X’Jistaʼ Jgħinna Nimmaniġġaw il-Kelma tal-Verità Sewwa?
KRITIKU tat-teatru li jaħdem għal ċerta gazzetta darba waħda mar jara reċta partikulari. Din ma tantx għoġbitu, u wara kiteb: “Jekk qed tfittex li tara xi ħaġa li mhix importanti jew interessanti, ara x’tagħmel u mur ara din ir-reċta.” Iktar tard, l-organizzaturi taʼ din ir-reċta ppubblikaw reklam u fih ikkwotaw xi kliem li kien qal il-kritiku. Il-kwotazzjoni kienet: “Ara x’tagħmel u mur ara din ir-reċta”! Ir-reklam ikkwota l-kliem tal-kritiku bl-eżatt, imma neħħihom mill-kuntest, u b’hekk biddel kompletament il-ħarsa tiegħu.
Dan l-eżempju juri ċar kemm jistaʼ jkun importanti l-kuntest taʼ xi stqarrija. Meta l-kliem ma jibqax fil-kuntest, it-tifsir tiegħu jistaʼ jinbidillu, eżatt bħalma Satana biddel it-tifsir taʼ l-Iskrittura meta pprova jqarraq b’Ġesù. (Mattew 4:1-11) Min-naħa l-oħra, meta jiġi kunsidrat il-kuntest taʼ xi stqarrija, dan se jgħinna nifhmu b’mod iktar preċiż xi jfisser. Għal din ir-raġuni, meta nistudjaw xi vers mill-Bibbja, huwa dejjem għaqli li nagħtu kas il-kuntest ħalli b’hekk inkunu nistgħu nifhmu aħjar fuqiex kien qed jitkellem l-awtur.
Attent Kif Timmaniġġaha
Dizzjunarju jiddefinixxi l-kuntest bħala “l-biċċiet fi ktieb, f’diskors, eċċ. li qegħdin qabel u wara xi pass partikulari u li aktarx juru ċar dak il-pass xi jfisser.” Il-kuntest jistaʼ jkun ukoll il-ġabra taʼ ċirkustanzi jew fatti li għandhom x’jaqsmu maʼ xi ġrajja, jew sitwazzjoni partikulari, eċċ. F’dan is-sens taʼ l-aħħar, kelma oħra għal “kuntest” tistaʼ tkun “sfond.” Li tikkunsidra l-kuntest taʼ skrittura huwa taʼ importanza partikulari meta naraw x’kiteb l-appostlu Pawlu lil Timotju: “Agħmel ħiltek kollha biex tippreżenta lilek innifsek approvat għal Alla, ħaddiem li m’għandu xejn mniex jistħi, billi timmaniġġa l-kelma tal-verità sewwa.” (2 Timotju 2:15, NW.) Sabiex nimmaniġġaw il-Kelma t’Alla sewwa, għandna bżonn nifhmuha tajjeb u mbagħad nispjegawha lil oħrajn bl-onestà u bi preċiżjoni. Ir-rispett lejn Jehovah, l-Awtur tal-Bibbja, se jqanqalna biex nagħmlu hekk, u li nikkunsidraw il-kuntest se jkun t’għajnuna kbira.
L-Isfond tat-Tieni Timotju
Per eżempju, ejja neżaminaw il-ktieb Bibliku tat-Tieni Timotju.a Biex nibdew l-osservazzjoni tagħna bir-reqqa, nistgħu nistaqsu dwar l-isfond tal-ktieb. Min kiteb it-Tieni Timotju? Meta? F’liema ċirkustanzi? Imbagħad nistgħu nistaqsu, X’kienet is-sitwazzjoni taʼ “Timotju” li jidher fit-titlu tal-ktieb? Għalfejn kellu bżonnha l-informazzjoni li fih il-ktieb? It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jkabbrulna l-apprezzament tagħna għall-ktieb u jgħinuna naraw kif aħna llum nistgħu nibbenefikaw minnu.
Il-versi li bihom jiftaħ it-Tieni Timotju jindikaw li l-ktieb huwa ittra miktuba mill-appostlu Pawlu lil Timotju. Versi oħrajn juru li meta kitibha, Pawlu kien qiegħed ibati marbut bil-ktajjen minħabba l-aħbar tajba. Minsi minn ħafna, Pawlu beda jħoss li tmiem ħajtu kien fil-qrib. (2 Timotju 1:15, 16; 2:8-10; 4:6-8) Għalhekk, bilfors li kiteb il-ktieb waqt li kien il-ħabs għat-tieni darba ġewwa Ruma, wisq probabbli għall-ħabta tas-sena 65 E.K. Ftit wara dan, milli jidher Neruni ssentenzjah għall-mewt.
Dan huwa l-isfond tat-Tieni Timotju. Madankollu, taʼ min jinnota li Pawlu ma kitibx lil Timotju biex jilmenta dwar il-problemi tiegħu stess. Minflok, huwa wissa lil Timotju bil-quddiem dwar żminijiet diffiċli u inkuraġġixxa lil sieħbu biex ma jħalli xejn ifixklu, biex jibqaʼ ‘jqawwi ruħu,’ u biex jgħaddi l-istruzzjonijiet taʼ Pawlu lil oħrajn. B’hekk, dawn imbagħad ikunu armati biex saħansitra huma stess jgħinu lil oħrajn. (2 Timotju 2:1-7) X’eżempju mill-aqwa taʼ tħassib f’oħrajn mingħajr egoiżmu huwa dan, anki fi żminijiet diffiċli! U x’parir mill-aħjar għalina llum!
Pawlu jsejjaħ lil Timotju “ibni l-għażiż.” (2 Timotju 1:2) Fl-Iskrittura Griega Kristjana, dan ir-raġel żagħżugħ ħafna drabi jissemma bħala sieħeb leali taʼ Pawlu fix-xogħol. (Atti 16:1-5; Rumani 16:21; 1 Korintin 4:17) Meta Pawlu kitiblu din l-ittra, jidher li Timotju kellu fuq it-30 sena—xorta meqjus bħala żagħżugħ. (1 Timotju 4:12) Madankollu, hu diġà kien magħruf ħafna għal-lealtà tiegħu, billi kien ‘ħadem maʼ Pawlu’ x’aktarx għal 14-il sena. (Filippin 2:19-22) Minkejja l-età pjuttost żgħira taʼ Timotju, Pawlu tah ir-responsabbiltà li jwissi lil anzjani oħrajn biex “ma joqogħdux jintilfu fi kwistjonijiet dwar kliem” imma biex jikkonċentraw fuq kwistjonijiet importanti, bħalma huma l-fidi u s-sabar. (2 Timotju 2:14) Timotju kellu wkoll l-awtorità biex jaħtar indokraturi u qaddejja ministerjali fil-kongregazzjoni. (1 Timotju 5:22) Però, hu għandu mnejn li kien iżomm xi ftit lura biex jeżerċita l-awtorità tiegħu.—2 Timotju 1:6, 7.
L-anzjan żagħżugħ iffaċċja sfidi serji. Darba minnhom, tnejn min-nies, Imeni u Filetu, bdew “iħawwdu l-fidi f’xi wħud,” u jgħallmu li “l-qawmien mill-imwiet ġa sar.” (2 Timotju 2:17, 18) Milli jidher kienu jemmnu li l-uniku rxoxt kien wieħed spiritwali u li għall-Kristjani kien diġà seħħ. Forsi kienu qed jikkwotaw il-kliem taʼ Pawlu barra mill-kuntest, meta qal li l-Kristjani kienu mejtin fi dnubiethom imma ngħataw ħajja ġdida permezz taʼ l-ispirtu t’Alla. (Efesin 2:1-6) Pawlu wissa li influwenza apostata bħal din kellha tiżdied. Hu kiteb: “Għax għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar, . . . u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerrew wara l-ħrejjef.” (2 Timotju 4:3, 4) It-twissija bil-quddiem taʼ Pawlu wriet li kienet xi ħaġa urġenti għal Timotju li jieħu l-parir taʼ l-appostlu.
Il-Valur tal-Ktieb Illum
Minn dak li għadu kemm intqal, naraw li minn taʼ l-inqas Pawlu kiteb it-Tieni Timotju għar-raġunijiet li ġejjin: (1) Kien jaf li tmiemu kien fil-qrib ħafna, u fittex li jipprepara lil Timotju għaż-żmien meta hu ma kienx se jkun hemm iktar biex jappoġġah. (2) Xtaq iħejji lil Timotju biex jipproteġi lill-kongregazzjonijiet taħt is-superviżjoni tiegħu mill-apostasija u influwenzi oħrajn taʼ ħsara. (3) Ried li jinkuraġġixxi lil Timotju biex jibqaʼ bieżel fis-servizz taʼ Jehovah u jserraħ fuq l-għarfien eżatt taʼ l-Iskrittura ispirata fil-waqfa tiegħu kontra tagħlim falz.
Meta nifhmu l-isfond tat-Tieni Timotju, il-ktieb isir mimli b’iktar sinifikat għalina. Illum, ukoll, hawn apostati bħal Imeni u Filetu li jmexxu ’l quddiem l-ideat tagħhom u jridu jfarrkulna l-fidi tagħna. Iktar minn hekk, iż-“żmien iebes” li pprofetizza dwaru Pawlu qiegħed hawn magħna. Ħafna esperjenzaw kemm hija minnha t-twissija taʼ Pawlu: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni.” (2 Timotju 3:1, 12) Kif nistgħu nibqgħu sodi? Bħal Timotju, għandna bżonn noqogħdu attenti għall-parir taʼ dawk li qdew lil Jehovah għal ħafna snin. U permezz taʼ studju persunali, talb, u sħubija Kristjana, nistgħu nibqgħu ‘nqawwu rwieħna’ permezz tal-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah. Iktar minn hekk, b’fiduċja fil-qawwa taʼ l-għarfien eżatt, nistgħu nagħtu kas tat-twissija taʼ Pawlu: “Żomm quddiem għajnejk l-eżempju tat-tagħlim sħiħ.”—2 Timotju 1:13.
“L-Eżempju tat-Tagħlim Sħiħ”
X’inhu t-“tagħlim sħiħ” li tkellem dwaru Pawlu? Hu juża din l-espressjoni biex jirreferi għat-tagħlim Kristjan veru. Fl-ewwel ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu spjega li bażikament it-“tagħlim sħiħ” huwa ‘l-kliem taʼ Ġesù Kristu.’ (1 Timotju 6:3) Meta wieħed jimita l-eżempju tat-tagħlim sħiħ se jkollu moħħ f’loku, natural ħelu, u tħassib f’oħrajn. Ladarba l-ministeru u t-tagħlim taʼ Ġesù huma fi qbil mat-tagħlim l-ieħor kollu li nsibu ġol-Bibbja kollha, l-espressjoni “tagħlim sħiħ” tistaʼ b’hekk tirreferi għat-tagħlim kollu tal-Bibbja.
Għal Timotju, kif ukoll għall-anzjani Kristjani kollha, l-eżempju tat-tagħlim sħiħ kien “teżor sabiħ” li kellu jiġi mħares. (2 Timotju 1:13, 14) Timotju kellu ‘jxandar il-kelma, jinsisti f’waqtu u barra minn waqtu, iċanfar, iwiddeb, iwissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.’ (2 Timotju 4:2) Meta nqisu li t-tagħlim apostat kien qed jinfirex fi żmien Timotju, nistgħu nifhmu għala Pawlu enfasizza l-urġenza li jgħallem tagħlim sħiħ. Naraw, ukoll, li Timotju kellu jipproteġi l-merħla billi ‘jċanfar, iwiddeb u jwissi’ bis-sabar, billi juża abbiltà mill-aħjar biex jgħallem.
Timotju lil min kellu jippriedka l-kelma? Il-kuntest jissuġġerixxi li Timotju, bħala anzjan, kellu jippriedka l-kelma ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana. Minkejja l-pressjonijiet li kellhom jagħmlu dawk li jopponu, Timotju kellu jżomm il-bilanċ spiritwali tiegħu u jippriedka bil-qlubija l-kelma t’Alla, mhux filosofiji umani, ideat persunali, jew spekulazzjonijiet vojta. Veru, dan setaʼ jġib oppożizzjoni mingħand xi wħud li kienu inklinati għall-ħażin. (2 Timotju 1:6-8; 2:1-3, 23-26; 3:14, 15) Però, billi mexa fuq il-parir taʼ Pawlu, Timotju setaʼ jkompli jservi bħala tarka kontra l-apostasija, bħalma kien ukoll Pawlu stess.—Atti 20:25-32.
Japplika l-kliem taʼ Pawlu dwar l-ippridkar tal-kelma għall-ippridkar taʼ barra l-kongregazzjoni wkoll? Iva, japplika, bħalma juri l-kuntest. Pawlu jkompli jgħid: “Imma int oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma taʼ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.” (2 Timotju 4:5) L-evanġelizzar—l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-salvazzjoni lil dawk li ma jemmnux—huwa essenzjali għall-ministeru Kristjan. (Mattew 24:14; 28:19, 20) L-istess bħalma l-kelma t’Alla tiġi pridkata fil-kongregazzjoni “barra minn waqtu” jew aħjar, taħt ċirkustanzi diffiċli, aħna nippersistu biex nippridkaw il-kelma lil dawk barra l-kongregazzjoni fost ħafna taħbit ukoll.—1 Tessalonikin 1:6.
Il-bażi taʼ l-ippridkar tagħna u taʼ dak li ngħallmu hija l-Kelma ispirata t’Alla. Għandna fiduċja totali fil-Bibbja. Pawlu qal lil Timotju: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa.” (2 Timotju 3:16) Dan il-kliem ħafna drabi jiġi kwotat tajjeb biex juri li l-Bibbja hija l-Kelma ispirata t’Alla. Imma x’kien l-iskop li Pawlu kiteb dan il-kliem?
Pawlu kien qed jitkellem m’anzjan, wieħed li għandu r-responsabbiltà li ‘jċanfar, iwiddeb, u jrawwem fis-sewwa,’ ġewwa l-kongregazzjoni. Għaldaqstant, kien qed ifakkar lil Timotju biex jafda fl-għerf tal-Kelma ispirata, dik li Timotju kien trawwem fiha sa minn żgħoritu. L-anzjani, bħal Timotju, xi drabi jkollhom iwiddbu lil min jagħmel xi ħażen. Meta jagħmlu dan, għandhom dejjem ikollhom fiduċja fil-Bibbja. Iktar minn hekk, ladarba l-Iskrittura hija ispirata minn Alla, it-twiddib kollu bbażat minn fuqha fil-fatt huwa twiddib mingħand Alla. Jekk xi ħadd jirrifjuta xi twiddib ibbażat fuq il-Bibbja jkun qed jirrifjuta, mhux xi idea tal-bniedem, imma parir ispirat li jiġi mingħand Jehovah innifsu.
Kemm hu sinjur fl-għerf divin il-ktieb tat-Tieni Timotju! U kemm għandu iktar tifsir meta nikkunsidraw f’liema kuntest inkitbu l-pariri tiegħu! F’dan l-artiklu, tajna biss ħarsa ħafifa lejn l-informazzjoni ispirata u meraviljuża li jħaddan dan il-ktieb, imma hija biżżejjed biex turi kemm huwa t’għajnuna li nikkunsidraw il-kuntest taʼ dak li naqraw fil-Bibbja. Dan se jgħinna nkunu żguri li aħna verament qegħdin “nimmaniġġaw il-kelma tal-verità sewwa.”
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni, ara l-Insight on the Scriptures, pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah, it-2 Volum, paġni 1105-8.
[Stampa f’paġna 27]
Pawlu xtaq iħejji lil Timotju biex jipproteġi lill- kongregazzjonijiet
[Stampa f’paġna 30]
Pawlu fakkar lil Timotju biex jafda fl-għerf tal-Kelma ispirata