Programm Ġdid għall-Assemblea tas-Circuit
Aħna nafu li Alla Jehovah jixraqlu l-imħabba u d-devozzjoni esklużivi tagħna. Madankollu, id-dinja tipprova tħajjarna biex ma nibqgħux inżommu r-relazzjoni mill-qrib miegħu. (Ġw. 17:14) Sabiex isaħħaħ l-imħabba tagħna għal Jehovah u jqawwina biex nirreżistu l-affarijiet tad-dinja li jipperikolaw l-ispiritwalità tagħna, il-programm ġdid għall-assemblea tas-circuit għas-sena taʼ servizz 2001 se jkollu t-tema “Ħobb lil Alla—Mhux l-Affarijiet tad-Dinja.”—1 Ġw. 2:15-17.
L-imħabba profonda għal Jehovah ġġagħalna nagħtu xiehda dwaru. Minkejja dan, is-servizz taʼ l-għalqa m’huwiex faċli għal ħafna mill-poplu t’Alla. Fil-parti “L-Imħabba għal Alla Tqanqalna fil-Ministeru Tagħna,” tgħallem kif ħafna għelbu l-mistħija u ostakli oħrajn sabiex jieħdu sehem sħiħ f’dan ix-xogħol.
Kif jinfluwenzawna l-livelli tad-dinja li qed jinżlu fil-baxx? L-affarijiet li xi darba kienu kunsidrati mill-agħar, illum isejħulhom imġiba normali. It-taħdita “Dawk li Jħobbu lil Jehovah Jobogħdu Dak li Hu Ħażin” u s-simposju “L-Affarijiet fid-Dinja—Kif Tqishom?” se jsaħħulna d-determinazzjoni tagħna biex ngħidu le għax-xewqat ħżiena.
Il-programm se jinkludi l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u l-Laqgħa tas-Servizz bħala mudell, kif ukoll ġabra fil-qosor taʼ l-artiklu taʼ studju tat-Torri taʼ l-Għassa għal dik il-ġimgħa. It-taħdita pubblika, “Kif l-Imħabba u l-Fidi Jirbħu d-Dinja,” se tinkuraġġina biex nimitaw lil Ġesù f’li nirreżistu l-pressjonijiet tad-dinja. (Ġw. 16:33) Kun ċert li tistieden lill-istudenti tiegħek tal-Bibbja sabiex jattendu. Kulmin jixtieq jitgħammed għandu jgħid lill-indokratur li jippresiedi malajr kemm jistaʼ jkun sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa.
Din l-assemblea tas-circuit se tiffoka l-attenzjoni tagħna fuq x’għandna nħobbu l-iktar sabiex ingawdu l-barkiet kbar taʼ Jehovah. Titlef xejn minnha!