Min Hu l-Aħjar Mexxej għal-Lum?
Fl-1940 kien hemm kriżi taʼ tmexxija fil-Parlament Ingliż. David Lloyd George, li dak iż-żmien kellu 77 sena u li kien qed jismaʼ d-dibattitu, kien mexxa lill-Britannja lejn rebħa fl-ewwel gwerra dinjija, u l-ħafna snin li għamel fil-politika għenuh jiżen sew ix-xogħol taʼ l-uffiċjali għoljin. F’taħdita li ta fil-Kamra tal-Komuni fit-8 taʼ Mejju, hu qal: “In-nazzjon huwa preparat li jagħmel kull sagrifiċċju, l-aqwa li jkollu tmexxija, li l-Gvern juri biċ-ċar x’inhuma l-iskopijiet tiegħu, u li n-nazzjon ikun kunfidenti li dawk li qed imexxuh qed jagħmlu l-aħjar tagħhom.”
IL-KLIEM taʼ Lloyd George juri biċ-ċar li n-nies jistennew li l-mexxejja tagħhom ikunu kapaċi u jipprovaw sinċerament itejbu l-affarijiet. Waħda li taħdem fil-kampanji elettorali tgħid hekk: “Meta n-nies jivvotaw għal xi president, huma jkunu qed jivvotaw għal xi ħadd li se jafdawlu ħajjithom, il-futur tagħhom, u ’l uliedhom.” Hemm biċċa xogħol enormi involuta biex tara li ma titlifx fiduċja bħal din. Għala?
Id-dinja tagħna hija miżgħuda bi problemi li jidhru li huma impossibbli biex jissolvew. Per eżempju, liema mexxej wera li hu tant għaref u qawwi li kapaċi jelimina għalkollox il-kriminalità u l-gwerer? Min fost il-mexxejja llum għandu biżżejjed riżorsi u mogħdrija biex jipprovdi ikel, ilma safi, u saħħa għal kull persuna? Min għandu għarfien u determinazzjoni biex jipproteġi u jirranġa l-ambjent? Min hu kapaċi u qawwi biżżejjed biex ikun ċert li l-umanità kollha tgawdi ħajja twila u ferħana?
Il-Bnedmin M’Humiex Kapaċi
Huwa fatt li xi mexxejja kellhom ammont taʼ suċċess. Però, huma jistgħu jmexxu biss għal ftit għexur taʼ snin—imbagħad min se jmexxi warajhom? Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem, wieħed mill-iktar mexxejja kapaċi li qatt eżistew, ħaseb fuq din il-mistoqsija. Hu wasal għal din il-konklużjoni: “Stmerrejt ukoll ix-xogħol kollu taħt ix-xemx li fih tħabatt u li jkolli nħallih għal min jiġi warajja. U dan min jaf ikunx għaref inkella iblah? Ikun xi jkun hu jsir is-sid taʼ xogħli kollu, li fih ħlejt saħħti u għaqli taħt ix-xemx. Dan ukoll hu frugħa.”—Koħèlet 2:18, 19.
Salamun ma kienx jaf jekk is-suċċessur tiegħu kienx se jkompli fix-xogħol tajjeb tiegħu jew jekk kienx se jġib kollox fix-xejn. Għal Salamun, il-fatt li l-mexxejja jinbidlu maʼ wħud ġodda kien “frugħa,” jew bla sens.
Kultant, tintuża l-vjolenza biex xi ħakkiema jinbidlu. Xi mexxejja li kienu kapaċi nqatlu waqt li kienu qegħdin fil-kariga tagħhom. Abraham Lincoln, president rispettat ferm taʼ l-Istati Uniti, darba qal lill-udjenza tiegħu: “Jien ġejt magħżul għal kariga importanti għal perijodu qasir taʼ żmien, u issa, f’għajnejkom, ngħatali poter li dalwaqt se jgħaddi.” Is-servizz tiegħu kien tabilħaqq qasir. Minkejja dak kollu li għamel u x-xewqa tiegħu biex jagħmel iktar għall-poplu, il-President Lincoln mexxa lil pajjiżu għal erbaʼ snin biss. Fil-bidu tat-tieni perijodu tiegħu fil-kariga, hu nqatel minn raġel li ried bidla fit-tmexxija.
Lanqas l-aqwa mexxejja ma jistgħu jiggarantixxu l-futur tagħhom stess. Għalhekk, għandek int tafdahom li se jiggarantixxu l-futur tiegħek? Il-Bibbja tgħid: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx. Malli toħroġ ruħu, lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.” It-traduzzjoni taʼ Saydon tgħid hekk fl-aħħar parti taʼ vers 4: “Dak in-nhar jisfaw fix-xejn il-ħsebijiet tiegħu.”—Salm 146:3, 4.
M’huwiex faċli taċċetta l-parir biex ma tafdax il-mexxejja umani. Madankollu, il-Bibbja ma tgħidx li l-umanità qatt m’hu se jkollha tmexxija tajba u stabbli. “Araw, sultan għad isaltan bil-ġustizzja,” jgħid Isaija 32:1. Alla Ġeħova, il-Ħallieq tal-bniedem, ipprepara “sultan,” Mexxej, li dalwaqt se jkollu kontroll sħiħ fuq l-affarijiet tad-dinja. Min hu? Il-profeziji tal-Bibbja juru dan min hu.
Wieħed Verament Kwalifikat biex Imexxi
Elfejn sena ilu, anġlu qal lil mara żagħżugħa Lhudija jisimha Marija: “Int tnissel f’ġufek u tiled iben, u ssemmih Ġesù. Dan ikun kbir u jissejjaħ Bin l-Iktar Għoli; u Alla Ġeħova jagħtih it-tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.” (Luqa 1:31-33) Iva, Ġesù taʼ Nazaret hu s-Sultan identifikat mill-profezija tal-Bibbja.
Il-pitturi reliġjużi ħafna drabi jpinġu lil Ġesù bħala tarbija, bħala raġel dgħajjef u malnutrit, jew bħala raġel li jgħix ħajja taʼ ċaħda li joqgħod għal kulma jiġrilu. Dawn il-pitturi ma jġagħlukx ikollok fiduċja fih bħala Ħakkiem. Madankollu, il-veru Ġesù Kristu tal-Bibbja, sar raġel mimli entużjażmu, matur, kollu żelu u inizjattiva. Barra minn hekk, kellu kwalitajiet oħra li għamluh jikkwalifika biex jaħkem. (Luqa 2:52) Dawn li ġejjin huma xi aspetti fil-personalità li tispikka tiegħu.
Ġesù wera integrità assoluta. Tant kellu kondotta onesta u tajba li hu sfida pubblikament lill-għedewwa tiegħu sabiex jippreżentaw akkużi validi kontrih. Huma ma setgħux. (Ġwanni 8:46) It-tagħlim tiegħu mingħajr ipokrisija pperswada lil uħud sinċieri sabiex isiru segwaċi tiegħu.—Ġwanni 7:46; 8:28-30; 12:19.
Ġesù ddedika ruħu kompletament lil Alla. Hu tant kien determinat li jispiċċa x-xogħol li tah Alla li l-ebda opponent—kemm bniedem u kemm demonju—ma setaʼ jwaqqfu. L-attakki vjolenti ma beżżgħuhx. (Luqa 4:28-30) L-għeja u l-ġuħ ma skuraġġewhx. (Ġwanni 4:5-16, 31-34) Avolja ħbiebu telquh, hu qatt ma naqas milli jilħaq il-mira li kellu.—Mattew 26:55, 56; Ġwanni 18:3-9.
Ġesù kien konċernat profondament dwar in-nies. Hu pprovda ikel għal dawk li kienu bil-ġuħ. (Ġwanni 6:10, 11) Farraġ lil uħud li kienu dipressi. (Luqa 7:11-15) Reġaʼ ta d-dawl lill-għomja u s-smigħ lit-torox, u ta s-saħħa lil dawk lil kellhom bżonn fejqan. (Mattew 12:22; Luqa 8:43-48; Ġwanni 9:1-6) Inkuraġġixxa lill-appostli li kienu jaħdmu tant iebes. (Ġwanni, kapitli 13-17) B’dan, hu wera li kien “ir-ragħaj mill-aħjar” li ħa ħsieb in-nagħaġ tiegħu.—Ġwanni 10:11-14.
Ġesù kien lest li jaħdem. Hu ħasel saqajn l-appostli sabiex jgħallimhom lezzjoni importanti. (Ġwanni 13:4-15) Saqajh stess kienu jitħammġu meta kien ikun qed jippriedka l-aħbar tajba qalb it-toroq mimlijin trab taʼ Iżrael. (Luqa 8:1) Anki meta ppjana biex jistrieħ “f’post imwarrab,” hu xorta għallem lin-nies li ġew għandu għal iktar istruzzjonijiet. (Marku 6:30-34) Għalhekk, hu ta eżempju taʼ bżulija lill-Kristjani kollha.—1 Ġwanni 2:6.
Ġesù temm l-inkarigu tiegħu u telaq minn fuq l-art. Bħala premju għal-lealtà tiegħu, Alla Ġeħova tah saltna u ħajja immortali fis-sema. Il-Bibbja tgħid dan dwar Ġesù rxoxtat: “Issa li ġie mqajjem mill-imwiet, Kristu ma jmutx iktar; il-mewt m’għadhiex tiddominah.” (Rumani 6:9) Tistaʼ tibqaʼ ċert li hu l-aqwa Mexxej possibbli għall-umanità. Ladarba Kristu Ġesù jkollu kontroll sħiħ fuq l-art, ma jkunx hemm bżonn li jinħatar xi ħaddieħor, u lanqas m’hu se jkun hemm bżonn li tinbidel it-tmexxija. Hu qatt m’hu se jinqatel waqt li jkun fil-kariga tiegħu, u x-xogħol tiegħu mhux se jkun irvinat jew mitmum minn xi suċċessur li ma jkunx kapaċi. Imma x’se jagħmel speċifikament għall-benefiċċju taʼ l-umanità?
Dak li Se Jagħmel il-Mexxej il-Ġdid
Salm 72 jagħtina xi dettalji profetiċi dwar kif dan is-Sultan perfett u immortali se jaħkem. F’versi 7 u 8 naqraw: “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja, u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar. Isaltan minn baħar sa baħar, u mix-Xmara sa truf l-art.” Taħt il-ħakma mimlija benefiċċji tiegħu, l-abitanti taʼ l-art se jgawdu sigurtà dejjiema li ma tispiċċa qatt. Hu se jeqred l-armamenti kollha li jeżistu u saħansitra se jneħħi x-xewqa għall-ġlied minn qalb il-bniedem. Dawk li llum il-ġurnata jattakkaw lil oħrajn bħal iljuni mġewħin jew jaġixxu bħal orsijiet irrabjati mal-ġirien tagħhom se jkunu biddlu l-attitudnijiet tagħhom għalkollox. (Isaija 11:1-9) Il-paċi se tkun abbundanti.
Salm 72 ikompli jgħid hekk f’versi 12 sa 14: “Hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.” Il-fqar, l-imsejkna, u d-dgħajfin se jsiru parti minn familja umana perfetta, magħqudin flimkien taħt it-tmexxija tas-Sultan Ġesù Kristu. Ħajjithom se tkun mimlija ferħ, u mhux mimlija wġigħ u disperazzjoni.—Isaija 35:10.
Vers 16 iwiegħed: “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.” Il-ġuħ huwa aspett komuni fil-ħajja taʼ miljuni taʼ nies illum. Għalkemm hawn biżżejjed ikel, ħafna drabi l-politika u r-regħba jġagħlu li dan jitqassam b’mod inġust, u għalhekk ħafna nies, speċjalment it-tfal, imutu bil-ġuħ. Iżda, taħt il-ħakma taʼ Ġesù Kristu, din il-problema se tispiċċa. L-art se titbierek bi provvisti tajbin taʼ ikel delizzjuż. L-umanità kollha se tkun mitmugħa tajjeb.
Tixtieq li tgawdi dawn il-barkiet li jiġu minn tmexxija tajba? Jekk iva, ninkuraġġuk titgħallem dwar il-Mexxej li dalwaqt se jkollu kontroll sħiħ fuq l-art kollha. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jgħinuk tagħmel dan minn qalbhom. M’intix se tkun diżappuntat, għax Alla Ġeħova nnifsu qal dwar Ibnu: “Jien għamiltu s-sultan tiegħi, fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!”—Salm 2:6, 12.
[Kaxxa f’paġna 5]
F’DAQQA WAĦDA BLA POTER
Jekk mexxej jagħti ammont raġunevoli taʼ paċi u kundizzjonijiet taʼ ħajja mimlijin sigurtà, ġeneralment jistaʼ jibqaʼ ċert mir-rispett u l-appoġġ tas-sudditi tiegħu. Madankollu, jekk għal xi raġuni n-nies jitilfu l-fiduċja fih, malajr jistaʼ jkun hemm ħaddieħor li jibda jaħkem minfloku. Dawn li ġejjin huma eżempji taʼ kundizzjonijiet li f’daqqa waħda ġagħlu lil ħakkiema b’saħħithom jitilfu l-poter.
Kundizzjonijiet ħżiena t’għajxien. Sa l-aħħar tat-18-il seklu, ħafna ċittadini Franċiżi kienu mġagħlin iħallsu ħafna taxxi filwaqt li kellhom ftit ikel. Dawn il-kundizzjonijiet wasslu għar-Rivoluzzjoni Franċiża, li fl-1793 issarrfet fil-qtil tas-Sultan Lwiġi XVI permezz tal-giljottina.
Gwerer. L-ewwel gwerra dinjija temmet il-ħakma taʼ wħud mill-iktar imperaturi potenti fl-istorja tal-bniedem. Per eżempju, fl-1917 minħabba l-gwerra kien hemm nuqqas taʼ ikel f’San Pietruburgu, ir-Russja, u dan wassal għar-Rivoluzzjoni taʼ Frar. F’dan l-irvell, il-Kżar Nikola II tneħħa minn fuq it-tron u bdiet il-ħakma Komunista. F’Novembru taʼ l-1918, il-Ġermaniżi riedu l-paċi imma l-Alleati ma ridux jieqfu jiġġieldu sakemm kien hemm bidla fit-tmexxija. Bħala riżultat, l-Imperatur Ġermaniż Guliermu II kien eżiljat fl-Olanda.
Xewqa għal sistemi differenti taʼ gvern. Fl-1989 tneħħiet il-Purtiera tal-Ħadid. Ir-reġimi li kienu jidhru b’saħħithom daqs il-blat spiċċaw fix-xejn hekk kif is-sudditi tagħhom irrifjutaw il-Komuniżmu u stabbilew tipi differenti taʼ ħakma.
[Stampi f’paġna 7]
Ġesù temaʼ lil dawk li kienu bil-ġuħ, fejjaq il-morda, u ta eżempju tajjeb lill-Kristjani kollha
[Sors tal-Istampa f’paġna 4]
Lloyd George: Photo by Kurt Hutton/Picture Post/Getty Images