Xiehda Ċara taʼ Mħabba, Fidi, u Ubbidjenza
FL-GĦODWA tas-16 taʼ Mejju, 2005, il-jum kien frisk u x-xemx bdiet tiddi fil-Watchtower Farms f’Wallkill, New York. Il-ħaxix maqtugħ pulit u l-fjuri miżrugħin bdew ileqqu minħabba x-xita li niżlet qabel is-sebħ. Papra u tmien flieles warajha bdew jgħumu bil-mod fl-ilma kalm mat-truf taʼ l-għadira. Dawk li kienu qed iżuru l-post baqgħu affaxxinati bis-sbuħija. Huma bdew jitkellmu bil-mod, donnhom biex ma jiksrux il-ħemda taʼ fil-għodu.
Il-viżitaturi kienu Xhieda taʼ Ġeħova li ġew minn xi 48 pajjiż differenti madwar id-dinja. Imma dawn ma ġewx biex jaraw ix-xenarju. Huma kienu interessati f’dak li kien qed jiġri f’binja spazjuża magħmula minn brikks taʼ lewn aħmar, l-iktar kumpless reċenti tal-Betel f’Wallkill, l-Istati Uniti. Meta daħlu f’dan il-bini, reġgħu baqgħu meraviljati, għalkemm din id-darba la kien hemm paċi u lanqas kwiet.
Minn pjan f’nofs il-binja, il-mistidnin bdew jittawlu lejn sistema komplikata taʼ magni. Ħames stamperiji enormi kienu mifruxin fuq art lixxa tal-konkos li hija akbar minn disaʼ grawnds tal-futbol. Huwa f’dan il-post li jiġu stampati l-Bibbji, il-kotba, u r-rivisti. Rombli kbar ħafna tal-karti, li jiżnu 1,700 kilogramma kull wieħed, iduru qishom roti taʼ trakk jiġri. Kull romblu, li hu twil 23 kilometru, jinħall u jgħaddi kollu mill-istamperija f’25 minuta biss. F’dak il-ħin, l-istamperija tqiegħed u tnixxef il-linka u tkessaħ il-karta ħalli tkun tistaʼ tiltewa f’rivisti u l-makkinarju fl-għoli jibgħathom bil-ħeffa biex jiġu ppakkjati fil-kaxxi ħalli jintbagħtu lill-kongregazzjonijiet. Stamperiji oħra jinsabu okkupati jistampaw karti kbar li jifformaw partijiet minn kotba, li jittieħdu bil-ħeffa f’maħżen li jimtela sas-saqaf sakemm jintbagħtu biex jiġu llegati. Din il-biċċa xogħol fiha preċiżjoni armonjuża mmexxija minn kompjuter.
Wara li telqu mill-istamperija, il-viżitaturi marru jżuru l-post fejn jiġu llegati l-kotba. Hawnhekk, il-magni jipproduċu kotba bil-qoxra iebsa u Bibbji deluxe b’rata taʼ xi 50,000 kopja kuljum. Il-partijiet differenti tal-kotba jinġabru fl-ordni li suppost, jiġu llegati, u jinqatgħulhom it-truf. Imbagħad, titwaħħlilhom il-qoxra. Wara dan, mazez taʼ kotba li jkunu lesti jitpoġġew fil-kaxxi. B’mod awtomatiku, il-kaxxi jiġu siġillati, titwaħħlilhom tabella, u jitpoġġew fuq pjattaforma taʼ l-injam. Barra minn hekk, il-kotba bil-qoxra tal-karti jinġabru f’ringiela u dawn jiġu ppakkjati sa 100,000 ktieb kuljum. Din hija wkoll sistema taʼ makkinarji—muturi bla għadd, makkinarji li jmexxu l-kotba, roti għall-ingranaġġ, roti oħrajn, u ċinturini—kollha għaddejjin b’ħeffa li ma bħalha biex jipproduċu l-letteratura Biblika.
Din l-istamperija li taħdem bi preċiżjoni t’arloġġ mill-aqwa għandha makkinarju b’veloċità qawwija u taʼ l-aħħar teknoloġija, u b’hekk hija tassew meravilja tat-teknoloġija moderna. Bħalma se naraw, din hija wkoll xiehda ċara taʼ l-imħabba, il-fidi, u l-ubbidjenza tal-poplu t’Alla. Imma l-istamperiji għala ttieħdu minn Brooklyn, New York, għal Wallkill?
Raġuni ewlenija kienet biex l-istampar u l-mod kif tintbagħat il-letteratura jiġu simplifikati billi kollox jibda jsir minn post wieħed. Għal bosta snin, il-kotba kienu jiġu stampati u mibgħuta minn Brooklyn, u r-rivisti kienu jiġi stampati u mibgħuta minn Wallkill. Jekk dawn ix-xogħlijiet jingħaqdu fi proċess wieħed, ikun hemm bżonn inqas nies għax-xogħol, u l-fondi dedikati għas-servizz t’Alla jintużaw aħjar. Iktar minn hekk, minħabba li l-istamperiji fi Brooklyn bdew jiqdiemu, ġew ordnati żewġ stamperiji ġodda MAN Roland Lithoman mill-Ġermanja. Dawn l-istamperiji kienu kbar wisq biex joqogħdu fil-bini taʼ l-istamperija taʼ Brooklyn.
Ġeħova Jappoġġa x-Xogħol
L-iskop taʼ l-istampar dejjem kien għall-avanz taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Kien evidenti li Ġeħova kien qed ibierek ix-xogħol mill-bidunett. Mill-1879 sa l-1922, il-kotba kienu jiġu stampati minn stabbilimenti kummerċjali taʼ l-istampar. Fl-1922, binja taʼ sitt sulari li kienet tinsab fi 18, Concord Street, fi Brooklyn, ġiet mikrija u nxtara l-apparat għall-istampar tal-kotba. Dak iż-żmien, kien hemm min iddubita dwar jekk l-aħwa kinux kapaċi jagħmlu din il-biċċa xogħol.
Wieħed minn dawn kien il-president tal-kumpanija li kien stampa l-biċċa l-kbira mill-kotba tagħna. Waqt żjara f’Concord Street, hu qal: “Sewwa, għandkom f’idejkom stabbiliment mill-aqwa taʼ l-istampar, u m’għandkom lil ħadd fil-post li jaf kif iħaddmu. Fi żmien sitt xhur se jkollkom qabda magni mkissrin; u se tindunaw li l-aħjar nies biex jagħmlulkom l-istampar huma dawk li dejjem ħadulkom ħsiebu, u li jagħmluh bħala n-negozju tagħhom.”
L-indokratur taʼ l-istamperija dak iż-żmien, Robert J. Martin, osserva: “Dak li qal kien jidher loġiku, imma hu ħalla barra lill-Mulej; u hu minn dejjem kien magħna. . . . Ma tantx domna ma bdejna nipproduċu l-kotba.” Matul it-80 sena li ġew wara, ix-Xhieda taʼ Ġeħova stampaw biljuni taʼ biċċiet taʼ letteratura fl-istamperiji tagħhom stess.
Imbagħad fil-5 t’Ottubru, 2002, fil-laqgħa annwali tal-Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, ġie mħabbar li l-Ġemgħa li Tiggverna kienet approvat li l-istampar tal-fergħa taʼ l-Istati Uniti jittieħed Wallkill. Kienu ġew ordnati żewġ stamperiji ġodda, u kellhom jaslu fi Frar taʼ l-2004. L-aħwa riedu jiddisinjaw u jespandu l-istamperija u riedu jkunu lesti fi 15-il xahar ħalli jirċievu l-istamperiji l-ġodda. Imbagħad, fi żmien disaʼ xhur kellha titpoġġa sistema ġdida biex jiġu llegati l-kotba u tiġi trasportata l-letteratura. Xi wħud setaʼ kellhom xi dubji meta semgħu bl-iskeda—din il-biċċa xogħol dehret kważi impossibbli. Madankollu, l-aħwa kienu jafu li bil-barka taʼ Ġeħova dan setaʼ jitwettaq.
“Spirtu Hieni taʼ Kooperazzjoni”
Peress li kienu jafu li l-poplu taʼ Ġeħova joffri ruħu minn rajh, l-aħwa bdew il-proġett. (Salm 110:3, Saydon) Minħabba l-kobor tal-proġett, kien hemm bżonn ħafna iktar ħaddiema minn dawk disponibbli fid-dipartimenti tal-bini li kien hemm Betel. Mill-Istati Uniti u l-Kanada, iktar minn 1,000 ħu u oħt bis-sengħa tal-bini offrew ruħhom biex jaqdu minn ġimgħa sa tliet xhur bħala parti mill-programm tal-volontieri temporanji. Oħrajn minn programmi tal-qaddejja u volontiera internazzjonali ġew mistiedna biex jieħdu sehem fil-proġett. Il-Kumitati Reġjonali tal-Bini wkoll ikkontribwew bil-kbir.
Għal ħafna, li jaqdu bħala volontiera fuq il-proġett f’Wallkill kien ifisser nefqa mhux ħażin fl-ivvjaġġar u żmien ’il bogħod mix-xogħol sekulari. Però, huma għamlu dawn is-sagrifiċċji bil-ferħ. Minħabba li dawn il-volontiera kellhom bżonn fejn joqogħdu u riedu jiġu mitmugħin, il-membri tal-familja taʼ Betel kellhom opportunità biex jaħdmu iebes ħalli jappoġġaw il-proġett. Iktar minn 535 membru tal-familja taʼ Betel fi Brooklyn, Patterson, u Wallkill offrew ruħhom biex jaqdu fuq il-proġett nhar taʼ Sibt, minbarra l-inkarigi normali tagħhom matul il-ġimgħa. L-appoġġ tant kbir li l-poplu t’Alla ta għal din il-biċċa xogħol storika kien possibbli biss minħabba li Ġeħova kien qed jappoġġa l-proġett.
Oħrajn ikkontribwew finanzjarjament. Per eżempju, l-aħwa rċivew ittra mingħand Abby li għandha disaʼ snin. Hi kitbet: “Jien tassew grata għax-xogħol kollu li tagħmlu—għal dawn il-kotba meraviljużi kollha. Ma ndumx ma niġi narakom. Missieri qalli s-sena d-dieħla! Se nilbes beġġ ħalli tkunu tafu min jien. Qed nibgħat 20 dollaru għall-istamperija l-ġdida! Dawn huma l-flus li ġemmajt jien, imma nixtieq nagħtihom lilkom ħuti.”
Waħda oħt kitbet: “Jekk jogħġobkom aċċettaw l-għotja tiegħi taʼ brieret magħmulin bil-ganċ li għamilt bl-idejn ċkejknin tiegħi stess. Nixtieq li dawn il-brieret jingħataw lill-ħaddiema li qed jaħdmu fuq il-proġett taʼ Wallkill. Il-kalendarju tat-temp qal li din ix-xitwa se tkun qalila mhux ħażin. Ma nafx jekk dan huwiex minnu. Imma naf li ħafna mix-xogħol f’Wallkill se jsir fuq barra, u nixtieq inkun naf li ħuti rġiel u nisa se jżommu rashom sħuna. M’għandix xi sengħa li l-aħwa qed ifittxu, imma naf naħdem bil-ganċ, allura ddeċidejt li nuża s-sengħa tiegħi biex nagħti sehmi kif nistaʼ.” Maʼ l-ittra bagħtet 106 brieret maħdumin bil-ganċ!
L-istamperija tlestiet fil-ħin. John Larson, l-indokratur taʼ l-istamperija, qal: “Kien hemm spirtu tassew hieni taʼ kooperazzjoni. Min setaʼ jiddubita l-fatt li Ġeħova kien qed ibierek ix-xogħol? L-affarijiet tant imxew bil-ħeffa. Għadni niftakarni bil-wieqfa fit-tajn f’Mejju taʼ l-2003, inħares lejn l-aħwa jqiegħdu l-pedament tal-bini. Inqas minn sena wara, sibt ruħi wieqaf fl-istess post nosserva l-istamperija waqt li kienet qed taħdem.”
Il-Programm tad-Dedikazzjoni
Il-programm biex tiġi dedikata l-istamperija l-ġdida, flimkien maʼ tliet binjiet oħra taʼ residenzi, sar f’Wallkill nhar it-Tnejn, 16 taʼ Mejju, 2005. Il-kumplessi taʼ Betel f’Patterson u Brooklyn, kif ukoll il-Betel tal-Kanada, ngħaqdu mal-programm permezz taʼ sistema elettronika bil-vidjo. B’kollox, 6,049 ruħ gawdew il-programm. Theodore Jaracz, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova, kien iċ-chairman u ta sommarju fuq fuq dwar l-istorja tax-xogħol taʼ l-istampar. Permezz taʼ intervisti u preżentazzjonijiet bil-vidjo, il-membri tal-Kumitat tal-Fergħa John Larson u John Kikot għamlu reviżjoni taʼ l-istorja kemm tal-proġett tal-bini kif ukoll tax-xogħol taʼ l-istampar li saru fl-Istati Uniti. John Barr mill-Ġemgħa li Tiggverna ta l-aħħar taħdita, u ddedika l-istamperija l-ġdida u t-tliet kumplessi taʼ residenza lil Alla Ġeħova.
Fil-ġimgħa taʼ wara, Beteliti minn Patterson u Brooklyn ngħataw l-opportunità li jmorru jżuru l-faċilitajiet il-ġodda. B’kollox, kien hemm 5,920 ruħ li żaruhom matul dan iż-żmien.
Kif Inħarsu Lejn l-Istamperija?
Fit-taħdita tad-dedikazzjoni, Ħuna Barr fakkar lis-semmiegħa tiegħu li l-istamperija, hi kemm hi impressjonanti, m’hijiex importanti minħabba l-enfasi li saret fuq il-makkinarju li għandha. Hija importanti minħabba l-enfasi fuq in-nies. Il-letteratura li nistampaw għandha effett qawwi fuq il-ħajja tan-nies.
Kull waħda mill-istamperiji l-ġodda tistaʼ tistampa miljun fuljett fi ftit iktar minn siegħa! Però, fuljett wieħed jistaʼ jagħmel effett tassew kbir fuq il-ħajja taʼ individwu. Per eżempju, fl-1921 grupp taʼ rġiel li jieħdu ħsieb il-linji tal-ferrovija fl-Afrika t’Isfel kienu għaddejjin fil-ħidma tagħhom fuq linja twila tal-ferrovija. Wieħed minnhom, raġel li jismu Christiaan, innota biċċa karta mgħaffġa taħt waħda mil-linji. Kienet wieħed mill-fuljetti tagħna. Christiaan qrah b’interess kbir. Hu ġera lejn ħatnu u qallu b’entużjażmu kbir: “Illum sibt il-verità!” Ftit wara, huma kitbu għal iktar informazzjoni. Il-fergħa taʼ l-Afrika t’Isfel bagħtet iktar letteratura bbażata fuq il-Bibbja. Iż-żewġt irġiel studjaw, tgħammdu, u qasmu l-verità tal-Bibbja m’oħrajn. B’riżultat taʼ dan, ħafna aċċettaw il-verità. Fil-fatt, sal-bidu tas-snin 90, iktar minn mija mid-dixxendenti tagħhom kienu Xhieda taʼ Ġeħova—dan kollu minħabba li raġel sab fuljett wieħed f’linja tal-ferrovija!
Ħuna Barr qal li l-letteratura li nistampaw iġġib lin-nies fil-verità, iżżommhom fil-verità, tqanqalhom ikollhom iktar żelu, u tgħaqqad lill-fratellanza. U iktar minn dan kollu, il-letteratura, li lkoll għandna sehem fit-tqassim tagħha, tigglorifika lill-Alla tagħna, Ġeħova!
Ġeħova Kif Iħares Lejn l-Istamperija?
Ħuna Barr staqsa wkoll lill-udjenza biex tikkunsidra kif Ġeħova jħares lejn l-istamperija. Hu żgur li ma jiddependix minnha. Hu jistaʼ jagħmel lill-ġebel jippriedka l-aħbar tajba! (Luqa 19:40) Iktar minn hekk, hu ma jimpressjonax ruħu mill-komplessità, id-daqs, il-veloċità, jew l-abbiltajiet tal-magni. Hu stess ħalaq l-univers! (Salm 147:10, 11) Ġeħova jaf b’metodi ħafna iktar avanzati kif jipproduċi l-letteratura, metodi li la għadhom ġew disinjati u lanqas immaġinati mill-bnedmin. Allura, x’inhu tassew taʼ valur għal Ġeħova? Żgur li f’din l-istamperija hu jara l-kwalitajiet prezzjużi tan-nies tiegħu—l-imħabba, il-fidi, u l-ubbidjenza tagħhom.
Sabiex tintwera kif inhi involuta l-imħabba f’dan ix-xogħol, ngħatat tixbiha. Waħda tifla taħmi kejk għall-ġenituri tagħha. Probabbilment, il-ġenituri se jifirħu bih. Iva, jiġi kif jiġi l-kejk, dak li jferraħ lill-ġenituri hu l-imħabba tat-tifla, kif tintwera mill-għemil ġeneruż tagħha. B’mod simili, meta Ġeħova jħares lejn din l-istamperija, hu ma jarax sempliċi bini u makkinarju. Primarjament, hu jara espressjoni taʼ l-imħabba għal ismu.—Ebrej 6:10.
Iktar minn hekk, l-istess bħalma Ġeħova ħares lejn l-arka bħala mod kif Noè wera l-fidi tiegħu, hu jħares lejn l-istamperija bħala xiehda ċara tal-fidi tagħna. Fidi fiex? Noè kellu fidi li dak li bassar Ġeħova kien se jseħħ fir-realtà. Aħna għandna fidi li qed ngħixu fl-aħħar jiem, li l-aħbar tajba hija l-iktar messaġġ importanti li qed jingħata fid-dinja, u li hu vitali li n-nies jisimgħuh. Aħna nafu li l-messaġġ tal-Bibbja jistaʼ jsalva l-ħajjiet.—Rumani 10:13, 14.
Żgur li Ġeħova jara wkoll li din l-istamperija hija mod kif nuru l-ubbidjenza tagħna. Kif nafu, hija r-rieda tiegħu li l-aħbar tajba tiġi pridkata mad-dinja kollha qabel ma jiġi t-tmiem. (Mattew 24:14) Din l-istamperija, flimkien maʼ dawk fir-reġjuni l-oħra kollha tal-globu, se jkollha rwol fit-twettiq taʼ dan l-inkarigu.
Iva, l-imħabba, il-fidi, u l-ubbidjenza li ntwerew fil-ġbir tal-fondi neċessarji, il-bini, u x-xogħol f’dawn il-faċilitajiet jidhru wkoll fl-attività żeluża tal-poplu taʼ Ġeħova kullimkien hekk kif ikompli jipproklama l-verità lil kulmin jixtieq jismaʼ.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 11]
TKABBIR TAʼ L-ISTAMPAR FL-ISTATI UNITI
1920: Ir-rivisti stampati bl-ewwel magna taʼ l-istampar, f’numru 35 f’Myrtle Avenue, Brooklyn.
1922: L-istamperija tittieħed f’binja taʼ sitt sulari f’numru 18 f’Concord Street. Jibdew jiġu stampati l-kotba.
1927: L-istamperija tittieħed f’binja ġdida li nbniet f’numru 117 f’Adams Street.
1949: Binja taʼ disaʼ sulari tirdoppja d-daqs taʼ l-istamperija.
1956: L-istamperija f’Adams Street terġaʼ tirdoppja meta l-binja l-ġdida tinbena f’numru 77 f’Sands Street.
1967: Jinbena post t’għaxar sulari, u jagħmilha possibbli li jkun hemm stamperija konnessa mal-binjiet l-oħra għaxar darbiet akbar mill-binja oriġinali.
1973: Żjieda taʼ stamperija li tinbena f’Wallkill, primarjament għall-produzzjoni tar-rivisti.
2004: L-istampar, l-illegar tal-kotba, u t-trasport tal-letteratura fl-Istati Uniti jittieħdu kollha lejn Wallkill.