Id-Dinjità tal-Bniedem—Possibbli għal Kulħadd
“Irridu nibnu dinja ġdida—dinja ħafna aħjar—waħda li fiha d-dinjità dejjiema tal-bniedem tkun rispettata.”—HARRY TRUMAN, PRESIDENT TAʼ L-ISTATI UNITI, SAN FRANCISCO, KALIFORNJA, L-ISTATI UNITI TAʼ L-AMERIKA, 25 T’APRIL, 1945.
IL-PRESIDENT TRUMAN kien jemmen, bħal ħafna wħud fis-snin taʼ wara t-tieni gwerra dinjija, li l-bniedem jistaʼ jitgħallem mill-iżbalji li jkun għamel u jġib “dinja ġdida” fejn kulħadd ikollu d-dinjità. B’sogħba, l-istorja moderna turina realtà differenti. “Id-dinjità dejjiema tal-bniedem” għadha fil-periklu minħabba li l-għerq tal-problema m’huwiex il-bniedem, imma l-akbar għadu tal-bniedem.
L-Għerq tal-Problema
Il-Bibbja tidentifika lil dan l-għadu bħala Satana x-Xitan, ħliqa spirtu ħażin li mill-bidu taʼ l-istorja tal-bniedem sfida d-dritt t’Alla li jaħkem. Minn meta Satana kellu kuntatt m’Eva fil-ġnien taʼ l-Għeden, il-mira tiegħu kienet li jżomm lura lill-bnedmin milli jaqdu lill-Ħallieq tagħhom. (Ġenesi 3:1-5) Aħseb dwar l-effetti diżastrużi li ġarrbu Adam u Eva meta ċedew għall-parir tax-Xitan! Il-konsegwenza immedjata talli m’obdewx il-liġi t’Alla dwar il-frotta projbita kienet li t-tnejn li huma “nħbew . . . minn wiċċ il-Mulej Alla.” Għala? Adam stqarr: “Bżajt għax jien għeri, u nħbejt.” (Ġenesi 3:8-10) Ir-relazzjoni taʼ Adam maʼ Missieru tas-sema u l-ħarsa tiegħu lejh innifsu nbidlu. Hu beda jistħi u ma kienx għadu jħossu komdu fil-preżenza taʼ Ġeħova.
Ix-Xitan għala ried jara li r-rispett li Adam kellu lejh innifsu jonqos? Għaliex il-bniedem hu magħmul fuq ix-xbieha t’Alla, u Satana jitgħaxxaq meta jarah jaġixxi b’mod li jħassar ir-riflessjoni tiegħu tal-glorja t’Alla. (Ġenesi 1:27; Rumani 3:23) Dan jgħinna nispjegaw għala l-għemejjel t’umiljazzjoni jimlew l-istorja tal-bniedem. Bħala “l-alla taʼ din is-sistema,” Satana inkuraġġixxa dan l-ispirtu matul iż-żmien li l-‘bniedem ħakem fuq ieħor u għamillu l-ħsara.’ (2 Korintin 4:4; Koħèlet 8:9; 1 Ġwanni 5:19) Ifisser dan li d-dinjità xierqa tal-bniedem intilfet għal dejjem?
Ġeħova Jagħti d-Dinjità lill-Ħolqien Tiegħu
Erġaʼ aħseb dwar il-kundizzjonijiet fil-ġnien taʼ l-Għeden qabel ma Adam u Eva dinbu. Huma kellhom ħafna ikel, xogħol premjanti, u l-prospett taʼ ħajja mimlija saħħa u bla tmiem kemm għalihom u kemm għal nisilhom. (Ġenesi 1:28) Kull aspett taʼ l-eżistenza tagħhom kien jenfasizza l-iskop kollu mħabba u dinjituż t’Alla għall-umanità.
Inbidlet il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn id-dinjità tal-bniedem meta Adam u Eva dinbu? Le. Hu wera konsiderazzjoni għall-mistħija li bdew iħossu minħabba li kienu għarwenin. Bi mħabba, Alla pprovda “ħwejjeġ tal-ġild” biex jilbsuhom minflok l-iħżma tat-tin li kienu ħietu għalihom infushom. (Ġenesi 3:7, 21) Minflok ma ħalliehom jistħu, Alla ttrattahom bid-dinjità.
Iktar tard meta kien qed jittratta mal-ġens taʼ Iżrael, Ġeħova wera l-mogħdrija għall-iltiema, ir-romol, u l-barranin—membri tas-soċjetà li spiss jiġu abbużati. (Salm 72:13) Per eżempju, meta l-Iżraelin kienu jaħsdu l-qamħ, is-siġar taż-żebbuġ, u d-dwieli, intqalilhom biex ma jmorrux lura għall-prodotti li jkunu ħallew warajhom. Minflok, Alla kkmanda li dak it-tlaqqit kellhom ‘iħalluh għall-barrani, għall-iltim u għall-armla.’ (Dewteronomju 24:19-21) Meta kienu jiġu applikati, dawn il-liġijiet kienu jneħħu l-bżonn li dak li jkun joqgħod jittallab u pprovdew xogħol dinjituż saħansitra għal dawk li kienu tassew foqra.
Ġesù Ttratta lill-Oħrajn bid-Dinjità
Meta kien fuq l-art, Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, wera interess fid-dinjità t’oħrajn. Per eżempju, meta kien fil-Galilija, raġel li kellu l-ġdiem fi stat avanzat mar għand Ġesù. Skond il-Liġi Mosajka, biex jiġi evitat li oħrajn jiġu infettati, l-imġiddem kellu jgħajjat: “Mniġġes!, mniġġes!” (Levitiku 13:45) Madankollu, dan ir-raġel m’għajjatx it-twissija hu u riesaq lejn Ġesù. Minflok, hu nxteħet wiċċu fl-art u talab bil-ħrara lil Ġesù: “Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” (Luqa 5:12) Ġesù kif wieġeb? Ġesù ma kkastigax lir-raġel talli kiser il-Liġi, lanqas ma injorah jew evitah. Minflok, hu ttratta lill-imġiddem b’mod dinjituż billi messu u qallu: “Irrid. Indaf.”—Luqa 5:13.
F’okkażjonijiet oħra, Ġesù wera l-abbiltà tiegħu li jfejjaq mingħajr ebda kuntatt fiżiku—kultant mill-bogħod. Madankollu, f’dan il-każ hu għażel li jmiss lir-raġel. (Mattew 15:21-28; Marku 10:51, 52; Luqa 7:1-10) Minħabba li r-raġel kien “mimli ġdiem,” żgur li kien ilu snin sħaħ ma jkollu kuntatt fiżiku maʼ bniedem ieħor. Min jaf x’faraġ ħass meta għal darb’oħra xi ħadd mess miegħu! Żgur li kulma kien qed jittama r-raġel kien li jfiq mill-ġdiem. Però, il-mod kif Ġesù fejqu żgur li għen lir-raġel jerġaʼ jikseb xi ħaġa oħra—id-dinjità tiegħu. Huwa realistiku li nemmnu li interess bħal dan fid-dinjità t’oħrajn jistaʼ jeżisti fis-soċjetà taʼ llum? Jekk iva, kif jistaʼ jintwera dan?
Ir-Regola li Tagħti d-Dinjità
Ġesù qal dik li ħafna jikkunsidrawha bħala l-iktar tagħlima famuża li qatt ngħatat dwar ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) Din ir-Regola tad-Deheb, bħalma spiss tiġi msejħa, tqanqal lill-individwu biex jirrispetta lil għajru, waqt li jittama li għajru jittrattah bl-istess mod.
Bħalma turi l-istorja, din ir-regola ma tiġix applikata b’mod naturali—spiss ir-realtà tkun bil-kontra. Wieħed raġel li se nsejħulu Harold jgħid, “Biex ngħid il-verità jien kont nieħu gost numilja lill-oħrajn. Bi ftit kliem, kont kapaċi nħallihom mifxula, imbarazzati, u kultant bid-dmugħ f’għajnejhom.” Imma ġrat xi ħaġa li ġagħlet lil Harold jibdel il-mod kif jittratta lill-oħrajn. “Diversi Xhieda taʼ Ġeħova bdew iżuruni. Meta nħares lura, tgħidx kemm jiħmarli wiċċi meta niftakar f’xi affarijiet li għedt u l-mod kif ġieli ttrattajthom. Imma huma qatt ma qatgħu qalbhom, u bil-mod il-mod, il-veritajiet tal-Bibbja laqtuli qalbi u qanqluni biex ninbidel.” Illum, Harold jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni Kristjana.
Harold hu xiehda ħajja tal-fatt li “l-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.” (Ebrej 4:12) Il-kelma t’Alla għandha l-qawwa li tmiss il-qalb taʼ l-individwu u tibdel il-ħsieb u l-imġiba tiegħu. Dan hu fundamentali biex nittrattaw lill-oħrajn b’mod dinjituż—xewqa mill-qalb li ngħinuhom minflok ma nweġġgħuhom, li nonorawhom minflok ma numiljawhom.—Atti 20:35; Rumani 12:10.
Id-Dinjità Xierqa Restawrata
Hija din l-istess xewqa li tqanqal lix-Xhieda taʼ Ġeħova biex jitkellmu m’oħrajn dwar it-tama meraviljuża tal-Bibbja. (Atti 5:42) M’hemmx mod aqwa kif wieħed juri rispett u jittratta lil għajru b’mod dinjituż milli li jaqsam miegħu “aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.” (Isaija 52:7, NW) “Xi ħaġa aħjar” tinkludi li dak li jkun jilbes il-“personalità l-ġdida,” li se tmewwitlu “x-xewqa” biex jumilja lill-oħrajn “li twassal għall-ħsara.” (Kolossin 3:5-10) Din tinkludi wkoll l-iskop taʼ Ġeħova li dalwaqt se jneħħi l-kundizzjonijiet u l-attitudnijiet li jisirqu d-dinjità tal-bniedem, flimkien maʼ dak li jikkaġunahom, Satana x-Xitan. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10; Rivelazzjoni 20:1, 2, 10) F’dak iż-żmien biss, meta l-art tkun “mimlija . . . bl-għarfien tal-Mulej,” id-dinjità għal kulħadd fl-aħħar se ssir realtà.—Isaija 11:9.
Nistidnuk biex titgħallem dwar din it-tama meraviljuża. Jekk int tissieħeb max-Xhieda taʼ Ġeħova, se tara għalik innifsek li min japplika l-prinċipji tal-Bibbja jirrispetta d-dinjità taʼ ħaddieħor. U se tkun tistaʼ titgħallem kif is-Saltna t’Alla dalwaqt se ġġib ‘dinja ġdida u ħafna aħjar,’ dinja li fiha “d-dinjità dejjiema tal-bniedem” tkun realtà, u qatt ma terġaʼ tkun fil-periklu.
[Kaxxa/ Stampa f’paġna 6]
Minħabba li Żammew l-Integrità Ppreservaw id-Dinjità Tagħhom
Matul it-tieni gwerra dinjija, iktar minn 2,000 Xhud taʼ Ġeħova ntbagħtu fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi minħabba t-twemmin tagħhom. Meta nnotat il-mod taʼ min jammirah kif urew l-integrità tagħhom, Gemma La Guardia Gluck, li kienet priġuniera f’Ravensbrück, tgħid fil-ktieb tagħha My Story: “Darba minnhom il-Gestapo ħabbar li kwalunkwe Student tal-Bibbja li jiċħad it-twemmin tiegħu u jiffirma stqarrija dwar dan, kien se jingħata l-libertà u ma jibqax jiġi persegwitat.” Dwar dawk li rrifjutaw li jiffirmaw din l-istqarrija, hi kitbet: “Huma ppreferew ikomplu jbatu u jistennew bis-sabar il-jum li fih jinħelsu.” Għala għamlu dan? Magdalena, li issa għandha iktar minn 80 sena u li ssemmiet fil-bidu taʼ l-artiklu taʼ qabel, tispjega: “Kien iktar importanti li nibqgħu leali lejn Ġeħova milli li nsalvaw ħajjitna akkost taʼ kollox. Il-fatt li nżommu d-dinjità tagħna kien ifisser li nżommu l-integrità tagħna.”a
[Nota taʼ taħt]
a Għal rakkont dettaljat dwar il-familja Kusserow, ara The Watchtower taʼ l-1 taʼ Settembru, 1985, paġni 10-15.
[Stampa f’paġna 5]
Ġesù ttratta lil dawk li fejjaq b’mod dinjituż
[Stampa f’paġna 7]
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jittrattaw lill-oħrajn b’mod dinjituż billi jaqsmu magħhom “aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar”