Id-Dinjità tal-Bniedem—Dritt li Spiss Ma Jiġix Rispettat
“Kulma tistaʼ ssemmi dwar il-ħajja fil-kampijiet kien dejjem iktar iżidilna l-umiljazzjoni u n-nuqqas taʼ dinjità.”—MAGDALENA KUSSEROW REUTER, WAĦDA MINN DAWK LI SALVAW MILL-KAMP TAL-KONĊENTRAMENT TAN-NAZI.
KIENU kemm kienu tal-biżaʼ l-atroċitajiet tal-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi matul it-tieni gwerra dinjija, la kienu l-bidu u lanqas it-tmiem taʼ l-attakk fuq id-dinjità tal-bniedem. Kemm jekk neżaminaw il-passat jew il-preżent, il-verdett hu ċar: Għal żmien twil, ħafna wħud sofrew ‘dejjem iktar umiljazzjoni u nuqqas taʼ dinjità.’
Madankollu, il-fatt li d-dinjità tal-bniedem ġiet abbużata m’huwiex limitat għall-għemejjel barbari li tebbgħu l-istorja tal-bniedem. Spiss id-dinjità tal-bniedem tiġi abbużata b’modi iktar sottili. Aħseb dwar tifel li jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt minħabba karatteristika fiżika. Jew l-immigrant li jiġi ridikolat minħabba ċerti drawwiet “barranin.” Jew individwu li jbati minn diskriminazzjoni minħabba l-kulur tal-ġilda jew in-nazzjonalità tiegħu. Dawk li jabbużaw minn ħaddieħor iħarsu lejn il-kwistjoni bħala xi ħaġa tad-daħq, imma l-uġigħ u l-umiljazzjoni li jħossu dawk li jiġu abbużati m’humiex tad-daħq.—Proverbji 26:18, 19.
X’Inhi d-Dinjità tal-Bniedem?
Dizzjunarju wieħed jispjega d-dinjità bħala ‘l-kwalità jew l-istat taʼ li wieħed ikun denju, onorat, jew stmat.’ Għalhekk, id-dinjità umana tinvolvi kemm il-mod kif inħarsu lejna nfusna kif ukoll il-mod kif jittrattawna oħrajn. Waqt li hemm diversi affarijiet li jistgħu jeffettwaw il-mod kif inħossuna dwarna nfusna, il-mod kif jarana jew jittrattana ħaddieħor jeffettwa ħafna l-istima persunali tagħna nfusna fil-ħajja taʼ kuljum.
Kull soċjetà għandha settur li jinkludi l-foqra, dawk li huma bla difiża, u dawk li huma vulnerabbli. Madankollu, is-sens taʼ dinjità taʼ individwu mhux bilfors għandu jonqos għax ikollu dawn iċ-ċirkustanzi. Huma l-attitudni u r-reazzjoni taʼ l-oħrajn li jistgħu jagħmlu ħsara lid-dinjità taʼ l-individwu. B’dispjaċir, ir-realtà hi li individwi f’sitwazzjonijiet taʼ żvantaġġ ġeneralment huma dawk li jiġu trattati b’nuqqas taʼ dinjità li jġagħalhom iħossuhom umiljati jew offiżi. Kemm-il darba nisimgħu kliem bħal “bla siwi,” “mhux denju,” u “mingħajr dinjità” meta jiġu abbużati x-xjuħ, il-foqra, jew dawk li għandhom diżabilità mentali jew fiżika!
In-nies għala jumiljaw lil xulxin? Qatt se naraw id-dritt bażiku tal-bnedmin li jkollhom id-dinjità jsir realtà? L-artiklu li jmiss se jipprovdi t-tweġiba sodisfaċenti mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja.