Hija l-gwida tal-Bibbja prattika għal żmienna?
XI WĦUD JGĦIDU LE. Tabib qal li jekk tuża l-Bibbja bħala gwida, tkun qisek qed tuża ktieb taʼ 100 sena ilu biex tgħallem il-kimika. Xi ħadd xettiku, jew li ma jirrispettax il-Bibbja, għandu mnejn isaqsik jekk kieku tużax manwal taʼ kompjuter li m’għadux jeżisti biex tkun taf kif tuża kompjuter tal-aħħar. Fi kliem ieħor, xi wħud jikkunsidraw il-Bibbja bħala li hi antikwata għalkollox.
Għala għandu xi ħadd juża gwida daqstant antika meta fid-dinja llum hawn tant teknoloġija avvanzata? Fuq kollox, hemm bosta websajts u blogs li b’mod kontinwu jagħtu l-aħħar pariri u gwida. Programmi fuq it-televixin jippreżentaw pariri minn psikologi għorrief, nies li jagħtu l-pariri fuq kollox, u awturi. U l-industrija tal-kotba tippubblika viżibilju taʼ kotba biex titgħallem issolvi l-problemi waħdek, u din sadattant tkompli taqlaʼ l-biljuni.
Bl-informazzjoni disponibbli li tiġi aġġornata l-ħin kollu, għala għandek iddur lejn il-Bibbja—ktieb li tlesta kważi 2,000 sena ilu? Ma jkollhomx raġun ix-xettiċi f’li jgħidu li meta tuża ktieb tal-qedem għall-gwida tkun qisek qed tuża ktieb tal-kimika jew manwal tal-kompjuter li m’għadux jgħodd? Fir-realtà, dan l-irraġunar hu ħażin. Ix-xjenza u t-teknoloġija jinbidlu mil-lejl għan-nhar, imma nbidlu l-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem? In-nies għadhom jixtiequ li jkollhom skop fil-ħajja u li jkunu kuntenti u fis-sigurtà, li jkollhom familji b’saħħithom, u ħbieb mill-aqwa.
Għalkemm il-Bibbja hi ktieb antik, hi tindirizza dawn il-bżonnijiet u iktar minn hekk. Issostni wkoll li hi ispirata mill-Ħallieq tagħna. Toffri gwida għal kull aspett tal-ħajja u tarmana għal kull sfida li tistaʼ tinqalaʼ. (2 Timotju 3:16, 17) Iktar minn hekk, issostni li fiha pariri li ma jiskadu qatt—pariri li jibqgħu jgħoddu għal dejjem! Il-Bibbja nfisha tgħid: “Il-kelma t’Alla hi ħajja.”—Ebrej 4:12.
Jistaʼ jkun li dak li ssostni l-Bibbja hu verament minnu? Hija antikwata, jew hija verament l-iktar ktieb prattiku u taʼ valur għalina llum—daqslikieku hi ktieb ħaj? L-iskop taʼ din l-edizzjoni tat-Torri tal-Għassa, l-ewwel fost serje taʼ ħarġiet speċjali, hu li jgħinek issib it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet.