Programm Ġdid taʼ l-Assemblea tas-Circuit
1 Sabiex nieqfu sodi fil-fidi f’dinja mimlija taqlib, irridu nafdaw f’Jehovah. X’jinvolvi dan fir-realtà? Il-fatt li nafdaw f’Jehovah kif jeffettwa l-ħajja persunali u dik tal-familja tagħna? Kif jgħinna nirreżistu l-influwenza tad-dinja taʼ Satana? Il-programm taʼ l-assemblea tas-circuit għas-sena taʼ servizz 2003 jwieġeb dawn il-mistoqsijiet. It-tema hi “Afda f’Jehovah u Agħmel it-Tajjeb.”—Salm 37:3.
2 Il-fiduċja tagħna f’Jehovah ma nuruhiex biss f’okkażjonijiet speċjali jew meta nkunu ferm fil-bżonn. Teffettwa kull aspett taʼ ħajjitna. Dan huwa enfasizzat fit-taħdita tal-ftuħ, “Afda f’Jehovah f’Kull Żmien.” (Salm 62:9 [62:8, New World Translation]) Is-serje taʼ erbaʼ taħditiet “Nuru Fiduċja f’Jehovah” se turina kif insibu u napplikaw informazzjoni bbażata mill-Bibbja li tistaʼ tgħinna nibnu żwieġ li jirnexxi, insolvu l-problemi li jinqalgħu fil-familja, u nissodisfaw il-bżonnijiet materjali tagħna.
3 Id-dinja taʼ Satana tipprova timponi fuqna ħarsa mgħawġa dwar dak li hu tajjeb u ħażin u tħawwadna meta niġu biex nagħżlu x’inhu importanti u x’m’huwiex. (Is. 5:20) It-taħditiet “Għasses Kontra l-Frugħat tal-Ħajja” u “Warrbu l-Ħażin—Agħmlu t-Tajjeb” se jsaħħu d-determinazzjoni tagħna biex inżommu mal-livelli għoljin taʼ Jehovah.—Għam. 5:14.
4 Meta Jehovah iġib fit-tmiem lil din is-sistema preżenti mill-agħar, il-qaddejja t’Alla se jkollhom bżonn jafdaw fih kompletament. Dan huwa enfasizzat fit-taħdita pubblika, “Il-Ħelsien min-Niket tad-Dinja Jinsab fil-Qrib.” Wara dan, se niġu mistidnin biex neżaminaw lilna nfusna fil-parti “Se Tkun Tixraqlek is-Saltna t’Alla?” Il-programm jikkonkludi billi jħeġġeġ “Afda fil-Wegħdi taʼ Jehovah.”
5 Xi ħaġa li tispikka f’kull assemblea hija t-taħdita tal-magħmudija. Kulmin jixtieq jitgħammed għandu jgħid lill-indokratur li jippresiedi malajr kemm jistaʼ jkun sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti neċessarji.
6 F’dawn iż-żminijiet kollhom inċertezzi, Jehovah huwa l-uniku wieħed li jistaʼ verament iżommna sodi u fiduċjużi. (Salm 118:8, 9) Jalla lkoll kemm aħna nsaħħu l-fiduċja tagħna fih billi nkunu preżenti għall-programm kollu taʼ l-assemblea tas-circuit.