‘Imħejjijin Għal Kull Ħidma Tajba’
1 Il-poplu taʼ Jehovah llum huwa mbierek b’abbundanza taʼ ikel spiritwali għani. (Is. 25:6) Hemm ħafna materjal Skritturali x’jitgawda permezz taʼ studju persunali u tal-familja u f’laqgħat tal-kongregazzjoni, f’assembleat, u f’konvenzjonijiet. Imma qegħdin aħna nieħdu vantaġġ sħiħ minn dan kollu bil-għan li nsiru ‘perfetti, imħejjijin għal kull ħidma tajba’?—2 Tim. 3:17.
2 Aħseb biss dwar il-menù spiritwali għas-sena 1998, li diġà għaddiet nofsha! Permezz tal-laqgħat tal-kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa, qegħdin inkopru xi wħud mill-punti prinċipali taʼ 23 ktieb taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana, qed nirrevedu l-informazzjoni misjuba fl-Insight on the Scriptures dwar il-ħajjiet taʼ 49 karattru tal-Bibbja, u qed nikkunsidraw 138 paġna fil-ktieb Proclaimers. Qegħdin nirrevedu wkoll terz tal-ktieb Għarfien, kważi l-ktieb Hena fil-Familja kollu, u l-pubblikazzjoni Il-Kelma t’Alla kollha kemm hi. Iktar minn hekk, qegħdin niġu sostnuti bi 12-il ħarġa taʼ Il-Ministeru tas-Saltna, 52 artiklu taʼ studju tat-Torri taʼ l-Għassa, u kważi daqstant ieħor taħditiet pubbliċi fuq varjetà taʼ suġġetti mill-Bibbja. Programmi għonja tal-konvenzjoni u taʼ l-assembleat huma miżjudin maʼ dan kollu. X’rikkezza t’affarijiet spiritwali tajbin intgħamlet disponibbli għalina!
3 Apprezza l-Provvedimenti taʼ Jehovah: Sabiex nibbenefikaw bis-sħiħ, hemm bżonn li napprezzaw għala Jehovah jipprovdi abbundanza spiritwali bħal din. Li nitimgħu lilna nfusna b’dawn l-affarijiet tajbin jibnilna l-fidi tagħna u jsaħħilna r-relazzjoni tagħna miegħu. (1 Tim. 4:6) Madankollu, l-ikel spiritwali ma jintgħamilx disponibbli sempliċement għall-istruzzjoni tagħna stess. Dan jimmotivana biex naqsmu l-verità m’oħrajn u jgħammarna biex inkunu effettivi f’li nagħmlu dan bħala ministri taʼ l-aħbar tajba.—2 Tim. 4:5.
4 Ħalli ma nittraskurawx il-bżonnijiet spiritwali tagħna, imma dejjem nikkultivaw xenqa għall-provvedimenti għonja u spiritwalment sodisfaċenti mill-mejda taʼ Jehovah. (Mt. 5:3; 1 Pt. 2:2) Biex nibbenefikaw bis-sħiħ jirrikjedi li nwarrbu ħin biżżejjed għal kwistjonijiet importanti bħalma huma l-istudju regulari persunali u tal-familja u l-attendenza għal-laqgħat. (Efes. 5:15, 16) Il-premjijiet taʼ ferħ talli nagħmlu hekk se jkunu fi qbil maʼ l-inkuraġġiment ispirat li Pawlu kiteb lil Kristjani Ebrej leali, bħalma hu ddokumentat f’Lhud 13:20, 21.