Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ L-attendants kif jistgħu jagħtu għajnuna lill-ġenituri f’li jgħinu lil uliedhom iġibu ruħhom sew fil-laqgħat?
It-tfal minnhom għandhom l-enerġija, u m’humiex imdorrijin joqogħdu bil-qegħda għal perijodu twil taʼ ħin. Wara l-laqgħa, għandu mnejn li t-tfal ikunu jridu jaħlu dik l-enerġija li jkunu żammew ġo fihom billi joqogħdu jiġru u jaqbdu maʼ tfal oħrajn ġewwa s-Sala tas-Saltna jew f’postijiet oħra fejn niltaqgħu, fejn nipparkjaw, jew fuq il-bankina. Madankollu, sewwa jgħid il-proverbju: “Tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb” lill-ġenituri tiegħu.—Prov. 29:15.
B’dispjaċir ngħidu, xi aħwa mdaħħlin fiż-żmien weġġgħu gravi minħabba li xi tfal waqt li kienu qed jiġru daħlu fihom u waqqgħuhom maʼ l-art. Dan ikkaġuna tbatija żejda kif ukoll ħsara bla bżonn lill-ġenituri u lill-kongregazzjoni. Għas-sigurtà tagħhom stess u dik t’oħrajn, it-tfal m’għandhomx jitħallew jiġru u jilagħbu ġewwa jew barra s-Sala tas-Saltna.
Il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà Skritturali li jħarrġu lil uliedhom biex iqisu l-postijiet tagħna taʼ qima bir-rispett xieraq. (Koħ. 4:17a [5:1a, New World Translation]) Fil-laqgħat, assembleat, u konvenzjonijiet Kristjani tagħna, l-attendants huma inkarigati biex jaraw li “jsir kollox kif imur” u li jkun hemm l-“ordni.” (1 Kor. 14:40; Kol. 2:5) Huma jridu jibqgħu għassa qabel, matul, u wara l-programm, kemm ġewwa kif ukoll barra. Jekk ikun hemm xi tifel qed jiġri jew qed jirvilla, l-attendant jistaʼ bil-ħlewwa jwaqqaf lit-tifel, u jistaʼ jispjegalu għala mhux sew li jġib ruħu b’dan il-mod. Għandu jmur jgħid ukoll bil-ħlewwa lill-ġenituri tat-tifel dwar din il-problema u dwar il-bżonn li jieħdu ħsiebu. Il-ġenituri għandhom iwieġbu u jaġixxu b’mod xieraq.
Nistgħu nifhmu l-fatt li xi drabi t-trabi u t-tfal żgħar forsi jibku jew ifixklu lil ħaddieħor matul il-laqgħat. L-attendants, li għandhom jiġu għallinqas 20 minuta qabel ma jibda l-programm, jistgħu jerfgħu l-aħħar ftit ringieli tas-sala għall-ġenituri li jkunu jixtiequ joqogħdu bil-qegħda hemmhekk maʼ wliedhom żgħar. Il-bqija taʼ l-aħwa jridu jikkooperaw billi jħallu dawk il-postijiet vojta għalihom.
Jekk it-tifel ikun qed ifixkel, il-ġenituri jridu jagħmlu xi ħaġa. Jekk ma jaġixxux u l-istorbju jibda jfixkel lil oħrajn, wieħed mill-attendants għandu jistaqsi bil-ħlewwa lil xi ħadd mill-ġenituri jekk jistax joħorġu mis-sala. Meta nistiednu lil xi wħud ġodda bit-tfal għal-laqgħat, għandna noqogħdu bil-qegħda ħdejhom u noffru li ngħinuhom bit-tfal jekk dawn jibku jew ifixklu b’xi modi oħrajn.
Il-fatt li naraw tfal taʼ kull età fis-Sala tas-Saltna u nosservaw l-imġiba tajba tagħhom fid-dar t’Alla jġibilna l-ferħ. (1 Tim. 3:15) Billi jirrispettaw l-arranġament taʼ Jehovah għall-qima, dawn se jonorawh u jkunu apprezzati minn kulħadd fil-kongregazzjoni.