu nkunu aħjar minn oħrajn f’ċerti oqsma, imma huma forsi jkunu aqwa minna f’ċerti aspetti tal-​ħajja li huma ħafna iktar importanti, jew forsi ħutna l-​Kristjani għandhom ċerti kwalitajiet li aħna m’għandniex. Fil-​fatt, ħafna minn dawk li huma prezzjużi f’għajnejn Alla spiss ma jkunux uħud li jidhru minħabba li huma ġwejdin u umli.—Proverbji 3:34; Ġakbu 4:6.

15. L-​integrità tan-​nies t’Alla kif turi li ħadd m’għandu għalxiex iħossu superjuri?

15 L-​esperjenzi tax-​Xhieda taʼ Jehovah li għaddew mill-​provi minħabba l-​fidi tagħhom jispjegawh sewwa dan il-​punt. Spiss, kienu dawk li d-​dinja kkunsidrathom ordinarji li żammew l-​integrità tagħhom lejn Alla meta għaddew minn provi tan-​nar. Jekk nimmeditaw fuq eżempji bħal dawn se niġu megħjunin biex nibqgħu umli u nitgħallmu ‘nżommu ruħna taʼ li aħna.’—Rumani 12:3.b

16.Kif jistaʼ kulħadd fil-​kongregazzjoni jikkultiva l-​kobor u b’hekk jimita l-​eżempju li ħallielna Ġesù?

16 Il-​Kristjani kollha, kemm żgħar u kemm kbar, għandhom jipprovaw jikkultivaw ħarsa bħal taʼ Kristu lejn il-​kobor. Fil-​kongregazzjoni, iridu jsiru diversi xogħlijiet. Qatt tiddejjaq tagħmel xogħlijiet li għandhom mnejn jidhru li huma umiljanti. (1 Samwel 25:41; 2 Slaten 3:11) Ġenituri, tħeġġuhom intom lil uliedkom u lill-​adoloxxenti tagħkom biex iwettqu bil-​ferħ kwalunkwe inkarigu li jingħataw, kemm jekk fis-​Sala tas-​Saltna, f’xi assemblea, jew f’post tal-​konvenzjoni? Jarawkom huma tagħmlu xogħlijiet li jirrikjedu l-​umiltà? Ħu, li issa qed jaqdi fil-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah, għadu jiftakar qisu l-​bieraħ l-​eżempju li tawh il-​ġenituri tiegħu. Hu qal: “Il-​mod kif kienu jħarsu lejn it-​tindif tas-​Sala tas-​Saltna jew tal-​post tal-​konvenzjoni wrieni li huma kienu jqisuh bħala xi ħaġa importanti. Huma spiss offrew ruħhom bħala volontieri ħalli jagħmlu xogħlijiet li kienu għall-​ġid tal-​kongregazzjoni jew taʼ l-​aħwa, kienu kemm kienu jidhru umiljanti. Din l-​attitudni għenitni naċċetta mill-​qalb kull inkarigu taʼ xogħol hawnhekk f’Betel.”

17. In-​nisa umli b’liema modi jistgħu jkunu barka għall-​kongregazzjoni?

17 Eżempju eċċellenti taʼ xi ħadd li poġġa l-​interessi taʼ l-​oħrajn qabel tiegħu nnifsu hu dak taʼ Ester, li saret sultana taʼ l-​Imperu Persjan fil-​ħames seklu Q.E.K. Għalkemm kienet tgħix f’palazz, hi kienet lesta li tissogra ħajjitha għan-​nom tal-​poplu t’Alla, u b’hekk aġixxiet fi qbil mar-​rieda tiegħu. (Ester 1:5, 6; 4:14-16) Ikunu xi jkunu ċ-​ċirkustanzi ekonomiċi tagħhom, in-​nisa Kristjani llum jistgħu juru spirtu bħal dak taʼ Ester billi jinkuraġġixxu lid-​dipressi, iżuru lill-​morda, jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, u jikkooperaw maʼ l-​anzjani. X’barka huma aħwa nisa umli bħal dawn għall-​kongregazzjoni Kristjana!

Il-​Barkiet mill-​Kobor bħal taʼ Kristu

18. Liema benefiċċji nesperjenzaw meta nuru l-​kobor bħal taʼ Kristu?

18 Ħafna barkiet se jiġu fuqek jekk int iżżomm l-​istess ħarsa li kellu Kristu lejn il-​kobor. Jekk taqdi lil oħrajn bla egoiżmu se ġġib ferħ kemm lilhom u kemm lilek innifsek. (Atti 20:35) Hekk kif int taħdem minn qalbek u bil-​ħeġġa għal ħutek, se ssir iktar għażiż għalihom. (Atti 20:37) Iktar importanti minn hekk, Jehovah iqis dak li tagħmel għall-​ġid taʼ sħabek il-​Kristjani bħala sagrifiċċju sabiħ u taʼ tifħir għalih.—Filippin 2:17.

19. X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna rigward il-​ħarsa bħal taʼ Kristu lejn il-​kobor?

19 Kull wieħed minna jrid jgħarbel qalbu u jistaqsi: ‘Jien bil-​kliem biss se nipprova nikkultiva l-​ħarsa bħal taʼ Kristu lejn il-​kobor, jew se naħdem iebes biex nipprova nipprattikaha?’ Nafu sew kif iħossu Jehovah dwar il-​kburin. (Proverbji 16:5; 1 Pietru 5:5) Jalla l-​għemejjel tagħna juru li hija l-​għaxqa tagħna li jkollna l-​istess ħarsa taʼ Kristu lejn il-​kobor, kemm fil-​kongregazzjoni Kristjana, kemm fil-​ħajja tal-​familja tagħna, u kemm fil-​mod kif nittrattaw lil bnedmin oħra fil-​ħajja taʼ kuljum—u nagħmlu kollox għat-​tifħir u l-​glorja t’Alla.—1 Korintin 10:31.

[Noti taʼ taħt]

a Ara The Watchtower, taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1982, paġni 3-6, “In Search of Success” (It-Tfittxija għas-​Suċċess).

b Għal xi eżempji, ara n-​1992 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 181-2, u The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Settembru, 1993, paġni 27-31.

Tistaʼ Tispjega?

• Għala għandna nevitaw il-​ħarsa tad-​dinja lejn il-​kobor?

• Ġesù kif kien ikejjel il-​kobor?

• L-​indokraturi kif jistgħu jimitaw l-​umiltà taʼ Kristu?

• X’jistaʼ jgħinna nikkultivaw il-​kobor bħal taʼ Kristu?

[Kaxxa f’paġna 17]

Min Għandu l-​Kobor bħal taʼ Kristu?

Min irid lil ħaddieħor jaqdih jew min hu lest li jaqdi lil ħaddieħor?

Min iħobb jidher jew min jaċċetta xogħlijiet li jeħtieġu l-​umiltà?

Min jiftaħar bih innifsu jew min ifaħħar lil ħaddieħor?

[Stampa f’paġna 14]

Statwa enormi tal-​Fargħun Amenhotep III

[Stampa f’paġna 15]

Taf għala Ħaman spiċċa biex tilef setegħtu?

[Stampi f’paġna 16]

Tfittex int opportunitajiet biex taqdi lil oħrajn?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja