LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 4/1 pp. 28-31
  • Tirrispettaha Int id-Dinjità Tagħhom?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tirrispettaha Int id-Dinjità Tagħhom?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Id-​Dinjità Eżemplifikata
  • Dinjità f’Relazzjonijiet ġol-​Familja
  • Fil-​Kongregazzjoni Kristjana
  • Inżommu d-​Dinjità Persunali
  • Onora lil Ġeħova Billi Turi Dinjità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Id-Dinjità tal-Bniedem—Dritt li Spiss Ma Jiġix Rispettat
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Id-Dinjità tal-Bniedem—Possibbli għal Kulħadd
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Intom Ilkoll Aħwa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 4/1 pp. 28-31

Tirrispettaha Int id-​Dinjità Tagħhom?

IMDAWRIN bħallikieku kienu xi annimali u stivati fi ħmieġ u ntejjen li l-​anqas biss jitwemmnu, nies mill-​Afrika kienu jiġu mgħobbijin qishom merkanzija lejn il-​kontinenti Amerikani. Minn taʼ l-​inqas nofshom kienu mistennijin li jmutu saħansitra qabel ma jaslu fid-​destinazzjoni tagħhom. Membri tal-​familja kienu jiġu separati krudelment, biex qatt ma jerġgħu jaraw lil xulxin. It-​traffikar taʼ l-​irsiera kien fost l-​iktar episodji oskuri tal-​bniedem fil-​mod inuman kif ittratta lil għajru.

Episodji oħrajn bħal dawn seħħew meta konkwistaturi potenti ssuġġettaw krudelment lil popli indiġeni li ma kellhomx difiża. Li tneżżaʼ persuna mid-​dinjità jistaʼ jkun iktar brutali milli tagħtiha daqqiet fiżiċi. Huwa devastanti għall-​ispirtu uman. Għalkemm il-​jasar ġie abolit f’ħafna pajjiżi, iż-​żebliħ tad-​dinjità umana għadu sejjer, forsi f’forom iktar sottili.

Kristjani veri, mill-​banda l-​oħra, jistinkaw biex jagħtu kas it-​twissija taʼ Ġesù Kristu biex ‘iħobbu lill-​proxxmu tagħhom bħalhom infushom.’ Għaldaqstant, huma jsaqsu lilhom infushom, ‘Nirrispettaha jien id-​dinjità persunali taʼ oħrajn?’—Luqa 10:27.

Id-​Dinjità Eżemplifikata

Id-​dinjità, skond dizzjunarju wieħed, hija l-​kwalità jew l-​istat taʼ li wieħed ikun jistħoqqlu mertu, unur, jew stima. X’deskrizzjoni xierqa taʼ l-​istat tas-​Sovran Universali, Alla Jehovah! Fil-​fatt, l-​Iskrittura tassoċja ripetutament lil Jehovah u s-​sovranità tiegħu mad-​dinjità. Mosè, Isaija, Eżekjel, Danjel, l-​appostlu Ġwanni, u oħrajn kienu pprivileġġjati li ngħataw viżjonijiet ispirati taʼ l-​Iktar Għoli u tal-​qorti ċelestjali tiegħu, u d-​deskrizzjonijiet tagħhom b’mod konsistenti ddeskrivew maestà u dinjità taʼ l-​għaġeb. (Eżodu 24:9-11; Isaija 6:1; Eżekjel 1:26-28; Danjel 7:9; Apokalissi 4:1-3) F’talba taʼ tifħir, is-​Sultan David qal: “Tiegħek, Mulej, il-​kobor u l-​qawwa, il-​ġieħ, is-​sebħ u t-​tifħir [id-“dinjità,” NW]: kull ma hemm fis-​sema u fl-​art.” (1 Kronaki 29:11) Verament, ħadd ma jistħoqqlu daqstant unur u stima daqs Alla Jehovah nnifsu.

Meta ħalaq lill-​bniedem fix-​xbiha u x-​xebh tiegħu, Jehovah poġġa fuq il-​bnedmin ammont taʼ mertu, rispett lejhom infushom, u dinjità. (Ġenesi 1:26) Għalhekk, meta nittrattaw maʼ oħrajn, lil kull persuna rridu nagħtuha unur u rispett kif mistħoqq. Meta nagħmlu hekk, aħna, fil-​fatt, inkunu qed nirrikonoxxu s-​Sors tad-​dinjità umana, Alla Jehovah.—Salm 8:5-10 [Salm 8:4-9, NW].

Dinjità f’Relazzjonijiet ġol-​Familja

Taħt ispirazzjoni, l-​appostlu Pietru, li kien raġel miżżewweġ, wissa lil irġiel Kristjani biex jagħtu lin-​nisa tagħhom “ġieħ . . . għax huma aktar dgħajfa.” (1 Pietru 3:7; Mattew 8:14) “Għalhekk,” ta parir l-​appostlu Pawlu, il-​“mara għandha ġġib rispett lil żewġha.” (Efesin 5:33) Għalhekk, fiż-​żwieġ, unur u rispett għad-​dinjità persunali tas-​sieħeb jew is-​sieħba huma ħtieġa fil-​Bibbja. B’liema modi jistgħu dawn jiġu murijin?

Bħalma l-​ilma jagħti l-​ħajja lil pjanta li qed tikber, kliem grazzjuż u ġesti ħelwin bejn raġel u mara miżżewġin, fil-​pubbliku u fil-​privat, jistgħu jiżviluppaw iktar ir-​relazzjoni intima tagħhom. Kuntrarju għal dan, attakki verbali, insolenti, u ħorox jew rimarki sarkastiċi u umiljanti bla rispett, bħalma tismaʼ taʼ spiss f’kummiedji televiżivi, huma distruttivi. Dawn jistgħu jipprovokaw sentimenti li jweġġgħu taʼ li wieħed iħossu m’hu tajjeb għal xejn, taʼ dipressjoni, u taʼ risentiment; jistgħu saħansitra jikkaġunaw feriti emozzjonali li m’huwiex faċli li tfejjaqhom.

Li tirrispetta d-​dinjità persunali taʼ oħrajn ifisser ukoll li taċċettahom kif inhuma, mhux tipprova tiffittjahom ġo xi ideal prekonċett jew tagħmel paraguni inġusti maʼ oħrajn. Dan huwa speċjalment importanti bejn l-​imseħbin fiż-​żwieġ. Fejn il-​komunikazzjoni u l-​espressjonijiet jgħaddu b’mod komdu mingħajr tfixkil u ħadd ma jibżaʼ li jiġi kkritikat jew imċanfar, l-​intimità se tiffjorixxi. Meta persuna tkun tistaʼ tkun hi nfisha jew hu nnifsu fiż-​żwieġ, imbagħad id-​dar issir verament post taʼ refuġju mid-​dinja ħarxa u krudila taʼ barra.

L-ulied huma taħt kmand Skritturali li juru rispett u jobdu lill-​ġenituri tagħhom. Mill-​banda l-​oħra, ġenituri taʼ għerf u mħabba jagħmlu tajjeb li jirrikonoxxu d-​dinjità taʼ wliedhom. Kumplimenti mill-​qalb għal imġiba tajba, flimkien maʼ dixxiplina meta tkun neċessarja, jaħdmu tajjeb f’li jinforzaw “[i]t-twiddib tal-​Mulej.” Kritika, għajat, u tgħajjir kostanti b’termini umiljanti bħal “stupidu” jew “iblah” ma se jwasslu għal xejn ħlief biex jirritawhom.—Efesin 6:4.

Wieħed missier u anzjan Kristjan, li qed irabbi tliet subjien u tlett ibniet, jgħid: “Fis-​Sala tas-​Saltna, tajna dixxiplina meħtieġa bil-​kwiet kemm jistaʼ jkun. Xi taptipa fuq l-​ispalla jew ħarsa serja taʼ twiddib kienu jkunu normalment suffiċjenti. Jekk dixxiplina iktar serja kienet tkun meħtieġa, konna nagħtuha fil-​privatezza tad-​dar tagħna u ’l bogħod mit-​tfal l-​oħrajn. Issa li t-​tfal kibru, id-​dixxiplina tinvolvi li nagħtu lil kull wieħed parir għaref u taʼ mħabba mill-​Kelma t’Alla skond il-​ħtiġijiet individwali tagħhom. Aħna nipprovaw inżommu l-​konfidenzjalità f’dawn l-​affarijiet persunali, u b’hekk nuru rispett lejn id-​dritt taʼ kull wieħed u waħda minn uliedna għal privatezza u dinjità.”

Xi ħaġa li m’għandniex nittraskuraw hija l-​bżonn għal manjieri tajbin bil-​kliem u bil-​fatti ġol-​familja. Il-​familjarità m’għandhiex toħnoq kliem bħal “jekk jogħġbok,” “grazzi,” “skużani,” u “jiddispjaċini.” Manjieri tajbin huma fundamentali kemm f’li nżommu d-​dinjità tagħna nfusna u kemm f’li nirrispettaw dik taʼ oħrajn.

Fil-​Kongregazzjoni Kristjana

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom,” qal Ġesù. (Mattew 11:28) Il-​magħkusin, id-​dipressi, anki t-​tfal żgħar, kienu kollha miġbudin b’mod irreżistibbli lejn Ġesù. Kienu ddisprezzati mill-​membri arroganti tal-​kleru li mingħalihom kienu twajbin u mill-​mexxejja taʼ żmienhom. Imma f’Ġesù sabu lil xi ħadd li tahom id-​dinjità li kien jistħoqqilhom.

F’imitazzjoni taʼ Ġesù, aħna wkoll irridu li nkunu sors taʼ rifreskar għal sħabna fit-​twemmin. Dan ifisser li nfittxu opportunitajiet biex nibnuhom bil-​kliem u bl-​azzjonijiet tagħna. Huwa dejjem xieraq li nkunu ġenerużi b’mod sinċier b’rimarki ħelwin u pożittivi fil-​konversazzjoni tagħna. (Rumani 1:11, 12; 1 Tessalonikin 5:11) Nuru li aħna sensittivi għas-​sentimenti taʼ oħrajn billi noqogħdu attenti għal dak li ngħidu kif ukoll għal kif ngħiduh. (Kolossin 4:6) Ilbies u dekôr xieraq fil-​laqgħat Kristjani jirriflettu wkoll rispett profond lejn id-​dinjità t’Alla tagħna, lejn il-​qima tiegħu, u lejn adoraturi sħabna.

Ġesù rrispetta d-​dinjità tan-​nies anki meta kien jagħmlilhom xi servizz. Qatt ma kabbar lilu nnifsu a spejjeż taʼ ħaddieħor jew billi umiljahom. Meta wieħed imġiddem ġie għandu jfittex il-​fejqan, Ġesù ma warrbux bħala raġel maħmuġ li m’huwiex denju, lanqas ma għamel spettaklu billi qagħad jiġbed l-​attenzjoni lejh innifsu. Minflok, meta l-​imġiddem talab bil-​ħrara lil Ġesù, “Mulej, jekk trid, tistaʼ tfejjaqni,” Hu wera dinjità lejn dan il-​wieħed imġiddem billi qallu, “Iva, irrid.” (Luqa 5:12, 13) Kemm hi ħaġa taʼ l-​għaġeb għalina mhux biss li ngħinu lil dawk fil-​bżonn imma wkoll li nassigurawhom li m’humiex taʼ piż imma li huma bżonnjużi u maħbubin! Il-​mistħijin, id-​dipressi, u d-​diżabilitati ġeneralment jiġu injorati, imwarrbin jew umiljati fid-​dinja. Imma huma għandhom isibu sħubija vera u jħossuhom aċċettati meta jkunu maʼ ħuthom irġiel u nisa Kristjani. Aħna rridu nagħmlu l-​parti tagħna biex nikkontribwixxu għal dan l-​ispirtu.

Ġesù ħabb lid-​dixxipli tiegħu bħala li kienu “tiegħu” u “ħabbhom għall-​aħħar” minkejja n-​nuqqasijiet tagħhom u d-​diversi karatteristiċi tagħhom. (Ġwann 13:1) Hu ra fihom qlub safjin u devozzjoni b’ruħhom kollha lejn Missieru. Bl-​istess mod, aħna m’għandna qatt nattribwixxu motivi ħżiena lil adoraturi sħabna sewwa sew minħabba li huma ma jistgħux jagħmlu l-​affarijiet il-​mod kif nagħmluhom aħna jew għaliex id-​drawwiet jew il-​personalitajiet tagħhom jistgħu jirritawna. Rispett lejn id-​dinjità taʼ ħutna se jġagħalna nħobbuhom u naċċettawhom kif inhuma, b’fiduċja li huma wkoll iħobbu lil Jehovah u jservuh b’motivi safjin.—1 Pietru 4:8-10.

L-anzjani, b’mod speċjali, għandhom joqogħdu attenti li ma jikkaġunawx ansjetà żejda lil dawk fdati f’idejhom. (1 Pietru 5:2, 3) Meta jiltaqgħu maʼ membru tal-​kongregazzjoni li waqaʼ fid-​dnub, ikun tajjeb għall-​anzjani li jħawru kliemhom bil-​ħlewwa u l-​konsiderazzjoni u joqogħdu ’l bogħod milli jsaqsu mistoqsijiet imbarazzanti bla bżonn. (Galatin 6:1) Anki meta twiddib qawwi jew dixxiplina iebsa tkun bżonnjuża, għandhom ikomplu jonoraw id-​dinjità u r-​rispett persunali mistħoqq tal-​wieħed li żbalja.—1 Timotju 5:1, 2.

Inżommu d-​Dinjità Persunali

Billi konna maħluqin fi xbiha t’Alla u fix-​xebh tiegħu, għandna nirriflettu, kemm jistaʼ jkun, il-​kwalitajiet taʼ l-​għaġeb t’Alla​—inkluż id-​dinjità tiegħu​—fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum. (Ġenesi 1:26) B’mod simili, integrat fil-​kmand “ħobb lil għajrek bħalek innifsek” hemm il-​bżonn għal miżura bilanċjata taʼ dinjità u rispett persunali. (Mattew 22:39) Il-​fatt hu li jekk irridu li ħaddieħor jurina rispett u jagħtina dinjità, irridu nuru li dan jistħoqqilna.

Fattur importanti f’li nżommu rispett lejna nfusna u dinjità persunali hu li nżommu kuxjenza nadifa. Kuxjenza mtebbaʼ u wġigħ taʼ ħtija faċilment iwasslu għal sentimenti taʼ li ma int tajjeb għal xejn, taʼ frustrazzjoni, u taʼ dipressjoni. Għaldaqstant, jekk persuna kkommetta xi ħażen serju, hu għandu jieħu passi immedjati biex jindem u jfittex assistenza spiritwali mingħand l-​anzjani biex b’hekk igawdi “żminijiet taʼ mistrieħ mingħand il-​Mulej.” Inkluż fir-​rifreskar hemm ir-​restawrazzjoni taʼ dinjità persunali u rispett lejh innifsu.—Atti 3:19, 20.

Ikun jerġaʼ aħjar li nagħmlu sforz kostanti biex nissalvagwardjaw il-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja, billi ma nħallu l-​ebda ħaġa ttebbagħha jew iddgħajjifha. Li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna f’kull aspett tal-​ħajja taʼ kuljum tagħna​—fl-​ikel, fix-​xorb, fin-​negozju, fid-​divertiment, fil-​mod kif nittrattaw maʼ dawk tas-​sess oppost—​se jgħinna nżommu kuxjenza nadifa, u b’hekk inkunu nistgħu nirriflettu l-​glorja u d-​dinjità t’Alla fil-​ħajja tagħna.—1 Korintin 10:31.

Xi ngħidu jekk is-​sens taʼ ħtija minħabba xi żbalji li għamilna ma jkunx irid ibatti? Jew xi ngħidu jekk memorji taʼ abbużi sofruti fil-​passat ikomplu jkunu taʼ wġigħ? Dawn jistgħu jkissru d-​dinjità persunali tagħna u jikkaġunaw dipressjoni intensiva. Kemm hu taʼ faraġ il-​kliem tas-​Sultan David li nsibu f’​Salm 34:19 [Salm 34:18, NW]: “Qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” Jehovah huwa lest u dispost li jsaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu meta jkollhom ikampaw maʼ dipressjoni u sentimenti taʼ li m’huma tajbin għal xejn. Supplika lil Alla flimkien maʼ li nfittxu l-​għajnuna taʼ dawk kwalifikati spiritwalment, bħal dik taʼ ġenituri Kristjani, anzjani, u oħrajn maturi fil-​kongregazzjoni, huma indispensabbli biex nirrestawraw rispett lejna nfusna u dinjità persunali.—Ġakbu 5:13-15.

Mill-banda l-​oħra, irridu noqogħdu għassa kontra li naqsmu l-​linja bejn dinjità persunali u arroganza. Il-​parir Skritturali huwa: “Tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun! Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu taʼ li hu skond il-​qjies tal-​fidi li tah Alla.” (Rumani 12:3) Waqt li huwa xieraq li nikkultivaw rispett lejna nfusna, ma rridux nesaġeraw kemm niswew aħna jew inħawdu d-​dinjità umana maʼ l-​isforzi estremi u egoisti li xi wħud jagħmlu biex ma jinkisrux quddiem ħaddieħor.

Iva, ir-​rispett lejn id-​dinjità taʼ ħaddieħor huwa ħtieġa Kristjana. Il-​membri tal-​familja tagħna u sħabna l-​Kristjani lkoll ħaqqhom u jimmeritahom ir-​rispett, l-​unur, u l-​istima tagħna. Jehovah kkonċeda lil kull wieħed u waħda minna miżura taʼ dinjità u unur li aħna għandna nirrikonoxxu u nżommu. Imma fuq kollox, irridu nikkultivaw reverenza profonda għad-​dinjità u l-​maestà li jisbqu taʼ Missierna tas-​sema, Alla Jehovah.

[Stampa f’paġna 31]

Iż-​żgħażagħ jistgħu juru rispett lejn dawk li għandhom xi diżabilità

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja