“Niżirgħu Żerriegħa tas-Saltna” f’Rotot bir-Rivisti
1 Għanja 133 fil-ktieb Għannu Tifħir lil Jehovah jisimha “Niżirgħu Żerriegħa tas-Saltna.” Hija bbażata fuq it-tixbieha taʼ Ġesù li xxebbah ix-xogħol taʼ li jintgħamlu dixxipli maż-żrigħ taż-żerriegħa. (Mt. 13:4-8, 19-23) Il-lirika taʼ l-għanja tgħid: “Kemm taqaʼ żerriegħa fuq art li taf trodd/Jiddependi minnek taʼ spiss.” Kif nistgħu nżidu l-effettività tal-ministeru tagħna? Mod wieħed hu billi nistabbilixxu u nżommu rotta bir-rivisti.
2 Jistgħu jintlaħqu diversi objettivi permezz taʼ rotta bir-rivisti. (1) Żjajjar regulari kull ġimagħtejn jgħinuk tagħmel ħbieb mal-persuna li turi interess. (2) Lil dak li jkun tibqaʼ tfornih regolarment b’informazzjoni li ssalva l-ħajja u li tinstab f’It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! (3) Permezz tal-konversazzjonijiet tiegħek tistaʼ tgħin lill-individwu jiżviluppa xenqa għall-verità Skritturali, li tistaʼ twassal għal studju tal-Bibbja.—1 Pt. 2:2.
3 Kif Tibda Rotta bir-Rivisti: Kulmeta xi ħadd juri interess fir-rivisti, spjega kif artikli li jispikkaw jidhru f’kull ħarġa u li int se tieħu gost twassalhomlu kull ġimagħtejn. Wara li titlaq, ħu nota taʼ l-isem u l-indirizz taʼ dak li jkun, id-data taż-żjara, id-dati tal-ħarġiet li ħallejt, l-artiklu li ppreżentajt, u s-suġġetti li l-iktar li interessaw lill-individwu.
4 Tistaʼ tibda rotta bi ftit nies biss fiha. Imbagħad aħdem biex tkompli tkabbarha billi żżid lil oħrajn li tkun ħallejtilhom ir-rivisti. Hekk kif ir-rotta tiegħek tikber, tistaʼ torganizzaha ġeografikament sabiex ikun eħfef għalik li tkopriha. Żomm informazzjoni mniżżla bir-reqqa dwar liema ħarġiet ħallejt f’kull żjara u meta. Żid noti dwar il-konversazzjonijiet tiegħek u dwar kif se tkompli tiżviluppa l-interess taʼ l-individwu fil-verità fiż-żjara li jkun imiss.
5 Inkludi lil Nies tan-Negozju u Dawk Professjonali: L-esperjenza wriet li tal-ħwienet u nies professjonali oħrajn x’aktarx li jaċċettawhom ir-rivisti tagħna fuq bażi regulari. Wieħed anzjan saħansitra kellu s-sindku tar-raħal tiegħu fir-rotta bir-rivisti tiegħu. Pubblikatur beda studju maʼ individwu taʼ 80 sena, li hu sid taʼ kumpanija li tipprovdi materjal għall-bini, wara li kien ilu jiħodlu r-rivisti għal għaxar snin konsekuttivi!
6 Waħda oħt pijuniera daħlet f’ħanut u ltaqgħet maʼ koppja li ma tantx laqgħuha b’entużjażmu. Madankollu, peress li aċċettaw ir-rivisti, hi ddeċidiet li żżid lil din il-koppja mar-rotta bir-rivisti tagħha. Maż-żmien, l-oħt riedet taqtaʼ minn magħhom minħabba li ma kienu kordjali xejn u qatt ma kien ikollhom wisq x’jgħidu, saħansitra meta kienet issaqsihom x’kienet il-ħarsa tagħhom dwar xi ħaġa. Imma l-oħt talbet dwar din il-kwistjoni u eventwalment ħalliet il-ktieb Tgħix Għal Dejjem mal-koppja. Wara li qratu, il-mara esklamat: “Fl-aħħar, sibtha l-verità!” Inbeda studju tal-Bibbja, u iktar tard il-koppja tgħammdu. Il-perseveranza tal-pijuniera tassew tat frott tajjeb.
7 Isiru ż-Żjajjar Lura: Meta tirċievi rivista ġdida, aqra kull artiklu. Fittex punti li se jappellaw għal kull individwu fir-rotta tiegħek. Imbagħad meta terġaʼ tmur, tistaʼ tgħid: “Waqt li kont qed naqra dan l-artiklu, ħsibt fik u kif dan jistaʼ jinteressak.” Pubblikaturi taʼ kull età jistgħu jieħdu gost li jkollhom rotta bir-rivisti. Saħansitra tifel ċkejken jistaʼ jgħid: “Qed nieħu pjaċir li qed nerġaʼ narak. L-aħħar ħarġiet taʼ It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! waslulek. Naħseb li dan l-artiklu li jismu . . . se jogħġbok.”
8 Qanqal l-antiċipazzjoni għal xi artikli li jkunu ġejjin billi tiġbed l-attenzjoni lejn il-kaxxa intitolata “Fil-Ħarġa li Jmiss.” Meta xi artikli jidhru bħala serje, iġbed l-attenzjoni lejn dan il-fatt u inkuraġġixxi lill-qarrej biex ma jitlef l-ebda parti minnha. Tinsiex li kull darba li twassal ir-rivisti lil xi ħadd li jkun fir-rotta bir-rivisti tiegħek, tistaʼ tgħoddha bħala żjara lura. U fuq kollox, ftakar li l-mira tagħna hi li niżviluppaw dawn iż-żjajjar fi studji tal-Bibbja fid-dar.
9 Żur lin-Nies fir-Rotta Tiegħek bi Skeda Regulari: Tistaʼ tkopri r-rotta bir-rivisti tiegħek f’kull ħin li huwa prattiku—fil-għodu fost il-ġimgħa, tard wara nofsinhar, kmieni fil-għaxija, jew fi tmiem il-ġimgħa wara li tkun qattajt xi ħin fix-xogħol minn dar għal dar. Jekk ma tkunx tistaʼ tkopri r-rotta tiegħek minħabba li tkun marid jew tkun fuq btala, itlob lil pubblikatur ieħor fil-familja jew fil-kongregazzjoni tiegħek biex iwassal ir-rivisti għalik. B’dan il-mod, dawk l-uħud li jkunu fir-rotta tiegħek mhux se jonqsu li jiksbu r-rivisti tagħhom fil-ħin.
10 Mod wieħed kif tiżraʼ ż-żerriegħa tas-Saltna huwa li tieħu It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! regolarment lil dawk kollha fir-rotta bir-rivisti tiegħek. Hekk kif tgħallimhom il-verità Skritturali, jistgħu jieħdu s-sens tal-kelma tas-Saltna u fl-aħħar mill-aħħar jipproduċu frott tas-Saltna flimkien miegħek.—Mt. 13:8, 23.