‘Mitmugħin bil-Kliem tal-Fidi’
1 Li tgħix ħajja taʼ devozzjoni lejn Alla jirrikjedi sforz qawwi. (1 Tim. 4:7-10) Jekk nistrieħu fuqna nfusna, malajr negħjew u nitfixklu waqt li nipprovaw nimxu f’din it-triq. (Is. 40:29-31) Mod wieħed kif nistgħu nirċievu saħħa mingħand Ġeħova hu billi niġu ‘mitmugħin bil-kliem tal-fidi.’—1 Tim. 4:6.
2 Ikel Spiritwali Nutrittiv: Permezz tal-Kelma tiegħu u permezz taʼ “l-ilsir leali u għaqli,” Ġeħova jipprovdi ikel spiritwali nutrittiv. (Mt. 24:45) Qegħdin aħna nagħmlu l-parti tagħna biex nibbenefikaw minnu? Naqrawha l-Bibbja kuljum? Inwarrbu ħin għall-istudju persunali u l-meditazzjoni? (Salm 1:2, 3) Programm taʼ ikel spiritwali bnin bħal dan jagħtina s-saħħa u jipproteġina biex id-dinja taʼ Satana ma ddgħajjifniex. (1 Ġw. 5:19) Ġeħova jkun magħna jekk nimlew moħħna b’affarijiet siewja u mbagħad napplikawhom f’ħajjitna.—Flp. 4:8, 9.
3 Ġeħova jsaħħaħna wkoll permezz tal-laqgħat tal-kongregazzjoni. (Ebr. 10:24, 25) It-tagħlim spiritwali u s-sħubija bnina li nsibu f’dawn il-laqgħat jagħtuna l-qawwa biex inżommu sod meta niffaċċjaw il-provi. (1 Pt. 5:9, 10) Żagħżugħa Kristjana qalet: “Inkun l-iskola l-ġurnata kollha, u dan ikissirni. Imma l-laqgħat qishom oasi fid-deżert, fejn nerġaʼ nieħu s-saħħa biex inkun nistaʼ nkampa maʼ ġurnata oħra taʼ skola.” Kemm niġu mberkin għall-isforz li nagħmlu biex nattendu l-laqgħat!
4 Inxandru l-Verità: Li jippriedka lil oħrajn kien bħal ikel għal Ġesù. Kien jagħtih l-enerġija. (Ġw. 4:32-34) Bl-istess mod, meta nkellmu lil oħrajn dwar il-wegħdi meraviljużi t’Alla, inħossuna mġeddin. Il-bżulija fil-ministeru tgħinna wkoll biex inżommu lil qalbna u lil moħħna ċentrati fuq is-Saltna u fuq il-barkiet li se jiġu dalwaqt. Dan verament jagħtina s-saħħa.—Mt. 11:28-30.
5 Kemm aħna privileġġati li qed nibbenefikaw min-nutriment spiritwali abbundanti li Ġeħova qed jipprovdi għall-poplu tiegħu llum! Jalla nkomplu ngħajtu bil-ferħ għall-glorja tiegħu.—Is. 65:13, 14.